Suċċessjonijiet

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

It-trasferiment tal-propjetà causa mortis issir fil-forma ta' testment skont il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas). It-testment jista' jkun pubbliku (imfassal bil-miktub f'żewġ kopji minn nutar jew uffiċjal konsulari tar-Repubblika tal-Litwanja f'pajjiż ieħor) jew privat (testment olografiku li jispeċifika l-isem u l-kunjom tat-testatur, id-data (il-jum, ix-xahar u s-sena) u l-post fejn sar it-testment, fejn jiġu indikati x-xewqat tat-testatur u ffirmat mit-testatur; dan it-tip ta' testment jista' jiġi miktub b'kull lingwa). Il-konjuġi jistgħu jagħmlu testment unica charta fejn jinnominaw lil xulxin b'mod reċiproku bħala werrieta, fejn, mal-mewt ta' wieħed mill-konjuġi, il-konjuġi superstiti jiret il-propjetà kollha tal-konjuġi mejjet (inkluż il-komunjoni tal-beni matrimonjali), għajr il-porzjoni riservata.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Testment pubbliku jiġi ċċertifikat u rreġistrat fir-reġistru notarili fil-preżenza tat-testatur.  Kopja tat-testment tinżamm mit-testatur u l-kopja l-oħra tibqa' mal-korp ta' ċertifikazzjoni. It-testatur jista' jagħti testment privat għall-preservazzjoni lil nutar jew uffiċjal konsulari tar-Repubblika tal-Litwanja f'pajjiż barrani. Ir-reġistru tat-testmenti mfassla fir-Repubblika tal-Litwanja huwa ġestit mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Ipoteki (Centrinė hipotekos įstaiga). In-nutara u l-uffiċjali konsulari jridu jinnotifikaw lill-Uffiċċju Ċentrali tal-Ipoteki fi żmien tlett ijiem ta' xogħol b'kull testment iċċertifikat, aċċettat għall-preservazzjoni jew tħassir. In-notifika trid tindika l-isem u l-kunjom, in-numru ta' identifikazzjoni personali u l-post ta' residenza tat-testatur, u d-data u l-post fejn sar it-testment, x'tip hu u fejn qed jinżamm. Il-kontenut tat-testment ma hemmx għalfejn jiġi speċifikat.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva, l-Kodiċi Ċivili jipprovdi għad-dritt għall-porzjoni riservata: jirtu t-tfal tat-testatur (tfal adottati), konjuġi u ġenituri (ġenituri adottivi) li kienu finanzjarjament dipendenti fuq it-testatur meta miet, minkejja l-kontenut tat-testment, nofs is-sehem li kull wieħed minnhom għandu dritt għalih skont suċċessjoni ab intestato (il-porzjoni riservata) sakemm it-testatur ma jkunx tahom aktar fit-testment. Il-porzjoni riservata tiġi determinata fuq il-bażi tal-valur tal-wirt, inkluża l-għamara ordinarja tad-dar u armar ieħor.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Fin-nuqqas ta' testment, il-wirt jintiret skont is-suċċessjoni ab intestato. Meta s-suċċessjoni tkun ab intestato, il-persuni li ġejjin ikunu l-benefiċjarji tal-wirt f'sehem indaqs: id-dixxendenti fl-ewwel grad - it-tfal tat-testatur (inklużi t-tfal adottati) u t-tfal tat-testaturi mwielda wara mewtu; id-dixxendenti fit-tieni grad - il-ġenituri tat-testatur (ġenituri adottivi), it-tfal tat-tfal; id-dixxendenti fit-tielet grad - in-nanniet materni u paterni tat-testatur, il-proneputijiet tat-testatur; id-dixxendenti fir-rabà grad - ħut it-testatur, u l-bużnanniet materni u paterni tiegħu; id-dixxendenti fil-ħames grad - it-tfal ta' ħut it-testatur (neputijiet), u ħut il-ġenituri tat-testatur (zijiet); id-dixxendenti fis-sitt grad - it-tfal taz-zijiet tat-testatur (kuġini). Il-werrieta fit-tieni grad jirtu b'suċċessjoni ab intestato biss jekk ma jkunx hemm werrieta fl-ewwel grad, f'każ illi dawn tal-aħħar ma jaċċettawx jew jirrinunzjaw għall-wirt, jew f'każijiet fejn il-werrieta fl-ewwel grad ikunu ġew imċaħħda mid-dritt li jirtu. Il-werriet fit-tielet, ir-rabà, il-ħames u s-sitt grad jirtu jekk ma jkunx hemm werrieta fi grad ogħla jew f'każ illi dawn tal-aħħar jirrinunzjaw għall-wirt jew ikunu ġew imċaħħda mid-dritt li jirtu. It-tfal adottati u d-dixxendenti tagħhom li jirtu wara l-mewt tal-ġenitur adottiv tagħhom jew ta' qrabatu jiġu meqjusa daqs it-tfal tal-ġenitur adottiv u tad-dixxendenti tagħhom. Huma ma jirtux ab intestato wara l-mewt tal-ġenituri naturali tagħhom u qraba oħra fi grad ogħla fil-linja ta' dixxendenza, bl-istess mod wara l-mewt ta' ħuthom. Il-ġenituri adottivi u l-qraba tagħhom li jirtu wara l-mewt tat-tfal adottivi tagħhom jew id-dixxendenti tagħhom jiġu meqjusa daqs il-ġenituri naturali u qraba oħra. Il-ġenituri naturali ta' tifel adottat u qraba oħra fi grad ogħla fil-linja ta' dixxendenza ma jirtux ab intestato wara l-mewt tat-tfal adottati jew id-dixxendenti tagħhom. It-tfal tat-testatur imwielda lil ġenituri miżżewġin jew lil ġenituri bi żwieġ annullat jistgħu jirtu ab intestato, kif ukoll it-tfal imwielda barra ż-żwieġ b'paternità rikonoxxuta skont il-liġi. F'każijiet fejn xi ħadd mill-ġenituri tan-neputijiet tat-testatur jew il-ġenituri tat-tfal li diġà wirtu kienu diġà mietu meta nfetħet is-suċċessjoni, in-neputijiet tat-testatur u l-proneputijiet jirtu ab intestato flimkien mal-werrieta korrispondenti fl-ewwel u t-tieni grad li għandhom dritt għall-wirt. Huma jirtu ishma ndaqs mill-wirt li kien jintiret minn missierhom jew ommhom mejta ab intestato. Il-konjuġi superstiti tat-testatur jiret ab intestato jew flimkien mal-werrieta fl-ewwel jew it-tieni grad. Il-konjuġi jiret kwart mill-wirt flimkien mal-werrieta fl-ewwel grad u fejn ma jkunx hemm aktar minn tliet werrieta minbarra l-konjuġi nnifsu. Meta jkun hemm aktar minn tliet werrieta, il-konjuġi jiret daqs il-werrieta l-oħra. Jekk il-konjuġi jiret flimkien mal-werrieta fit-tieni grad, huwa jkollu dritt għal nofs il-wirt. Jekk ma jkunx hemm werrieta fl-ewwel jew fit-tieni grad, il-konjuġi jiret kollox. L-għamara u l-armar tad-dar jgħaddu għand il-werrieta ab intestato irrispettivament mill-grad ta' dixxendenza tagħhom u sehemhom mill-wirt, sakemm ikunu għexu mad-decujus għal mhux inqas minn sena qabel mewtu.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

In-nutar u l-qorti tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

In-nutar tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

In-nutar tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

In-nutar tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Skont il-Kodiċi Ċivili, werriet irid jaċċetta l-wirt biex isir tiegħu. L-aċċettazzjoni ma tistax tkun parzjali jew soġġetta għal kundizzjonijiet jew eċċezzjonijiet. Werriet jitqies li aċċetta l-wirt meta huwa jibda verament jieħu ħsieb il-wirt jew ikun ressaq applikazzjoni għall-aċċettazzjoni tal-wirt ma' nutar fil-post fejn infetħet is-suċċessjoni. Werriet jitqies li aċċetta l-wirt meta jkun beda jieħu ħsieb il-wirt, fejn iqisu bħala propjetà tiegħu (fejn jieħu ħsiebu, jużah, jiddisponi minnu u b'mod ġenerali jissorvelja l-wirt, iħallas it-taxxi u jkun esprima lill-qorti l-ħsieb tiegħu li jaċċetta l-wirt u jitlob il-ħatra ta' amministratur tal-wirt, eċċ). Werriet li jkun beda jieħu ħsieb xi parti mill-wirt jew anke xi oġġetti individwali minnu jitqies li aċċetta l-wirt bi sħiħ. Werriet li jkun beda jieħu ħsieb il-wirt għandu dritt, fiż-żmien stabbilit għall-aċċettazzjoni tal-wirt jirrinunzja għall-wirt permezz ta' applikazzjoni ma' nutar fil-post fejn infetħet is-suċċessjoni. F'dan il-każ is-suċċessur jitqies li ħa ħsieb il-wirt fl-interessi tal-benefiċjarji l-oħra. Dawn il-passi jridu jittieħdu fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tas-suċċessjoni. Il-persuni bi dritt għas-suċċessjoni li jseħħ biss jekk ikun hemm ir-rinunzja ta' werrieta oħra jistgħu jesprimu l-ħsieb tagħhom li jaċċettaw il-wirt fi żmien tliet xhur mid-data li fiha setgħu jaċċettaw il-wirt. L-iskadenza għall-aċċettazzjoni tal-wirt tista' tiġi estiża minn qorti jekk ikun ġie rikonnoxut illi ż-żmien ġie maqbuż minħabba raġunijiet serji. Il-wirt jista' jiġi aċċettat ukoll wara l-iskadenza taż-żmien mingħajr ma jsir rikors għall-qorti fejn ikun hemm ftehim bejn il-werrieta l-oħra li jkunu aċċettaw il-wirt. In-nutar huwa obbligat javża lill-Uffiċċju Ċentrali tal-Ipoteki bl-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni fi żmien tlett ijiem ta' xogħol. Il-werriet jew il-legatarju għandu dritt jirrinunzja għas-suċċessjoni fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tas-suċċessjoni. Ir-rinunzja ma tistax tkun parzjali jew soġġetta għal kundizzjonijiet jew eċċezzjonijiet. Ir-rinunzja tal-wirt għandha l-istess effett bħan-nuqqas ta' aċċettazzjoni tal-wirt. Il-werriet jirrinunzja għall-wirt permezz ta' applikazzjoni ma' nutar fil-post fejn infetħet is-suċċessjoni. Rinunzja mhix permessa meta s-suċċessur ikun ressaq applikazzjoni ma' nutar fil-post fejn infetħet is-suċċessjoni għall-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni jew għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' suċċessjoni. Fil-każ illi jkun hemm diversi benefiċjarji, il-wirt li jkun intiret jaqa' taħt il-propjetà konġunta tagħhom kollha sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fit-testment. Ħadd ma jista' jiġi mġiegħel jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jissepara s-sehem li għandu dritt għalih mill-bqija tal-wirt. Il-wirt jinqasam bil-ftehim reċiproku tal-werrieta. Il-wirt ma jistax jinqasam sakemm jitwieled il-werriet jew legatarju jew jekk it-testatur stabbilixxa fit-testment tiegħu perjodu ta żmien li fih il-wirt ikun b'pussess konġunt tal-werrieta. Dan il-perjodu ma jistax jaqbeż il-ħames snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni, ħlief f'każijiet fejn ikun hemm minuri fost il-werrieta. F'dan il-każ it-testatur jista' jipprojbixxi d-diviżjoni tal-wirt sakemm il-werrieta konċernati jagħlqu t-18-il sena. Il-werrieta jistgħu jaqsmu l-wirt permezz ta' ftehim reċiproku qabel issir ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet tal-werrieta fuq il-propjetà fir-reġistru pubbliku. Id-diviżjoni tal-propjetà immobbli ssir formalment permezz ta' att notarili, li jrid jiġi rreġistrat fir-reġistru pubbliku. Jekk il-werrieta ma jirnexxilhomx jaqblu dwar id-diviżjoni tal-propjetà, il-wirt jinqasam mill-qorti fuq il-bażi tal-azzjonijiet imressqa minn kull werriet. Il-propjetà diviżibbli hija maqsuma in natura u l-propjetà li ma tistax tinqasam tmur għand wieħed mill-werrieta tenut kont tan-natura tal-propjetà u l-bżonnijiet tal-werriet, filwaqt li l-werrieta l-oħra jingħataw kumpens għall-valur tal-propjetà permezz ta' propjetà oħra jew fi flus kontanti. Bi ftehim reċiproku tal-benefiċjarji il-wirt kollu jew oġġetti speċifiċi jistgħu jinbiegħu b'subbasta u r-rikavat jinqasam bejniethom, jew inkella l-werrieta jistgħu jagħmlu offerti bejniethom għall-oġġetti individwali, b'kull oġġett imur għand il-werriet li jkun tefa' l-ogħla offerta. It-trasferiment tal-oġġetti individwali ta' propjetà lill-werrieta speċifiċi jista' jiġi determinat bi ftehim reċiproku bix-xorti.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Il-mument li fih tinfetaħ is-suċċessjoni jitqies li huwa l-mument tal-mewt tat-testatur, jew meta t-testatur ikun ġie ddikjarat mejjet, il-ġurnata li fiha tidħol fis-seħħ is-sentenza tal-qorti li tiddikjara lit-testatur mejjet, jew id-data indikata fis-sentenza.  Biex issir werrieta persuna trid taċċetta l-wirt (jew billi tieħu ħsieb fil-prattika l-wirt jew billi tmur għand nutar fil-post ta' ftuħ tas-suċċessjoni biex taċċetta l-wirt). Legatarju jinnotifika l-aċċettazzjoni tiegħu lill-eżekutur testamentarju (l-amministratur tal-wirt), lil werriet li jkun aċċetta l-wirt u li jkun awtorizzat jeżegwixxi l-legat jew lil nutar fil-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni. Fejn il-legat jinvolvi d-dritt għal propjetà immobbli, trid issir applikazzjoni ma' nutar.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Werriet li aċċetta l-wirt billi ħa ħsiebu jew billi ressaq applikazzjoni quddiem nutar huwa responsabbli għad-djun tat-testatur bil-propjetà kollha tiegħu. Fejn il-wirt jkun ġie aċċettat minn diversi werrieta bil-mod indikat hawn fuq, huwa responsabbli b'mod konġunt għad-djun tat-testatur bil-propjetà kollha tagħhom. Il-werriet għandu dritt jindika lin-nutar fl-applikazzjoni tiegħu għall-aċċettazzjoni tal-wirt illi jixtieq jaċċetta l-wirt bil-benefiċċju tal-inventarju. F'dan il-każ il-werriet jagħmel tajjeb għad-dejn tat-testatur bil-propjetà tal-wirt biss. Jekk mill-inqas werriet wieħed aċċetta l-wirt bil-benefiċċju tal-inventarju, il-werrieta l-oħra jiġu meqjusa li aċċettaw il-wirt ukoll fuq din il-bażi. L-inventarju jista' jintalab ukoll mill-kredituri tat-testaturi. Jekk fi żmien it-tfassil tal-inventarju il-werriet b'nuqqas tiegħu jonqos milli jindika l-propjetà kollha li hemm fil-wirt jew ħeba d-dejn li kellu t-testatur, jew fejn ikun ġie inkluż dejn mhux dovut fl-inventarju fuq inizjattiva tal-werriet, jew il-werriet ikun naqas milli jipprovdi informazzjoni sħiħa għall-inventarju, huwa jagħmel tajjeb għad-dejn tat-testatur bil-propjetà kollha tiegħu.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Il-propjetà immobbli li ġejja tiġi mniżżla fir-Reġistru tal-Propjetà Immobbli jekk ikunu ġew ikklassifikati bħala oġġetti individwali ta' propjetà immobbli u assenjati numru uniku skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi Litwana dwar ir-reġistru tal-artijiet (Lietuvos Respublikos nekilnojamojo turto kadastro įstatymas): plottijiet tal-art, bini, appartamenti fi blokok tal-appartamenti u bini ieħor. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-propjetà immobbli fir-Reġistru tal-Propjetà Immobbli (Nekilnojamojo turto registras) iridu jkunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin:

  1. applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' drittjiet fuq il-propjetà immobbli (sjieda jew ġestjoni) jew biex tiġi emendata d-dejta fir-Reġistru tal-Propjetà Immobbli marbuta mad-drittijiet fuq il-propjetà;
  2. dokumenti b'informazzjoni cadastre fir-reġistru cadastre tal-propjetà fuq oġġett immobbli li ġie kklassifikat bħala oġġett immobbli individwali tal-cadastre u kull dokument li jemenda din l-informazzjoni (deċiżjoni ta' awtorità pubblika jew korp ta' ġestjoni, sentenza tal-qorti, ordni, deċiżjoni jew digriet, tranżazzjonijiet bil-miktub, dokumenti minn katast tal-istat jew reġistri oħra, jew dokumenti oħra meħtieġa mil-liġi jew mill-Gvern);
  3. dokumenti li jiċċertifikaw l-akkwist tas-sjieda tal-propjetà, il-ħolqien ta' drittijiet fuq il-propjetà, restrizzjonijiet fuq dawn id-drittijiet u fatti legali, u d-donazzjoni, il-bejgħ, l-akkwist jew il-kiri tal-kumpaniji; dokumenti notarizzati li jiċċertifikaw il-ħolqien ta' drittijiet fuq il-propjetà, restrizzjonijiet fuq dawn id-drittijiet u l-fatti legali, sottomessi lil reġistratur lokali permezz ta' nutar f'forma elettronika;
  4. dokumenti li jidentifikaw lill-applikant, ħlief f'każijiet fejn l-applikazzjoni tiġi sottomessa bil-posta jew b'mezzi elettroniċi jew bin-nutar.

Fil-każ ta' suċċessjoni li tikkonċerna propjetà immobbli, fejn id-drittijiet fuq il-propjetà jkunu diġà rreġistrati fir-Reġistru tal-Propjetà Immobbli, l-uniku dokument li l-werriet irid jippreżenta fir-Reġistru huwa ċ-ċertifikat ta' suċċessjoni li jkun ingħata min-nutar (jew iċ-ċertifikat ta' sjieda f'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi fejn il-propjetà kollha tintiret mill-konjuġi superstiti).  L-entrati li juru l-ħruġ ta' ċertifikat ta' suċċessjoni meta tkun qed tintiret propjetà immobbli u/jew ċertifikat ta' sjieda meta konjuġi minnhom ikun miet jistgħu jsiru wkoll fir-Reġistru tal-Propjetà Immobbli wara l-wasla ta' notifika f'dan is-sens mingħand nutar.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Meta l-wirt ikun propjetà waħda jew razzett, jew meta d-dejn tat-testatur ikun jista' jaqbeż il-valur tal-wirt, mal-aċċettazzjoni tal-wirt il-werriet jista' jitlob lill-qorti tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni biex taħtar amministratur tal-wirt, jew biex taħtar amministratur u tiddeċiedi jekk tmexxix proċeduri ta' subbasta jew ta' falliment. F'dan il-każ id-dejn tat-testatur jiġi kopert mill-wirt biss. Jekk il-wirt ikun jinkludi propjetà li għandha bżonn tiġi ġestita (propjetà waħda, razzett, titoli, eċċ) u dan ma jistax isir mill-eżekutur testamentarju jew mill-werriet, jew jekk il-kredituri tat-testatur iressqu azzjoni qabel l-aċċettazzjoni tal-wirt, il-qorti distrettwali taħtar amministratur għall-wirt. L-amministrazzjoni tal-wirt tiġi stabbilita minn deċiżjoni tal-qorti distrettwali fil-post fejn infetħet is-suċċessjoni. Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti taħtar amministratur tal-wirt u tistabbilixxi l-kumpens tiegħu.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Testment jiġi eżegwit mill-eżekutur testamentarju jew werriet maħtur mit-testatur jew minn amministratur tal-wirt maħtur mill-qorti. Jekk it-testatur jonqos milli jaħtar eżekutur, jew l-eżekutur jew werriet maħtur ma jkunx jista' jwettaq dmirijietu, il-qorti distrettwali fil-post fejn infetħet is-suċċessjoni taħtar amministratur tal-wirt biex iwettaq l-obbligi kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tat-testment. L-eżekutur testamentarju jwettaq l-obbligi kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tat-testment. Sakemm jinħatar amministratur tal-wirt jew jiġu identifikati l-werrieta, l-eżekutur testamentarju jaqdi d-dmirijiet ta' werriet – jieħu ħsieb il-wirt, ifassal l-inventarju, iħallas id-dejn assoċjat mal-wirt, jirkupra d-dejn mingħand id-debituri tat-testatur, iħallas il-manteniment dovut lid-dipendenti tat-testatur, iwettaq riċerki għall-werrieta, jistabbilixxi jekk il-werrieta aċċettawx il-wirt, eċċ.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministratur tal-wirt għandu l-istess dmirijiet u obbligi daqs l-eżekutur testatmentarju u mutatis mutandis huwa soġġett għad-dispożizzonijiet tal-liġi dwar il-propjetà li tirregola l-amministrazzjoni tal-propjetà ta' terzi jew l-attivitajiet ta' persuna oħra, kif stabbilit fil-Kodiċi Ċivili.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Wara perjodu ta' tliet xhur wara l-ftuħ tas-suċċessjoni, il-werrieta u l-legatarju jistgħu jitolbu illi nutar fil-post fejn din infetħet joħroġ ċertifikat ta' suċċessjoni. Ċertifikat ta' suċċessjoni huwa dokument imfassal fil-forma prevista mill-istat li jiċċertifika illi l-werriet aċċetta l-wirt u akkwista d-dritt għas-sjieda tal-wirt. Huwa importanti li jiġi nnutat illi skont il-Kodiċi Ċivili, id-dritt għas-sjieda ta' wirt iseħħ mal-aċċettazzjoni tal-wirt u mhux mal-ħruġ taċ-ċertifikat ta' suċċessjoni. Barra minn hekk, il-kisba taċ-ċertifikat ta' suċċessjoni huwa dritt tal-benefiċjarju, iżda mhux obbligu. Iċ-ċertifikat ta' suċċessjoni jiċċertifika l-aċċettazzjoni tal-wirt u jipprovdi bażi ġuridika għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet fuq il-propjetà immobbli li tkun għadha kif intirtet. Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Litwan (Lietuvos Respublikos civilinio proceso kodeksas) ċertifikat ta' suċċessjoni maħruġ minn nutar jitqies bħala prova uffiċjali bil-miktub b'valur probatorju ogħla. Iċ-ċirkostanzi msemmija fil-prova uffiċjali bil-miktub jitqiesu pruvati kompletament sakemm ma jiġux miċħuda aktar tard minn provi oħra tal-każ, ħlief għat-testimonjanzi tax-xhieda.

L-aħħar aġġornament: 22/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.