Suċċessjonijiet

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Id-dispożizzjoni tal-beni wara l-mewt ta’ xi ħadd tista’ ssir bi tlett modi: (a) permezz ta’ testment liema testment jista’ jkun konġunt (magħruf bħala unica carta bejn il-mara u r-raġel) jew (b) permezz ta’ testment sigriet depożitat il-Qorti mit-testatur jew in-nutar, jew fin-nuqqas ta’ wieħed minn dawn (c) it-tqassim tal-beni jsir skont id-dispożizzjoni tal-liġi (suċċessjoni ab intestato).

Testment jista’ jinkludi dispożizzjoniji tal-beni kollha jew biċċa minnhom. Dak li mhux regolat bit-testment jiġi disponibbli skont il-liġi. It-testment jista’ jinkludi dispożizzjonijiet universali u fejn it-testatur iħalli lill-persuna waħda jew iżjed il-ġid tiegħu kollu (magħrufa bħala werrieta). Barra minn hekk testment jista’ jkun fih dispożizzjonijiet partikolari u min jiret taħt dak it-titolu jkun magħruf bħala legatarju

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Fi żmien ħmistax mid-data tat-testment pubbliku n-nutar għandu jagħmel nota ta’ insinwa biex jirreġistraha mad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku. Fil-każ ta’ testment sigriet dan jista’ jiġi kkunsinnat mit-testatur quddiem imħallef jew maġistrat li joqgħod fil-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja. Iżda testatur jista’ jikkunsinna it-testment sigriet f’idejn in-nutar, fejn dan ta’ l-aħħar għandu fi żmien erbat ijiem tax-xogħol minn dak inhar tal-kunsinna, jippreżentah lill-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja biex jiġi merfugħ mir-reġistratur tal-Qorti.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Il-Kodiċi Ċivili jagħmel referenza għas-sehem riżervat. Dan huwa jedd ta’ kreditu fuq il-beni tal-mejjet riżervat bil-liġi favur id-dixxendenti tal-mejjet u mill-mara jew ir-raġel miżżewweġ li jibqa’ ħaj. Skont l-Artikolu 616 tal-imsemmi att, is-sehem riżervat li jmiss lit-tfal kollha, kemm jekk imnisla jew imwielda matul iż-żwieġ jew imnisla jew imwielda barra miż-żwieġ jew adottati, għandu jkun terz tal-valur tal-beni jekk dawk it-tfal ma jkunux iżjed minn erba’ fl-għadd jew nofs ta’ dak il-valur jekk ikunu ħamsa jew iżjed.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Meta ma jkunx hemm testment jew it-testment ma jkunx validu jew il-werrieta ma jridux jew ma jistgħux jirtu jew ma jkunx hemm lok ghal jedd ta’ akkrexximent bejn il-werrieta, ikun hemm lok għal suċċessjoni ab intestato bis-saħħa tal-liġi.

F’sitwazzjonijiet hekk il-liġi tgħaddii l-wirt lid-dixxendenti, lill-axxendenti, lill-qraba kollaterali, lil mart jew żewġ il-persuna mejta u lill-Gvern ta’ Malta. Is-suċċessjoni f’dan il-każ tiġi mqassma skont il-qrubija. II-grad ta’ qrubija jitqies mill-għadd tal-ġenerazzjonijiet. Meta l-mejjet ma jħallix warajh persuni li għandhom jedd jirtuh, il-wirt imur favur il-Gvern ta’ Malta.

Ma jkunx jista’ jiret ab intestato jekk il-persuna tkun inkapaċi jew mhux denja li tirċievi minħabba li b’qerq jew bi vjolenza ma tkunx ħalliet lill-mejjet jagħmel testment.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Il-Qrati Maltin għandhom ġurisdizzjoni ġenerali li jiddeċiedu tilwimiet b’rabta mas-suċċessjoni. It-Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar il-Qsim tal-Wirt għandu ġurisdizzjoni speċjali f’ċertu ċirkostanzi speċifiċi meta l-werrieta ma jkunux qablu kif ħa jinqasam il-wirt.

In-nutara jew avukati ġeneralment jitqabbdu meta ma jkunx hemm inkwiet jew tilwim fuq is-suċċessjoni.

Min hu interessat jista’ wkoll imur quddiem il-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja biex tagħti digriet fejn tordna l-ftuħ ta’ suċċessjoni favurih.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Ir-Reġistratur tal-Qorti u n-Nutara

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Ir-Reġistratur tal-Qorti u n-Nutara

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ir-Reġistratur tal-Qorti u n-Nutara

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Suċċessjoni tibda billi minn ikollu nteress immur għand nutar jew avukat fejn dan ta’ l-aħħar jagħmel riċerka kemm fir-Reġistru Pubbliku għal testmenti pubbliċi kif ukoll il-Qorti għal testmenti sigrieti. Wara dan il-proċess isir il-ftuħ tas-suċċessjoni fejn in-nutar jew l-avukat jara min huma l-werrieta u legatarji, jekk ikun hemm, u jikkomunika magħhom dak li jkun instab. Il-beni imbagħad jinqasam skont kif ikun iddispona minnhom it-testatur.Jekk il-mejjet ma jkunx ħalla testment il-beni jinqasmu skont id-dispożizzjoni tal-liġi.

Il-beni mobbli kif ukoll dawk imobbli jistgħu jinbiegħu bi ftehim bejn il-werrieta kollha u minn dak il-bejgħ jinqasam mal-werrieta skont il-proporzjon indikat fit-testment.

Jekk ikun hemm kontestazzjoni bħal per eżempju fuq l-awtentiċit à tat-testment jew fuq il-qsim tal-wirt, il-werrieta li tqajjem dan il-punt tista’ tipproċedi quddiem il-Qorti Ċivili, Prim’Awla jew i t-Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar il-Qsim tal-Wirt .

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Is-suċċessjoni tinfetaħ kif tiġri l-mewt, jew dak in-nhar li tgħaddi f’ġudikat is-sentenza li biha jkun ġie ddikjarat illi l-persuna, li tas-suċċessjoni tagħha jkun irid isir il-ftuħ, għandha titqies mejta minħabba li tkun ilha assenti żmien twil.

Ħadd ma hu obbligat li jaċċetta wirt li jmiss lilu. Aċċetazzjoni tista’ tkun kemm taċita kif ukoll espressa. Tkun taċita meta l-werriet jagħmel xi att li jkun ifisser li huwa jrid jaċċetta l-wirt u hija espressa meta wieħed jieħu l-kwalita ta’ werriet f’att pubbliku jew f’kitba privata. Min-naħa l-ohra rinunzja ma tistax tkun preżunta.

Fil-każ ta’ legat, il-legatarju minn dakinhar tal-mewt tat-testatur għandu l-jedd li jitlob lill-werriet il-pussess tal-ħaġa imħollija b’legat.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva l-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet f’dik il-proporzjoni u b’dak il-mod illi jkun ordna t-testatur. Jekk il-mejjet imut mingħajr testment jew ma jkunx ordna kif għandhom jitqassmu d-djun, il-werrieta jħallsu d-djun skont il-proporzjon tagħhom fil-wirt. Kull werriet hu obbligat personalment għad-djun tal-wirt.

Jekk wieħed mill-werrieta jkollu l-pussess ta’ ħwejjeġ ipotekati għad-dejn, dak il-werriet obbligat b’ipoteka għad-dejn kollu. Jekk il-werriet minħabba dik l-ipoteka ikun ħallas iżjed minn sehmu ta’ dejn komuni, jista’ jdur kontra l-werrieta l-oħra limitatament għas-sehem tagħhom.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Il-liġi tas-suċċessjoni ma timponix dmir fuq il-werrieta li jirreġistraw il-ġid immobbli li huma jkunu wirtu. Madankollu skont il-liġi dwar it-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti, kull min jiret ġid immobbli jrid jirreġistra dikjarazzjoni causa mortis mar-Reġistru Pubbliku. Essenzjalment din id-dikjarazzjoni jkun fiha d-data, il-partikolaritajiet tal-mejjet u tal-werriet/legatarju, id-data u l-post tal-mewt tal-mejjet, deskrizzjoni tal-ġid li ntiret, it-titolu tat-trasferiment, il-valur tal-ġid immobbli, il-post fejn saret id-dikjarazzjoni u l-firem tad-dikjarant u ta’ nutar pubbliku.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta’ amministratur m’hijiex obbligatorja.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Il-werriet jew eżekutur testamentarju.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Amministratur jew eżekutur testamentarju għandu jagħmel inventarju tal-wirt. Huwa għandu jeżerċita u jmexxi l-jeddijiet ta’ dak il-wirt, billi jwieġeb għat-talbiet ġudizzjarji li jinġiebu kontra l-wirt u għandu jamministra bl-obbligu li jiddepożita l-flus li jkunu jinsabu fil-wirt stess jew li jidħlu mill-bejgħ ta’ ħwejjeġ mobbli jew immobbli u jagħti kont lil min imiss.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Ġeneralment ma jinħarġu l-ebda dokumentti li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċċjarju peress li s-suċċessjoni tgħaddi awtomatikament mal-mewt. Però min hu interessat jista' jmur quddiem il-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja biex tagħti digriet fejn tordna l-ftuħ ta’ suċċessjoni favurih.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 15/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.