Suċċessjonijiet

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Meta jsiru t-testmenti, ir-regoli li jridu jiġu osservati jinkludu dawn li ġejjin:

L-ewwel nett, it-testatur irid ikollu l-fakultajiet intellettwali kollha. Il-persuni li jiġu ddikjarati neqsin mill-kapaċità ġuridika ma jistgħux jagħmlu testment. Fil-każ ta' minuri japplikaw regoli speċifiċi. Dawn huma maħsuba biex iħarsu l-assi tal-persuni konċernati.

Xi testmenti, bħat-testmenti unica charta, huma projbiti. Huma projbiti wkoll ftehimiet dwar is-suċċessjoni.

Il-Kodiċi Ċivili jsemmi l-forom ta' testmenti li ġejjin previsti mil-liġi Lussemburgiża dwar is-suċċessjoni:

  • testmenti olografiċi;
  • testmenti li jsiru quddiem nutar;
  • testmenti siġillati.

Il-proċeduri u l-arranġamenti jvarjaw skont it-tip ta' testment magħżul.

Testmenti olografiċi

Testment olografiku huwa testment miktub, datat u ffirmat kollu kemm hu mit-testatur innifsu.

It-testmenti olografiċi għandhom il-vantaġġ tas-sempliċità.  L-iżvantaġġ tagħhom huwa li jistgħu jiġu mfassla mit-testatur mingħajr ħadd ma jiġi infurmat li jeżistu. B'hekk it-testment jista' ma jinstabx wara l-mewt tat-testatur.

Hemm ukoll ir-riskju ta' ffalsifikar jew il-qerda tiegħu. Barra minn hekk testment olografiku jista' ma jkunx validu jekk ma jkunx jista' jinqara, ikun ambigwu jew ma jkunx komplut. Għandu jiġi nnutat illi f'dak ir-rigward anke data ħażina fuq testment olografiku tista' twassal għall-invalidità tiegħu. L-invalidità tista' tkun ikkawżata wkoll minn difett materjali.

Huwa għalhekk fl-aħjar interessi tat-testatur biex jgħid illi għamel testment u fejn huwa miżmum, u jiżgura illi huwa validu.

It-testatur jista' jiżgura l-eżistenza tat-testment olografiku billi jgħid lil xi ħadd li jafda dwaru, jew, wara li jħallas tariffa, idaħħal l-informazzjoni ewlenija dwar it-testment (bħal ismu u l-indirizz u l-post fejn huwa miżmum) fir-reġistru ċentrali tat-testmenti. Ir-reġistru huwa bażi tad-dejta ġestita mid-Dipartiment tar-Reġistru tal-Artijiet u tal-Patrimonju (Administration de l’Enregistrement et des Domaines) (ara wkoll hawn taħt).

Fir-rigward tal-validità tat-testment, dan irid ikun ġie miktub kollu kemm hu mit-testatur, datat u ffirmat minnu. Għalhekk l-użu ta' espert fil-liġi tas-suċċessjoni, bħal nutar, huwa rakkomandat sabiex jiġi żgurat illi t-testment ikun validu.

Testmenti li jsiru quddiem nutar

Testment li jkun sar għand nutar isir quddiem żewġ nutara jew nutar megħjun minn żewġ xhieda.

Dan it-testment għandu vantaġġi konsiderevoli meta mqabbel ma' testment olografiku.

L-ewwel nett, in-nutar li se jfassal id-dokument jagħti pariri legali lit-testatur. Dan jiżġura illi ma jkunx hemm difetti ta' proċedura jew materjali fit-testment u li jkun validu.

It-tieni nett, peress illi testment li jsir quddiem nutar jinżamm għand in-nutar, dan jibqa' ssiġillat sal-mewt tat-testatur u l-aħħar xewqat tiegħu jsiru magħrufa wara mewtu. Għandu jiġi nnutat ukoll f'dak ir-rigward illi n-nutar li se jfassal it-testment huwa obbligat idaħħal id-dettalji ewlenin tiegħu fir-reġistru tat-testmenti.

Testment siġillat

Testment siġillat huwa dokument miktub mit-testatur jew persuna oħra u ppreżentat lil nutar mit-testatur magħluq u ssiġillat, fil-preżenza ta' żewġ xhieda jew nutar addizzjonali. In-nutar li jirċievi t-testment siġillat ifassal aċċettazzjoni permezz ta' att pubbliku jew privat (acte de suscription en minute ou en brevet).

In-nutar jippreserva t-testment siġillat, biex b'hekk jevita kull riskju ta' sostituzzjoni jew iffalsifikar.

B'testment issiġillat, bħal testment magħmul quddiem nutar, l-arranġamenti li jkun għamel it-testatur jibqgħu mistura matul ħajtu. Barra minn hekk, peress illi t-testment ikun sar quddiem nutar, ikun aktar faċli biex jinsab wara l-mewt tat-testatur.

Il-fatt illi n-nutar ifassal att ta' aċċettazzjoni meta jirċievi t-testment ma jfissirx illi dak it-testment huwa validu. Fil-fatt, anke jekk it-testment siġillat ikun ġie mfassal u preservat skont ir-regoli proċedurali rilevanti, madankollu jista' jsir invalidu minħabba difett materjali. In-nutar ma jistax jaċċerta ruħu illi t-testment huwa validu, meta dan ikun ġie ppreżentat lilu magħluq u ssiġillat.

It-testment siġillat rari jintuża fil-Lussemburgu.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Fil-Lussemburgu, id-dettalji ewlenin ta' xi testmenti jridu jew jistgħu jiġu reġistrati fir-reġistru tat-testmenti (ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti). Ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja għat-testmenti li jsiru quddiem nutar u għat-testmenti siġillati u olografiċi miżmuma għand nutar. Dan japplika wkoll jekk it-testmenti jiġu mħassra, revokati jew emendati b'kull mezz ieħor. Ir-reġistrazzjoni hija fakultattiva għat-testmenti olografiċi li qegħdin għand individwi.

It-testment innifsu u l-kontenut tiegħu ma jissemmewx fir-reġistru. Ir-reġistrazzjoni turi biss isem it-testatur u l-isem u l-kunjom tal-konjuġi tiegħu, jekk ikun il-każ, id-data u l-post ta' twelid tat-testatur, in-numru tal-identità, l-impjieg, l-indirizz jew post ta' residenza, it-tip u d-data tad-dokument għar-reġistrazzjoni, l-isem u l-indirizz tan-nutar li fassal id-dokument jew għand min hu miżmum jew, f'każ ta' testmenti olografiċi, jekk hemm bżonn l-isem l-indirizz ta' kull persuna jew istituzzjoni li magħha ġie fdat it-testment jew il-post fejn huwa miżmum.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Skont il-liġi tas-suċċessjoni Lussemburgiża, hemm restrizzjonijiet fuq kif wieħed iħalli ġidu warajh wara mewtu.

B'mod aktar speċifiku, il-porzjoni riservata qiegħda hemm biex jirtu l-werrieta stabbiliti bil-liġi minkejja rigali jew arranġamenti testamentarji tat-testatur.

Skont il-liġi Lussemburgiża, għandhom dritt għall-porzjoni riservata biss id-dixxendenti tad-decujus (it-tfal, jew it-tfal tat-tfal jekk ikunu mietu qablu).

Il-porzjoni riservata tikkonsisti f'nofs l-assi legali tal-wirt jekk id-decujus ikun ħalla wild wieħed, żewġ terzi jekk kellu żewġt itfal u tliet kwarti jekk kellu tlett itfal jew aktar.

Tista' ssir rinunzja tal-porzjoni riservata. Ir-rinunzja trid issir b'mod espliċitu permezz ta' dikjarazzjoni fir-reġistru tal-qorti tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni, u mdaħħla f'reġistru speċjali miżmum apposta għal dak il-għan.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk ma jkunx hemm testment, is-suċċessjoni tkun regolata mir-regoli tal-liġi rilevanti.

L-ordni tas-suċċessjoni normalment huwa kif ġej:

  • dixxendenti (tfal, tfal tat-tfal);
  • konjuġi superstiti;
  • il-missier u l-omm, flimkien ma' ħut id-decujus u d-dixxendenti ta' dawn tal-aħħar;
  • l-axxendenti għajr il-missier u l-omm (nanniet, bużnanniet, eċċ);
  • il-qraba kollaterali għajr l-aħwa (zijiet, neputijiet, eċċ);
  • l-Istat.

Jistgħu jinqalgħu ċerti sitwazzjonijiet minħabba din il-ġerarkija ta' werrieta:

Sitwazzjoni 1: id-decujus ikollu konjuġi superstiti u tfal (jew tfal tat-tfal)

Il-liġi tgħid illi l-konjuġi superstiti huwa konjuġi li ma ħax id-divorzju u li ma hemmx sentenza finali ta' separazzjoni kontrih.

Il-wirt jinqasam f'ishma ndaqs bejn it-tfal tad-decujus skont kemm qegħdin aħwa, u skont id-drittijiet tal-konjuġi superstiti.

Eżempju:

Jekk id-decujus kellu wild wieħed, dak il-wild jiret kollox, soġġett għad-drittijiet tal-konjuġi superstiti.

Jekk id-decujus kellu żewġt itfal, huma jaqsmu l-wirt bejniethom, soġġett għad-drittijiet tal-konjuġi superstiti.

F'dik is-sitwazzjoni, il-konjuġi superstiti għandu għażla bejn:

  • l-użufrutt (id-dritt li jgawdi l-użu u l-benefiċċji) tal-propjetà li kienu jgħixu fiha l-konjuġi u l-għamara ġo fiha, sakemm id-decujus kellu s-sjieda sħiħa tal-propjetà jew kien kopropjetarju mal-konjuġi superstiti u
  • l-iżgħar porzjon tat-tfal imwielda fiż-żwieġ, sakemm din ma tkunx inqas minn kwart tal-wirt.

Il-konjuġi superstiti għandu tliet xhur u 40 ġurnata mill-mewt tad-decujus biex jeżerċita din l-għażla permezz ta' dikjarazzjoni fir-reġistru tal-qorti distrettwali li s-suċċessjoni nfteħet fil-ġuriżdizzjoni tagħha . Jekk ma ssirx għażla f'dan il-perjodu speċifiku, il-konjuġi superstiti jitqies li għażel l-użufrutt.

Jekk il-konjuġi superstiti jagħżel il-porzjoni tat-tfal, l-ishma tat-tfal jitnaqqsu proporzjonalment, sa fejn ikun meħtieġ biex tiġi kostitwita l-porzjoni tal-konjuġi superstiti.

X'jiġri jekk wieħed mit-tfal tad-decujus ikun miet qablu mingħajr tfal?

F'dan il-każ tapplika s-sostituzzjoni (représentation). It-tifel/tfal tal-wild tad-decujus li jkun miet qablu (pereżempju it-tfal tat-tfal tad-decujus) imbagħad jaqsmu bejniethom il-porzjoni riservata ta' missierhom jew ommhom.

Fi kliem ieħor, flimkien jirċievu l-porzjoni li kienet tmiss lil dik il-persuna li kieku baqgħet ħajja qabel id-decujus.

X'jiġri jekk il-konjuġi superstiti jerġa' jiżżewwweġ wara li jkun għażel l-użufrutt tad-dar matrimonjali?

F'dak il-każ, it-tfal, jew it-tfal tat-tfal f'każ li d-decujus miet wara wieħed mit-tfal tiegħu, jistgħu jitolbu ftehim konġunt għall-użufrutt biex jiġi konvertit f'kapital.

Il-kapital irid ikun ekwivalenti għall-valur tal-użufrutt li jiddependi, inter alia, fuq l-età tal-benefiċjarju tal-użufrutt.

L-applikazzjoni għall-konverżjoni trid titressaq il-qorti fi żmien sitt xhur miż-żwieġ tal-konjuġi superstiti u trid issir mit-tfal kollha, jew mit-tfal tat-tfal fejn wieħed mit-tfal tad-decujus miet qablu.

Jekk ma jkunx hemm il-qbil tat-tfal kollha biex issir il-konverżjoni għal kapital, id-deċiżjoni qiegħda fid-diskrezzjoni tal-qorti.

Sitwazzjoni 2: id-decujus għandu konjuġi superstiti iżda bla tfal

Jekk id-decujus ma kellux tfal jew dixxendenti mit-tfal, il-konjuġi superstiti jieħu preċedenza fuq il-qraba l-oħra kollha tal-konuġi l-mejjet u għalhekk jiret il-wirt kollu, minkejja li jista' jkun li reġa' żżewweġ.

Madankollu, il-konjuġi superstiti mhumiex werrieta bi dritt (héritier réservataire). Għalhekk, bil-kontra tat-tfal tad-decujus, ma għandhomx dritt għall-porzjoni riservata. Fi kliem ieħor, jekk id-decujus ma kellux tfal, il-konjuġi superstiti jista' teorikament jiġi eskluż mill-wirt tal-konjuġi permezz ta' rigal jew testment.

Sitwazzjoni 3: id-decujus ma kellux tfal u ma kienx miżżewweġ iżda kellu 'l ħutu (jew lin-neputijiet)

F'dik is-sitwazzjoni, trid issir distinzjoni skont jekk għadhomx ħajjin il-ġenituri tad-decujus.

Jekk il-ġenituri tiegħu għadhom ħajjin, kull wieħed minnhom jiret kwart mill-wirt, jiġifieri b'kollox jirtu nofsu.

In-nofs l-ieħor jinqasam bejn ħutu jew id-dixxendenti tagħhom.

Jekk jibqa' biss ħaj wieħed mill-ġenituri tad-decujus, dak il-ġenitur jiret kwart tal-wirt, filwaqt li ħutu jew id-dixxendenti tagħhom jirtu t-tliet kwarti l-oħra.

It-tfal ta' ħutu (jiġifieri n-neputijiet tad-decujus) jaqsmu bejniethom il-porzjoni riservata ta' missierhom jew ommhom skont id-dritt ta' rappreżentazzjoni jekk il-ġenituri tagħhom ikunu mietu qabel id-decujus.

Għalhekk flimkien jirċievu l-porzjoni li kieku kienet tmiss lil ommhom jew lil missierhom li kieku ma mitux qabel id-decujus.

Sitwazzjoni 4: id-decujus ma kellux tfal, konjuġi, aħwa jew neputijiet iżda l-ġenituri tiegħu għadhom ħajjin

F'din is-sitwazzjoni, il-wirt kollu jintiret mill-ġenituri tad-decujus, b'kull wieħed minnhom jiret nofs.

Jekk jibqa' ħaj biss wieħed mill-ġenituri, huwa jiret il-wirt kollu tal-wild mejjet tiegħu (ibidem).

Sitwazzjoni 5: id-decujus ma kellux tfal, konjuġi, aħwa jew neputijiet, u l-ġenituri tiegħu u axxendenti oħra mietu wkoll

F'din is-sitwazzjoni, iz-zijiet tad-decujus, iz-zijiet ta' ommu u missieru, il-kuġini u d-dixxendenti tal-kuġini huma meqjusa bħala werrieta.

Il-wirt jinqasam bejn iż-żewġ linji, il-linja paterna u dik materna, b'kull waħda tiret nofs il-wirt.

Kull werriet lil hinn mit-tfal tat-tfal tal-kuġin, fil-linja materna jew paterna, ma għadx jista' jiret. F'dik is-sitwazzjoni, il-wirt isir propjetà tal-Istat, magħruf bħala wirt in bona vacantia.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Il-proċeduri tas-suċċessjoni jinbdew mill-werriet(a) li, fuq inizjattiva tagħhom stess, jiddelegaw it-tranżazzjonijiet kollha għall-qsim tal-wirt lil nutar magħżul minnhom jew maħtur mit-testatur.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Ma hemmx awtorità speċifika msemmija mil-liġi Lussemburgiża għall-aċċettazzjoni tal-wirt. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi, l-aċċettazzjoni tista' tkun espliċita jew taċita. L-aċċettazzjoni hija espliċita meta persuna tassumi t-titlu jew il-kapaċità ġuridika ta' werriet f'att uffiċjali jew privat. L-aċċettazzjoni hija taċita meta l-werriet jieħu miżura li neċessarjament timplika l-ħsieb tiegħu li jaċċetta u li għandu dritt jieħu biss bħala werriet.

Skont il-Kodiċi Ċivili, ir-rinunzja tas-suċċessjoni trid issir l-ewwel fir-reġistru tal-qorti tal-ewwel istanza tad-distrett fejn saret is-suċċessjoni, f'reġistru speċjali miżmum għal dak il-għan.

Minħabba l-implikazzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jirriżultaw minn suċċessjoni, huwa rakkomandat li jiġi kkonsultat nutar qabel issir l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Il-Kodiċi Ċivili Lussemburgiż ma fihx regoli speċifiċi fuq dan il-punt u l-ġurisprudenza Lussemburgiża għalhekk hija bbażata fuq il-prinċipju illi kull proċedura tista' tiġi użata għall-aċċettazzjoni ta' legat (universali, b'titolu ġenerali jew individwali).

L-istess japplika għar-rinunzja ta' legat individwali. Għalhekk ir-rinunzja tista', inter alia, tkun taċita, jekk pereżempju l-legatarju jirrifjuta li jwettaq obbligi assoċjati mal-legat.

Fil-każ ta' rinunzja ta' legat universali jew legat b'titlu ġenerali, xi qrati jeħtieġu li jiġu osservati r-regoli formali stabbiliti għar-rinunzji tas-suċċessjoni, filwaqt li qrati oħra jgħidu illi dawn ir-regoli ma japplikawx.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ir-regoli msemmija hawn fuq japplikaw għall-aċċettazzjoni tal-porzjoni riservata ta' wirt.

Ir-rinunzja tas-suċċessjoni trid issir fir-reġistru tal-qorti tal-ewwel istanza tad-distrett fejn infetħet is-suċċessjoni, f'reġistru speċjali miżmum għal dak il-għan.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-proċeduri tas-suċċessjoni jinbdew mill-werriet(a) li, fuq inizjattiva tagħhom stess, jiddelegaw it-tranżazzjonijiet kollha għall-qsim tal-wirt lil nutar magħżul minnhom jew maħtur mit-testatur.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Mal-mewt tiegħu, l-assi tad-decujus jgħaddu direttament għand il-werriet. Madankollu, dan ma jfissirx illi l-werrieta jridu jaċċettaw is-suċċessjoni (ara iktar 'il fuq).

Sabiex persuna tkun tista' tiret, iridu jiġu ssodisfati b'mod partikolari il-kundizzjonijiet li ġejjin. Il-persuna:

  • jrid ikollha eżistenza legali mal-mewt tat-testatur, jiġifieri tkun tal-inqas ġiet konċeputa, bil-kundizzjoni illi l-wild konċernat jitwieled vijabbli;
  • ma tkunx ġiet eskluża mil-liġi, partikolarment fil-każ ta':
    • persuni li ma għandhomx kapaċità legali;
    • tobba jew kirurgi, professjonisti tas-saħħa u spiżjara li jkunu qed jikkuraw persuna matul il-marda li twassal għal mewt tagħhom, jekk ikun sar testment favur tagħhom matul dik il-marda;
  • ma tkunx trid ġiet eskluża mis-suċċesjoni għaliex tkun ġiet diżeredata.

Fir-rigward ta' legat, trid tiġi segwita, fejn xieraq, il-proċedura għall-pagament ta' legat (délivrance de legs) jew l-ordni ta' pussess (envoi en possession).

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva, jekk il-werrieta jaċċettaw is-suċċessjoni mingħajr kundizzjoni.

Madankollu, meta tkun infetħet is-suċċessjoni, il-werrieta jistgħu jaċċettawha wkoll soġġett għall-inventarju.

L-effett tal-inventarju jagħti lill-werrieta l-vantaġġ illi jkunu responsabbli għall-ħlas tad-djun sal-valur tal-assi li jkunu wirtu biss u jistgħu jiġi wkoll mill-ħlas tad-dejn billi jirrinunzjaw għall-assi kollha li jkunu wirtu lill-kredituri u l-legatarji.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

It-testatur huwa liberu li jaħtar lil min irid bħala eżekutur testamentarju, minbarra minorenni.

Ara aktar 'il fuq dwar ir-rwol tal-amministratur tal-wirt.

Skont l-Artikolu 1 tal-liġi tal-25 ta' Settembru 1905 dwar ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fuq il-propjetà immobbli, it-tranżazzjonijiet kollha inter vivos, sew jekk bi ħlas u sew jekk le, li jittrasferixxu drittijiet in rem fuq propjetà immobbli, għajr drittijiet preferenzjali u ipoteki, jridu jiġu reġistrati fir-reġistru tal-ipoteki fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab il-propjetà. L-Artikolu 2 tal-liġi jgħid illi jistgħu jiġu reġistrati biss deċiżjonijiet tal-qorti, atti uffiċjali u atti amministrattivi.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Skont il-liġi Lussemburgiża dwar is-suċċessjoni, hemm tliet sitwazzjonijiet possibbli dwar l-amministrazzjoni tal-wirt:

1) L-amministrazzjoni ta' wirt battal

F'każ ta' wirt battal, il-qorti kompetenti tal-ewwel istanza, fuq talba tal-persuni konċernati jew fuq applikazzjoni mill-Prosekutur Pubbliku, taħtar amministratur għas-suċċessjoni.

2) Atti amministrattivi fejn is-suċċessjoni tiġi aċċettata bil-benefiċċju tal-inventarju

F'dan il-każ partikolari huwa l-werriet benefiċjarju li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-assi tal-wirt u huwa responsabbli lejn il-kredituri u l-legatarji għall-amministrazzjoni tiegħu.

Skont il-ġurisprudenza Lussemburgiża, l-obbligu li jiġi rkuprat id-dejn dovut lis-suċċessjoni huwa, inter alia, parti integrali ta' dik l-amministrazzjoni.

Il-qrati jistgħu, b'mod eċċezzjonali, jassenjaw l-amministrazzjoni lil parti terza. Dan huwa possibbli meta, minħabba nuqqas ta' azzjoni, ġestjoni ħażina jew inkompetenza, l-eredi li jkunu għażlu l-inventarju jxekklu l-interessi tal-kredituri tal-wirt konċernat u jistgħu jippreġudikawhom (il-ġurisprudenza Lussemburgiża).

3) Atti amministrattivi fil-każ ta' kopropjetà tal-wirt

Fil-każ ta' kopropjetà tal-wirt, il-president tal-qorti distrettwali kompetenti jista' jaħtar kowerriet bħala amministratur.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

It-testatur huwa liberu li jaħtar lil min irid bħala eżekutur testamentarju, minbarra minorenni.

Ara aktar 'il fuq dwar ir-rwol tal-amministratur tal-wirt.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Ara hawn fuq.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Id-dikjarazzjoni statutorja (acte de notoriété) mfassal minn nutar, li għandha valur probatorju addizzjonali.

L-aħħar aġġornament: 29/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna