Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Testment jista' jsir b'waħda minn żewġ forom: bħala testment miktub bl-idejn jew bħala testment pubbliku.

Testment miktub bl-idejn jista' jsir biss minn persuni li jkollhom 18-il sena jew aktar, u jrid ikun miktub bl-idejn mill-bidu sal-aħħar u jkun iffirmat ukoll. Jekk it-testment ikun ġie ttajpjat b'tajprajter jew kompjuter, jekk il-firma tkun nieqsa jew ikun dettat (eż fuq tejp), it-testment ikun invalidu u, minħabba f'hekk, ikunu biss il-werrieta legali li jkunu jistgħu jirtu mill-patrimonju sakemm ma jkunx jeżisti testment validu ieħor b'ħatra ta' werriet alternattiva. Għal raġunijiet ta' evidenza, huwa importanti ħafna wkoll li t-testatur jiffirma b'ismu sħiħ (jiġifieri l-isem u l-kunjom) biex ma jkun jista' jkun hemm l-ebda konfużjoni dwar min ikun għamel it-testment. Fl-aħħar nett, huwa rakkomandat bil-qawwi li t-testment ikun jinkludi d-data u l-post biex juru meta u fejn ġie prodott dan l-att uffiċjali bil-miktub. Dan hu importanti għax testment antik jista' jiġi revokat kollu kemm hu jew parti minnu b'testment ġdid. Jekk id-data tkun nieqsa minn testment minnhom jew mit-tnejn li huma, spiss ikun impossibbli li tgħid liem wieħed minnhom huwa l-iktar reċenti u li jrid jitqies bħala validu.

Koppji miżżewġin u sħab irreġistrati jistgħu jagħmlu wkoll testment unica charta miktub bl-idejn. F'dan il-każ, testment miktub bl-idejn li jkun ġie prodott minn wieħed mill-miżżewġin jew sħab jew mit-tnejn li huma jrid jiġi ffirmat mit-tnejn li huma flimkien (għal aktar dettalji, ara "Was ist ein gemeinschaftliches Testament?" ["X'inhu testment unica charta?"] fil-paġna 28 tal-ktejjeb bl-isem "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur (Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz).

Jekk trid tevita r-riskju li tagħmel żbalji meta tabbozza t-testment tiegħek, għandek tagħmel testment pubbliku (magħruf ukoll bħala "testment notarili"). Dan jinvolvi li tirrepeti t-testment tiegħek lil nutar li mbagħad jirreġistrah bil-miktub jew tabbozzah int stess u tgħaddih lil nutar bil-miktub (għal aktar dettalji, ara "Das öffentliche Testament" ["It-testment pubbliku"] fil-paġna 26 tal-ktejjeb "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur). Persuni ta' 16-il sena jistgħu jagħmlu dan it-tip ta' testment ukoll.

Biex jiġi konkluż kuntratt ta' wirt, iż-żewġ partijiet iridu jidhru quddiem nutar fl-istess ħin (għal aktar dettalji, ara "Der Erbvertrag" ["Il-Kuntratt tal-Wirt"] fil-paġna 34 tal-ktejjeb "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur).

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Biex ma jkunx hemm riskju li testment miktub bl-idejn jinħeba, jintilef u jintesa wara l-mewt ta' xi ħadd, ta' min (għalkemm mhux obbligatorjament) iħalli t-testment mal-qorti lokali (Amtsgericht) – jew f'Baden-Württemberg mal-uffiċċju notarili (Notariat) sal-aħħar tal-2017 – biex jinżamm b'mod sikur. Testment notarili dejjem jinżamm b'mod sikur. L-istess japplika għal kuntratt ta' wirt, sakemm il-partijiet kontraenti ma jiddikjarawx b'mod speċifiku li ma għandux jitħalla f'kustodja uffiċjali; f'dak il-każ, minflok, id-dokument jitħalla ma' nutar. Testmenti u kuntratti ta' wirt li jinżammu b'mod sikur iridu jinfetħu ma' mewt il-persuna li tkun għamlet id-dispożizzjonijiet causa mortis li jkunu fih (li l-liġi tirreferi għaliha bħala t-"testatur").

Mill-1 ta’ Jannar 2012, it-testmenti miktubin bl-idejn u d-dispożizzjonijiet notarizzati causa mortis (testmenti u kuntratti ta’ wirt) li huma miżmuma fil-kustodja sikura tal-qrati lokali — jew f’Baden-Württemberg sa tmiem l-2017 mill-uffiċċji notarili — jiġu rreġistrati elettronikament fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti fil-Bundesnotarkammer [il-Kamra Federali tan-Nutara]. Fil-każ ta' dispożizzjonijiet causa mortis li jkunu tfasslu qabel dik id-data u mħollija f'kustodja sikura, id-dettalji rilevanti tal-uffiċċji tar-reġistru jiġu ttrasferiti lir-reġistratur.

Bħala l-awtorità tar-reġistru, il-Kamra Federali tan-Nutara tkun innotifikata bl-imwiet domestiċi kollha u tinforma lill-qorti tas-suċċessjoni kompetenti (Nachlassgericht) b'liema dispożizzjonijiet huma rreġistrati u fejn dawn qed jinżammu b'mod sikur għall-fini tal-ftuħ ta' kull dispożizzjoni causa mortis miżmuma b'mod sikur.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

L-eqreb qarib jista' jiġi diżeredat permezz ta' testment. Madankollu, f'sitwazzjoni fejn il-konjuġi, tfal jew tfal ta' tfal jew ġenituri superstiti ma jirċievu l-ebda wirt anke jekk kienu jkunu l-werrieta leġittimi li kieku ma kinitx teżisti d-dispożizzjoni testamentarja, dejjem tqieset bħala sitwazzjoni inġusta. Minħabba l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà reċiproka rikonoxxuta uffiċjalment u stabbilita legalment, l-istess japplika għal sħab irreġistrati tal-istess sess superstiti. Għalhekk, lil dan il-grupp żgħir ta' nies, il-liġi tagħtih xi ħaġa li tissejjaħ "sehem riżervat". Il-benefiċjarji ta' sehem riżervat huma intitolati jitolbu pagament monetarju mingħand il-werriet(a) li jkun daqs nofs il-valur tas-sehem ġuridiku.

Pereżempju: It-testatriċi tħalli warajha lir-raġel tagħha (li kienet tgħix miegħu bil-komunjoni tal-akkwisti) [fejn kull konjuġi jżomm is-sjieda tal-proprjetà tiegħu imma ż-żieda fil-valur nett ikkombinat tal-miżżewġin waqt iż-żwieġ jitqassam b'mod ugwali] u lil bintha. Fit-testment tagħha, it-testatriċi nnominat lir-raġel tagħha bħala l-uniku werriet. Il-patrimonju jiswa EUR 100 000. Il-frazzjoni għad-determinazzjoni tas-sehem riżervat tat-tifla hija ta' ¼ (filwaqt li s-sehem ġuridiku tagħha huwa ta' ½; l-istess bħal tar-raġel li għex mat-testatriċi bil-komunjoni tal-akkwisti). Biex tiġi kkalkulata s-somma flus li hi intitolata għaliha t-tifla, il-frazzjoni tas-sehem riżervat irid ikun immultiplikat bil-valur tal-patrimonju fil-mument tal-wirt. Dan ifisser li t-tifla tista' titlob sehem riżervat li jammonta għal EUR 25 000 (¼ × EUR 100 000) mingħand ir-raġel.

It-testaturi ma jistgħux jostakolaw pretensjoni għal dan is-sehem billi jinkludu benefiċjarji ta' sehem riżervat fit-testmenti tagħhom imma jallokawlhom inqas minn nofs is-sehem riżervat tagħhom. F'każijiet bħal dawn, il-benefiċjarju tas-sehem riżervat ikun intitolat għal ammont supplimentari biex is-sehem riżervat tagħhom jitla' għal nofs is-sehem ġuridiku.

Pereżempju: Fit-testment tiegħu, it-testatur innomina lil martu (li jkun għex magħha bil-komunjoni tal-akkwisti) u lil bintu bħala werrieta b'tali mod li jirtu ⅞ u ⅛ tal-patrimonju rispettivament. Il-patrimonju jiswa EUR 800 000. Il-frazzjoni għad-determinazzjoni tas-sehem riżervat tat-tifla hija ta' ¼ (= EUR 200 000). Peress li hija inkluża fit-testment u għalhekk diġà se tiret EUR 100 000 (⅛ ta' EUR 800 000), hija intitolata biss għal ammont supplimentari biex tkopri d-differenza (EUR 100 000).

Talbiet għal sehem riżervat iridu jsiru fi żmien tliet snin minn meta kwalunkwe benefiċjarju tas-sehem riżervat isir jaf bil-wirt u bid-dispożizzjoni li taffettwah detrimentalment, u ċertament mhux iktar minn tletin sena wara l-wirt.

Il-werrieta jistgħu jitolbu li l-issodisfar tal-pretensjoni għal sehem riżervat tkun differita jekk l-issodisfar immedjat tal-pretensjoni jkun jaffettwahom severament b'mod inġust. L-eżempju ċitat fil-leġiżlazzjoni huwa xenarju fejn li kieku d-dar matrimonjali jkollha tinbiegħ. Madankollu, irid jingħata każ xorta tal-interessi tal-benefiċjarju jew benefiċjarji. Differiment ifisser li s-sehem riżervat ma jkollux għalfejn jitħallas minnufih. Hija l-qorti li trid tiddeċiedi, skont il-każ, b'kemm żmien jista' jiġi differit il-ħlas tas-sehem riżervat u jekk ikunx hemm bżonn ta' garanzija fir-rigward tal-pretensjoni għal sehem riżervat.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk ma jkunx hemm testment jew kuntratt ta' wirt, japplikaw ir-regoli ta' suċċessjoni ġuridika.

Skont il-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża, huma biss min jiġi mill-persuna deċeduta li jkun klassifikat bħala werriet, jiġifieri persuni li jkollhom l-istess ġenituri, nanniet jew bużnanniet bħall-persuna deċeduta, kif ukoll persuni li jkollhom axxendent komuni ieħor iktar remot mal-persuna deċeduta. Skont din id-definizzjoni, persuni relatati biż-żwieġ ma jitqisux bħala li jiġu mill-persuna deċeduta u għalhekk huma esklużi mis-suċċessjoni ġuridika, eż. kunjata, ħaten, missier tar-rispett, tifla tar-rispett, zija tar-rispett, ziju tar-rispett, eċċ.; dan għax ma għandhom l-ebda axxendent komuni mal-persuna deċeduta.

Ir-relazzjoni familjari tista' tirriżulta wkoll mill-adozzjoni (bħala tfal), peress li dan il-proċess joħloq relazzjoni familjari sħiħa skont il-liġi bejn it-tifel u min adottah u l-qraba tiegħu, flimkien mad-drittijiet u d-dmirijiet kollha li joħorġu minnha. Għaldaqstant, tfal adottati ġeneralment ikollhom l-istess drittijiet bħat-tfal bijoloġiċi (jistgħu japplikaw kundizzjonijiet speċjali jekk ikunu adottati "tfal" ta' età maġġuri).

Il-konjuġi huma eċċezzjoni għall-prinċipju ta' wirt minn qraba biss. Għalkemm dawn ma jkunux normalment jiġu minn xulxin u għalhekk ma jkollhomx axxendent komuni, xorta għandhom dritt li jirtu lill-konjuġi tagħhom. Jekk ikunu ddivorzjati, ma jkun hemm l-ebda dritt għall-wirt. Dan japplika wkoll, b'ċerti kundizzjonijiet, għal ċerti konjuġi li ma jkunux għadhom iddivorzjaw imma li jkunu jgħixu separatament.

Skont il-liġi tas-suċċessjoni, sħab reġistrati għandhom l-istess drittijiet ta' suċċessjoni bħall-miżżewġin. Madankollu, ma hemm l-ebda dritt ġuridiku għal wirt għal persuni f'forom oħra ta' koabitazzjoni.

Il-liġi tas-suċċessjoni għall-qraba:

Mhux il-qraba kollha għandhom l-istess drittijiet ta' wirt. Il-liġi taqsamhom f'werrieta ta' gradi differenti:

l-ewwel grad

Werrieta tal-ewwel grad jinkludu biss lid-dixxendenti tal-persuna deċeduta, jiġifieri t-tfal, it-tfal tat-tfal, il-proneputijiet, eċċ.

Tfal barra miż-żwieġ huma l-werrieta ġuridiċi ta' ommhom u missierhom u tal-qraba rispettivi tagħhom. (Hemm eċċezzjoni li tapplika f'każijiet ta' wirt meta l-persuna deċeduta tkun mietet qabel id-29 ta' Mejju 2009, jekk il-wild ekstrakonjugali jkun twieled qabel l-1 ta' Lulju 1949 – ara n-noti f'qiegħ il-paġni 11 u 15 tal-ktejjeb "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur.)

Sakemm jinstab xi ħadd li jagħmel parti minn dan il-grupp ta' qraba mill-qrib ħafna, il-qraba l-oħra kollha li jkunu iktar distanti ma jirċievu xejn u ma għandhom l-ebda sehem fil-wirt.

Pereżempju: Il-persuna deċeduta jkollha tifla waħda u għadd ta' neputijiet. In-neputijiet ma jirtu xejn.

Id-dixxendenti tat-tfal (jiġifieri tfal tat-tfal, proneputijiet, eċċ.) normalment jirtu xi ħaġa biss jekk il-ġenituri tagħhom ikunu diġà mietu jew ikunu rrifjutaw il-wirt.

Pereżempju: Il-persuna deċeduta tħalli warajha lil bintha kif ukoll lit-tlett itfal ta' binha li kien miet qabel. Bintha tirċievi nofs il-wirt filwaqt li t-tfal ta' binha jaqsmu n-nofs l-ieħor bejniethom – jiġifieri, in-nofs illi kieku kien imur għand missierhom. Dan ifisser li kull wieħed mit-tfal ta' bin il-persuna deċeduta jieħu ⅙ mill-wirt.

it-tieni grad

Werrieta tat-tieni grad huma l-ġenituri tal-persuna deċeduta flimkien mat-tfal tagħhom u t-tfal tat-tfal tagħhom, jiġifieri l-aħwa u n-neputijiet tal-persuna deċeduta. Għal darba oħra, l-ulied tal-ġenituri tat-testatur jirtu biss jekk il-ġenituri tal-persuna deċeduta jkunu mejtin. Huma mbagħad jirtu s-sehem dovut lil missierhom mejjet jew lil ommhom mejta.

Qraba tat-tieni grad jistgħu jirtu biss jekk ma jkun hemm l-ebda qraba tal-ewwel grad.

Pereżempju: Il-persuna deċeduta tħalli warajha neputi u neputija. L-aħwa u l-ġenituri tal-persuna deċeduta kienu mietu qabel. Għalhekk in-neputi u n-neputija jirtu nofs il-patrimonju kull wieħed.

It-tielet grad u l-gradi sussegwenti

Il-kategorija tat-tielet grad tinkludi n-nanniet flimkien mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom (zija, ziju, kuġin, eċċ.) filwaqt li r-raba' grad ikopri l-bużnanniet flimkien mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom eċċ. Is-suċċessjoni ġuridika hija essenzjalment ibbażata fuq l-istess regoli bħal għall-gradi msemmija fuq. Madankollu, mir-raba' grad 'il quddiem, jekk ulied in-nanniet ikunu mietu, mhumiex id-dixxendenti ta' dawk l-ulied li jkun imisshom; minflok, il-persuni li jkunu l-eqreb qraba jsiru l-uniċi werrieta (f'dan il-punt hemm qlib mis-sistema parentelika tas-suċċessjoni [li tinvolvi li tikkalkula kull linja (parentela) nieżla minn axxendent sakemm jinstab werriet] għas-sistema tal-grad tar-relazzjoni [li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-eqreb qarib fuq il-bażi tal-gradi familjari]).

Dan li ġej japplika dejjem: qarib wieħed biss tal-grad preċedenti jrid ikun ħaj biex jiġu esklużi l-werrieta kollha possibbli tal-grad sussegwenti.

Miżżewġin u sħab reġistrati

Irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali li tapplika, il-konjuġi jew sieħeb jew sieħba reġistrata huma kklassifikati bħala werrieta ġuridiċi u huma intitolati għal ¼ il-patrimonju flimkien ma' kull dixxendent tagħhom u għal ½ il-patrimonju flimkien ma' kull qarib tagħhom tat-tieni grad (jiġifieri ġenituri, aħwa jew neputijiet tal-persuna deċeduta) flimkien ma' kull nannu jew nanna.

Jekk il-miżżewġin ikunu għexu skont il-"komunjoni tal-akkwisti" (li huwa r-reġim li japplika sakemm il-miżżewġin ma jaqblux fuq reġim tal-proprjetà differenti bħala parti minn ftehim qabel jew wara ż-żwieġ), is-sehem imsemmi hawn qabel jiżdied bi ¼. L-istess japplika għas-sħab reġistrati.

Jekk ma jkun hemm l-ebda qarib tal-ewwel jew it-tieni grad u lanqas ma jkun hemm nanniet, il-konjuġi/sieħeb superstiti jirċievi l-wirt kollu.

Pereżempju: Ir-raġel deċedut iħalli warajh lil martu (li jkun għex magħha bil-komunjoni tal-akkwisti) u lill-ġenituri tiegħu. Il-mara tirċievi ¾ (½ + ¼) u l-ġenituri – bħala werrieta tat-tieni grad – jirċievu ⅛ kull wieħed mill-patrimonju. Barra minn hekk, meta l-werrieta l-oħrajn ikunu qraba tat-tieni grad, bħal f'dan il-każ, jew nanniet, il-mara tkun intitolata għal dak li bil-Ġermaniż jgħidulu "Großer Voraus", li huwa dritt preferenzjali li fil-parti l-kbira tal-każijiet ikopri t-tagħmir kollu tad-dar u r-rigali tat-tieġ (meta l-werrieta l-oħra jkunu qraba tal-ewwel grad, konjuġi superstiti li jiret bħala werriet legali jkun intitolat għal dawn l-oġġetti biss sakemm ikollu bżonnhom biex jieħu ħsieb id-dar u l-familja).

Id-dritt ġuridiku tal-Istat għall-wirt:

Jekk ma jkun hemm l-ebda konjuġi jew sieħeb u ma jista' jiġi identifikat l-ebda qarib, l-Istat isir il-werriet ġuridiku. Ir-responsabilità tiegħu tkun dejjem limitata għad-daqs tal-patrimonju.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Fil-prinċipju, hija l-qorti tas-suċċessjoni tal-qorti lokali fil-post tal-aħħar residenza abitwali tal-persuna deċeduta li tkun kompetenti li tittratta l-kwistjonijiet tal-wirt (jew f'Baden-Württemberg sal-aħħar tal-2017, l-uffiċċju notarili rilevanti).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Wirt jiġi rinunzjat billi tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qorti tas-suċċessjoni; id-dikjarazzjoni trid issir fil-preżenza tal-qorti tas-suċċessjoni li mbagħad tirreġistraha jew tiġi ppreżentata wara ċertifikazzjoni minn nutar (għal aktar dettalji, ara iktar 'l isfel).

Dikjarazzjoni għall-aċċettazzjoni ma hemmx għalfejn tiġi ppreżentata f'xi forma partikolari u u ma hemmx bżonn ta' konferma tal-irċevuta. Li jkun sempliċiment inqabeż iż-żmien għar-rifjut huwa biżżejjed biex jikkostitwixxi aċċettazzjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Legat jiġi aċċettat jew irrifjutat bil-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni lill-persuna inkarigata mil-legat. Dan jista’ jkun il-werriet (Erbe) jew legatarju (Vermächtnisnehmer/Untervermächtnis).

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Id-dritt Ġermaniż tas-suċċessjoni ma jipprevedi l-ebda dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rifjut ta' sehem riżervat.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-ftuħ tat-testment:

Dispożizzjoni testamentarja ppreżentata lill-qorti tas-suċċessjoni jew meħuda minn kustodja sikura tinfetaħ uffiċjalment mill-qorti tas-suċċessjoni wara mewt it-testatur. Il-werrieta jiġu nnotifikati uffiċjalment b'dan.

Proċedimenti għall-ħruġ ta' ċertifikat tal-wirt:

Iċ-ċertifikat tal-wirt jinħareġ mill-qorti tas-suċċessjoni (jew f'Baden-Württemberg, sal-aħħar tal-2017: mill-uffiċċju notarili) u jispeċifika min hu l-werriet, kemm għandu dritt mill-wirt u, meta applikabbli, jista' jistipula wkoll suċċessjoni sussegwenti jew l-eżekuzzjoni tat-testment.

Il-qorti tas-suċċessjoni toħroġ ċertifikat tal-wirt fuq talba. Min jagħmel it-talba jrid juri li d-dettalji mitluba mil-liġi huma kollha preċiżi inkella jrid jipprovdi dikjarazzjoni statutorja li turi li ma hemm l-ebda bażi biex tkun iddubitata l-preċiżjoni tad-dettalji. Huwa jista' jagħmel dikjarazzjoni statutorja billi jidher quddiem nutar jew qorti, sakemm il-liġi tal-istat federali kkonċernat ma tkunx tistipula li n-nutara biss huma kompetenti jittrattaw din il-materja.

Il-Ħruġ ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni:

Id-Dritt Amministrattiv Internazzjonali dwar is-Suċċessjoni [Internationale Erbrechtsverfahrensgesetz, IntErbRVG] jistabbilixxi l-proċeduri għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa ċertifikat ta' wirt li huwa validu fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u d-Danimarka). Dan jinħareġ ukoll fuq talba tal-qorti tas-suċċessjoni fil-forma ta' kopja notarizzata b'perjodu ta' validità ristretta. L-għan ewlieni taċ-ċertifikat huwa li jissemplifika is-soluzzjoni tal-patrimonji fl-UE.

It-tqassim tal-assi:

Jekk ikun hemm iktar minn werriet wieħed, il-patrimonju jsir il-koproprjetà tal-komunità tal-werrieta. Minħabba f'hekk, il-kowerrieta jkunu jistgħu jiddisponu minn oġġetti individwali tal-patrimonju billi jaġixxu flimkien, eż. għall-fini tal-bejgħ tal-karozza tal-persuna deċeduta jekk ma jkollhomx bżonnha. Huma jridu wkoll jamministraw il-wirt flimkien. Dan spiss joħloq diffikultajiet kbar, partikolarment jekk il-werrieta jkunu joqogħdu 'l bogħod minn xulxin u ma jkunux jistgħu jaqblu. Din il-"komunità furzata" spiss tkun inkonvenjenti ħafna u, fil-prinċipju, kull werriet jista' jitlob li l-komunità tinħall billi jitlob il-qsim tal-patrimonju. L-iktar eċċezzjoni importati f'dan ir-rigward tkun meta t-testatur jistipula fit-testment tiegħu li l-patrimonju ma jinqasamx għal perjodu ta' żmien partikolari eż. biex in-negozju tal-familja jkun jista' jkompli jopera.

Jekk it-testatur jaħtar eżekutur testamentarju, ikun hu li jkun responsabbli mill-qsim tal-patrimonju. Jekk le, il-werrieta jridu jagħmluha huma. Għal din il-fini, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' nutar. Jekk il-werrieta ma jirnexxilhomx jaqblu minkejja li jkunu ħatru nutar biex jagħmilha ta' intermedjarju, l-unika għażla tagħhom tkun li jiftħu kawża.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Għal informazzjoni dwar is-suċċessjoni ġuridika, jekk jogħġbok ara fuq.

Jekk il-persuna deċeduta tkun ħalliet testment, dan jieħu prijorità fuq ir-regoli tas-suċċessjoni ġuridika. Għaldaqstant, huma biss dawk il-persuni li jkunu nnominati fit-testment li jirtu mill-patrimonju jekk it-testatur jagħti istruzzjonijiet dwar il-patrimonju kollu fit-testment tiegħu. Għal informazzjoni dwar is-sehem riżervat, jekk jogħġbok ara fuq.

Mal-mewt tal-persuna deċeduta, il-wirt jgħaddi legalment għand il-werriet jew werrieta (il-prinċipju tal-akkwiżizzjoni awtomatika tal-wirt). Madankollu, il-werrieta huma intitolati jirrifjutaw il-wirt (ara iktar 'l isfel).

It-testatur jista' jħalli wkoll legat fit-testment tiegħu, eż. billi jalloka oġġetti individwali jew somom ta' flus speċifiċi lil persuni partikolari. F'dawn il-każijiet, ir-riċevituri tal-legat ("il-legatarji") mhumiex klassifikati bħala werrieta imma għandhom pretensjoni kontra l-konvenut(i) għal xi jkun tħalla lilhom fit-testment.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Rifjut tal-wirt:

Il-werrieta mhumiex responsabbli għall-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jekk jirrifjutaw il-wirt sad-data stipulata. Bħala prinċipju ġenerali, il-werriet rispettiv irid jirrifjuta l-wirt tiegħu fi żmien sitt ġimgħat minn meta jkun innotifikat bil-ftuħ tal-wirt u bil-bażi għall-istatus tiegħu bħala werriet, li jinvolvi dikjarazzjoni uffiċjali lill-qorti tas-suċċessjoni. Dan jista' jsir fil-preżenza tal-qorti tas-suċċessjoni li mbagħad tirreġistraha jew jiġi ppreżentat wara ċertifikazzjoni minn nutar. F'każ li jiġi ppreżentat wara ċertifikazzjoni minn nutar, ikun biżżejjed li tintbagħat ittra, għalkemm il-firma tal-werriet trid tkun iċċertifikata min-nutar. L-att tar-rifjut jew l-aċċettazzjoni tal-wirt normalment ikun jorbot.

L-obbligazzjoni jekk il-wirt jiġi aċċettat:

Jekk il-werrieta jaċċettaw il-wirt tagħhom, huma essenzjalment jieħdu post il-persuna deċeduta mill-perspettiva ġuridika. Dan ifisser ukoll li jirtu d-dejn tagħha u, fil-prinċipju, ikollhom jużaw ukoll l-assi tagħhom stess biex jagħmlu tajjeb għalih.

Madankollu, il-werrieta jistgħu jillimitaw l-obbligazzjoni tagħhom għad-dejn li jirtu billi jaċċettawh bil-"benefiċċju tal-inventarju" ("Erbmasse"). Dan ifisser li l-kredituri kollha li l-persuna deċeduta kellha d-dejn magħhom ikunu jistgħu jirkupraw it-telf tagħhom mill-wirt imma l-assi tal-werriet jibqgħu protetti minn partijiet terzi. Il-werrieta jistgħu jiksbu din il-limitazzjoni fuq l-obbligazzjoni f'wieħed minn żewġ modi: iridu jew jippreżentaw talba lill-qorti tas-suċċessjoni fejn jitolbu li jamministraw il-patrimonju f'isem il-kredituri jew jitolbu proċedimenti ta' insolvenza tal-patrimonju billi jippreżentaw talba lill-qorti lokali li tkun kompetenti li taġixxi bħala qorti tal-insolvenza.

Jekk il-patrimonju lanqas ma jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-patrimonju f'isem il-kredituri jew biex ikopri l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' insolvenza tal-patrimonju, il-werrieta xorta jistgħu jiksbu limitazzjoni tal-obbligazzjoni. Jekk il-pretensjonijiet ikunu asseriti minn kreditur, il-werrieta jistgħu jirrikorru għall-eċċezzjoni ta' assi tal-patrimonju insuffiċjenti. Imbagħad, il-werrieta jistgħu jirrifjutaw li jsaldu l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju ġaladarba l-ammont tal-patrimonju ma jkunx biżżejjed biex ikoprihom. Madankollu, il-werrieta jkunu meħtieġa jagħtu dak li jkun hemm fil-patrimonju lill-kredituri.

Jekk il-werrieta jkunu jixtiequ biss li ma jkunux ikkonfrontati b'dejn li ma kinux qed jantiċipaw, kulma jkunu jridu jagħmlu huwa li jibdew proċedura ta' avviż pubbliku ("Aufgebotsverfahren"), fejn il-werrieta jkunu jistgħu jippreżentaw talba lill-qorti tas-suċċessjoni fejn jitolbu li l-kredituri kollha tal-persuna deċeduta jinnotifikaw lill-qorti – sa data partikolari – bid-dejn dovut lilhom mill-persuna deċeduta. Jekk kreditur jonqos milli jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-ħin, ikollu jikkuntenta ruħu b'dak li jkun għad fadal mill-wirt fl-aħħar. Il-proċedura tal-avviż pubbliku tista' tiċċara wkoll is-sitwazzjoni għall-werrieta billi tiżvela ikunx hemm bażi biex il-patrimonju jingħata amministrazzjoni uffiċjali billi tapplika għall-amministrazzjoni tal-patrimonju jew l-insolvenza tal-patrimonju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Biex ir-reġistru tal-artijiet jiġi rrettifikat trid tiġi ppreżentata talba flimkien ma' provi li juru li mhux korrett biex il-werriet ta' proprjetà jkun jista' jiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet bħala sid. Biex jitlob rettifika tar-reġistru tal-artijiet wara l-mewt tas-sid irreġistrat, l-applikant irid ikollu qabelxejn prova tal-istatus tiegħu ta' werriet.

Bħala bażi għar-rettifika tar-reġistru tal-artijiet, l-applikant f'każijiet bħal dawn jista' jipprova l-istatus tiegħu ta' werriet billi jippreżenta ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

Jekk is-suċċessjoni tkun ibbażata fuq dispożizzjoni causa mortis stabbilita f'dokument pubbliku (testment notarili jew kuntratt ta' wirt), ikun biżżejjed li r-reġistru tal-artijiet (Grundbuchamt) ikun ippreżentat bid-dispożizzjoni u r-reġistrazzjoni uffiċjali tal-ftuħ tiegħu.

Jekk proprjetà immobbli titħalla bħala legat, dejjem irid jiġi ppreżentat att notarili biex isir it-trasferiment tal-proprjetà lil-legatarju irrispettivament minn x'regoli tas-suċċessjoni japplikaw. L-att notarili jrid juri li l-legatarju huwa intitolat jieħu s-sjieda tal-proprjetà immobbli.

Jistgħu ikunu meħtieġa dokumenti oħrajn ukoll skont in-natura tal-każ ikkonċernat. Pereżempju, biex kumpanija kummerċjali tiġi rreġistrata bħala werrieta, l-applikanti jridu jipprovdu prova tas-setgħa ta' rappreżentanza tagħhom (eż. tratt uffiċjali mir-reġistru kummerċjali).

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Skont il-liġi tas-suċċessjoni, l-amministrazzjoni tal-patrimonju f'isem il-kredituri tista' tintuża biex jipprevjeni li d-dejn jitħallas mill-assi tal-werriet. Il-qorti tas-suċċessjoni tista' tordna li l-patrimonju jingħata l-amministrazzjoni wara talba ta' persuna awtorizzata (werriet, l-eżekutur, kreditur tal-patrimonju, xerrej tal-patrimonju totali jew werriet sussegwenti).

L-amministratur huwa korp maħtur uffiċjalment. Għalkemm huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-assi totali ta' ħaddieħor, xorta għandu l-istatus ta' parti awtonoma f'każ ta' tilwim ġudizzjarju. Huwa jwettaq id-dmirijiet uffiċjali tiegħu f'kapaċità privata meta jamministra l-assi ta' ħaddieħor bil-ħsieb li jissodisfa l-interessi tal-partijiet kollha involuti (werrieta u kredituri). Il-proċess ta' amministrazzjoni tal-patrimonju li l-amministratur huwa intitolat u meħtieġ li jwettaq mhux immirat biss lejn iż-żamma u ż-żieda tal-patrimonju, imma primarjament lejn is-sodisfazzjon tal-kreditur tal-patrimonju. Id-dmir ewlieni tal-amministratur huwa li jiżgura li l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jiġu ssodisfati.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Minbarra l-werrieta stess, l-amministratur (tal-insolvenza) (ara iktar 'il fuq) u l-eżekutur (ara iktar 'l isfel), is-setgħat rilevanti jistgħu jingħataw ukoll lil kuratur tal-patrimonju.

Il-qorti tas-suċċessjoni tordna uffiċjalment il-kurazija tal-patrimonju jekk ikun hemm bżonn kurrenti għal dan meta l-identità tal-werriet responsabbli tkun inċerta jew jekk ma jkunx magħruf ikunx aċċetta l-wirt jew le. Kurazija tal-patrimonju għandha l-għan li tħares u żżomm il-patrimonju fl-interess tal-werriet mhux magħruf.

Il-qorti tas-suċċessjoni tistabbilixxi l-ambitu tar-responsabilitajiet tal-kuratur skont xi jkun meħtieġ f'kull każ individwali. Dan l-ambitu jista' jkun pjuttost wiesa' jew jista' sempliċement jiffoka fuq l-amministrazzjoni ta' oġġetti individwali tal-patrimonju. Il-kuratur tal-patrimonju normalment jingħata r-responsabilità għall-identifikazzjoni tal-werrieta mhux magħrufa u għall-ħarsien u ż-żamma tal-patrimonju.

Fil-prinċipju, il-kurazija ta' patrimonju ma jkollhiex l-għan li tissodisfa l-kredituri tal-patrimonju minħabba li tkun istigata biex tħares lill-werrieta. B'mod eċċezzjonali, id-dmirijiet tal-kuratur jistgħu jinkludu wkoll l-użu tar-riżorsi tal-patrimonju biex jissodisfa l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jekk ikun neċessarju għall-amministrazzjoni u ż-żamma kif xieraq jew biex jiġi evitat li jkun hemm telf jew ħsara, partikolarment kull spiża li tista' tiġġarrab minħabba tilwim ġudizzjarju bla bżonn.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Testatur jista' jaħtar eżekutur wieħed jew aktar fid-dispożizzjonijiet causa mortis tiegħu. Huwa jista' jawtorizza parti terza, l-eżekutur jew il-qorti tas-suċċessjoni taħtar eżekutur (ieħor). L-obbligi tal-eżekutur jibdew malli l-persuna maħtura taċċetta l-ħatra tagħha għal dak ir-rwol.

Skont il-liġi, huwa d-dmir tal-eżekutur li jeżegwixxi d-dispożizzjonijiet testamentarji tat-testatur. Jekk ikun hemm iktar minn werriet wieħed, l-eżekutur ikun responsabbli għall-qsim tal-patrimonju bejniethom.

L-eżekutur huwa meħtieġ li jamministra l-patrimonju. B'mod partikolari, huwa intitolat jieħu l-pussess tal-patrimonju u jiddisponi mill-oġġetti tal-patrimonju. F'dan il-każ, il-werrieta ma jkollhom l-ebda setgħa biex jiddisponu mill-oġġett tal-patrimonju li jkun suġġett għall-amministrazzjoni mill-eżekutur. L-eżekutur huwa intitolat ukoll li jidħol f'obbligazzjonijiet f'isem il-patrimonju sakemm dan ikun neċessarju għall-amministrazzjoni xierqa tiegħu. Huwa intitolat biss li jiddisponi minn oġġett bla ħlas jekk ikun hemm obbligu morali li jagħmel dan jew b'rispett għad-deċenza komuni.

Madankollu, it-testatur jista' jirrestrinġi s-setgħat tal-eżekutur kif jidhirlu hu sakemm jibqa' mad-dispożizzjonijiet tal-liġi. Huwa għandu wkoll l-awtorità li jiddefinixxi l-perjodu għall-eżekuzzjoni tat-testment. Huwa jista', pereżempju, jippermetti lill-eżekutur jamministra l-patrimonju u jaqsmu fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, jista' jiddeċiedi wkoll li jipprovdi istruzzjonijiet fit-testment jew kuntratt ta' wirt tiegħu biex il-patrimonju jsir suġġett għal eżekuzzjoni fit-tul. Fil-prinċipju, l-eżekuzzjoni fit-tul tista' tasal sa massimu ta' 30 sena mill-jum proprju tal-wirt. Madankollu, it-testatur jista' jipprovdi istruzzjonijiet biex l-amministrazzjoni tkompli sal-mewt tal-werriet jew l-eżekutur, jew sal-okkorrenza ta' avveniment speċifikat li taffettwa lil wieħed minnhom. F'dawn il-każijiet, l-eżekuzzjoni tat-testment tista' fir-realtà tieħu iktar minn 30 sena.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ġeneralment ikun meħtieġ bħala prova li l-werriet ikollu dritt għall-wirt, eż. jekk werriet ikun jixtieq ikollu biċċa art jew kont f'isem il-persuna deċeduta trasferit għal fuq ismu. Jekk jeżisti testment pubbliku (ara iktar 'il fuq), jaf ma jkunx hemm bżonn tippreżenta ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni f'każijiet bħal dawn.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.