Suċċessjonijiet

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Kwistjonijiet ta' wirt huma rregolati permezz tal-Kodiċi ta' Wirt (40/1965). L-uniku mezz biex jiġi previst x'jiġri mill-patrimonju wara l-mewt huwa billi jsir testment. Testment irid isir bil-miktub u fil-preżenza simultanja ta' żewġ xhieda. It-testatur irid jiffirma t-testment meta jagħmlu jew jirrikonoxxi l-firma preċedenti tiegħu fuq it-testment. Ix-xhieda jridu jattestjaw it-testment billi jiffirmawh ladarba t-testatur jiffirmah jew jirrikonoxxi l-firma tiegħu fuqu. Testment verbali jista' jkun verbali f'ċerti każijiet eċċezzjonali.

Huwa possibbli wkoll li jsir testment reċiproku, li fil-parti l-kbira tal-każijiet jiġi redatt mill-konjuġi biex jittrasferixxu d-dritt ta' sjieda lil xulxin. Testmenti reċiproċi huma suġġetti għall-istess rekwiżiti formali bħal testmenti oħra. Ir-regoli li japplikaw għal testmenti reċiproċi bejn il-konjuġi japplikaw ukoll għal testmenti reċiproċi magħmula bejn l-imsieħba f'sħubija ċivili reġistrata.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

L-awtoritajiet fil-Finlandja ma jżommux reġistru tat-testmenti.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Il-libertà li wieħed jiddisponi mis-suċċessjoni tiegħu hija limitata għall-benefiċċju tad-dixxendenti diretti u tal-konjuġi. Id-dixxendenti diretti u l-ulied adottati, kif ukoll id-dixxendenti tagħhom, huma intitolati għal porzjon legali tal-patrimonju tad-decujus. Il-porzjon legali jammonta għal nofs il-valur tal-porzjon li jiddevolvi lil dak il-werriet skont l-ordni statutorja tas-suċċessjoni.

Il-konjuġi jgawdi wkoll minn protezzjoni minn testment magħmul mill-konjuġi li miet l-ewwel. Il-konjuġi superstiti jista' jżomm il-patrimonju indiviż tal-konjuġi mejjet, suġġett jew għal talba għal diviżjoni minn dixxendent dirett jew għal testment tad-decujus. Il-konjuġi superstiti jista' dejjem, madankollu, iżomm il-pussess indiviż tad-dar komuni tal-konjuġi, kif ukoll l-għamara domestika abitwali, sakemm il-konjuġi superstiti ma għandhux proprjetà residenzjali li tista' tintuża bħala dar.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Il-werrieta legali ewlenin huma d-dixxendenti diretti, li kull wieħed minnhom jirċievi porzjon ugwali mill-patrimonju. F'każ ta' mewt ta' wild, kull dixxendent ta' dak il-wild jiret minfloku, u kull fergħa tal-familja tirċievi porzjon indaqs.

Jekk id-de cujus kien miżżewweġ u mhuwiex sopravissut minn kwalunkwe dixxendent dirett, il-konjuġi superstiti jiret l-ewwel il-patrimonju tal-konjuġi mejjet. L-imsieħba reġistrati huma intitolati li jirtu skont l-istess kundizzjonijiet bħall-konjuġi.

Jekk id-de cujus mhuwiex sopravissut minn xi dixxendenti diretti u ma kienx miżżewweġ fil-perjodu tal-mewt, missier u omm id-de cujus jirċievu nofs il-patrimonju. Jekk missier jew omm id-de cujus ikunu mietu, dak il-porzjon jinqasam bejn l-aħwa tad-de cujus. Jekk wieħed mill-aħwa jkun miet, id-dixxendenti tiegħu jieħdu posthu, u kull fergħa tal-familja tirċievi porzjon indaqs. Jekk ma hemmx aħwa jew dixxendenti tagħhom, iżda wieħed mill-ġenituri tad-de cujus huwa ħaj, dak il-ġenitur jirċievi l-patrimonju kollu.

Jekk id-de cujus ma jkunx sopravissut minn ebda mill-werrieta msemmija iktar 'il fuq, il-ġenituri ta' missier u omm id-de cujus jirċievu l-patrimonju kollu. Jekk imutu n-nannu patern, in-nanna paterna, in-nannu materna jew in-nanna materna, il-porzjon tal-patrimonju li kieku kien imur lil wieħed min-nanniet imur lit-tfal tiegħu. Il-kuġini ma għandhomx id-dritt li jirtu.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Diversi awtoritajiet għandhom ġurisdizzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni ta' wirt. L-inventarju tal-patrimonju (perukirja), li hija lista li trid tiġi mfassla bl-assi u bl-obbligazzjonijiet tal-persuna deċeduta, irid jintbagħat lill-uffiċċju tat-taxxa tal-post ta' domiċilju tal-persuna deċeduta fi żmien xahar mid-data tat-tfassil tiegħu. Il-konferma tal-lista ta' benefiċjarji tista' tintalab minn uffiċċju tar-reġistru lokali. It-Teżor tal-Istat hija l-awtorità ċentrali għal kwistjonijiet dwar l-akkwist ta' proprjetà mill-Istat. Il-qorti distrettwali (käräjäoikeus) tad-domiċilju tal-persuna deċeduta għandha ġurisdizzjoni biex tisma' kull każ dwar il-patrimonju.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-wirt jista' jiġi aċċettat bit-tmexxija tal-proprjetà ta' wirt. Il-werriet jista' wkoll jagħmel dikjarazzjoni separata ta' aċċettazzjoni. Jekk il-patrimonju jkun inqasam, id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni għandha ssir lill-eredi l-oħra li aċċettaw il-wirt. Jekk il-patrimonju ma jkunx ġie likwidat, id-dikjarazzjoni għandha ssir lill-amministratur tal-patrimonju. Id-dikjarazzjoni tista' wkoll tiġi ppreżentata lill-qorti.

Ma hemm ebda format preskritt għal dikjarazzjonijiet ta' rinunzja, iżda kull dikjarazzjoni bħal din trid issir bil-miktub. Dikjarazzjoni ta' rinunzja tista' ssir minn persuna/i li għandha/hom porzjon mill-patrimonju tad-de cujus, l-amministratur tal-wirt, id-distributur tal-patrimonju, l-eżekutur tat-testment jew kull dixxendent li jieħu post il-werrieta deċeduti. Sabiex ir-rinunzja jkollha effett legali kontra s-sekwestru mill-kredituri, il-werriet għandu jinnotifika l-patrimonju tal-persuna deċeduta bir-rinunzja tiegħu jew jiddepożita d-dikjarazzjoni ta' rinunzja mal-uffiċċju tar-reġistru lokali sabiex tkun tista' tiddaħħal debitament fir-reġistri (Taqsima 81 tal-Kapitolu 4 tal-Kodiċi tal-Infurzar).

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Ma hemm ebda format preskritt għall-irrapurtar tal-intenzjonijiet proprji fir-rigward tal-benefiċjarji ta' testment. Dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni, magħmula mill-benefiċjarju lill-amministratur jew distributur attwali tal-patrimonju, titqies bħala aċċettazzjoni ta' legat, l-istess bħal kull azzjoni konkreta mill-benefiċjarju dwar il-proprjetà inkwistjoni. In-notifika lill-werrieta tal-legat hija indikazzjoni biżżejjed li l-benefiċjarju jixtieq jasserixxi d-drittijiet tiegħu abbażi tat-testment inkwistjoni.

Kull dikjarazzjoni ta' rinunzja għal legat trid issir bil-miktub. Sabiex tali rinunzja jkollha effett legali kontra s-sekwestru mill-kredituri, il-benefiċjarju jrid jinnotifika r-rinunzja bil-miktub lill-patrimonju jew jiddepożita d-dikjarazzjoni ta' rinunzja mal-uffiċċju tar-reġistru lokali sabiex tkun tista' tiddaħħal debitament fir-reġistri (Taqsima 81 tal-Kapitolu 4 tal-Kodiċi tal-Infurzar).

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-werriet irid jiddikjara t-talba tiegħu għall-porzjoni legali tiegħu lill-benefiċjarju tat-testment permezz ta' marixxall jew mezz verifikabbli ieħor fis-sitt xhur minn meta ġie nnotifikat bil-legat. It-talba għal porzjoni legali riżervata tista' ssir bil-pubblikazzjoni tagħha f'ġurnal uffiċjali matul il-perjodu stabbilit hawn fuq, jekk it-tali talba ma kinitx innotifikata lill-benefiċjarju abbażi tal-assunzjoni li dan tal-aħħar ikun evita' li jirċievi n-notifika tal-marixxall dwar it-talba jew jekk l-indirizz tiegħu mhuwiex magħruf.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Fil-Finlandja, l-awtoritajiet ma jibdewx proċedimenti ta' suċċessjoni fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Wara l-mewt ta' individwu, l-ewwel tiġi mfassla d-dokumentazzjoni tal-patrimonju, inkluż l-inventarju tal-patrimonju. L-inventarju tal-patrimonju huwa dokument li jikkjarifika l-istatus tal-patrimonju tal-persuna deċeduta; fi kliem ieħor dan jelenka l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-persuna deċeduta. Il-persuni li għandhom porzjon mill-patrimonju tal-persuna deċeduta jiġu msemmija fl-inventarju tal-patrimonju, flimkien mal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-konjuġi superstiti u l-assi u l-obbligazzjonijiet konġunti taż-żewġ konjuġi. L-inventarju tal-patrimonju irid jiġi stabbilit fi żmien tliet xhur mill-mewt, iżda l-uffiċċju fiskali jista' jestendi l-iskadenza jekk ikun hemm raġunijiet biex jagħmel dan.

L-obbligu li jiġi stabbilit inventarju tal-patrimonju jaqa' fuq il-werriet, li jmexxi l-patrimonju u li huwa responsabbli mill-immaniġġjar tal-proprjetà tiegħu; fuq l-amministratur tal-patrimonju jew fuq l-eżekutur tal-wirt, jekk ikun il-każ. Dik il-persuna trid tagħżel żewġ fiduċjarji biex tistabbilixxi l-inventarju tal-patrimonju. Rapport dwar ir-reġistri tal-arblu tar-razza tal-persuna deċeduta jrid jiġi mehmuż mal-inventarju tal-patrimonju. Fil-Finlandja, l-atti tal-insinwa tal-popolazzjoni jinżammu kemm fir-reġistri tal-knisja u kemm fir-reġistri pubbliċi, u jistgħu jiġu ordnati l-estratti uffiċjali mir-reġistri minn uffiċċju tar-reġistru lokali jew mill-parroċċi fejn il-persuna deċeduta kienet reġistrata. L-inventarju tal-patrimonju jrid jintbagħat lill-Awtorità Fiskali Finlandiża (Verohallinto) fi żmien xahar mit-tfassil tiegħu.

Wara l-mewt tat-testatur, il-benefiċjarji jridu jinnotifikaw it-testment lill-werrieta permezz ta' marixxall jew b'mod verifikabbli ieħor, u jrid jipprovdihom b'kopja vera tat-testment. Jekk werriet jixtieq jikkontesta t-testment, irid jagħmel ilment fi żmien sitt xhur minn meta ġie innotifikat bit-testment.

Id-distribuzzjoni tal-patrimonju tista' tibda biss ladarba tkun saret il-likwidazzjoni tiegħu. Il-likwidazzjoni ta' patrimonju tinvolvi d-determinazzjoni tal-firxa ta' proprjetà fil-patrimonju, is-sodisfazzjoni tal-obbligi tal-persuna deċeduta u l-patrimonju tagħha fir-rigward ta' kull dejn, u l-asserzjoni tad-drittijiet ta' kull legatarju partikolari. Għal skopijiet ta' likwidazzjoni tal-patrimonju, il-benefiċjarji jimmaniġġjaw il-patrimonju konġuntament sakemm ma sarx provvediment speċjali għal immaniġġjar. Minflok din l-amministrazzjoni konġunta, il-benefiċjarji jistgħu jagħmlu talba lill-qorti għall-ħatra ta' amministratur tal-patrimonju. Ladarba l-immaniġġjar tal-patrimonju ingħata f'idejn l-amministratur, il-benefiċjarji ma jkunux aktar intitolati jieħdu deċiżjonijiet dwar il-patrimonju. Id-dmir tal-amministratur tal-patrimonju huwa li jieħu l-miżuri neċessarji kollha għal-likwidazzjoni tal-patrimonju. Ladarba tkun saret il-likwidazzjoni tal-patrimonju, l-amministratur jinnotifika l-benefiċjarji u jipprepara rapport.

Wara l-likwidazzjoni tal-patrimonju, kull benefiċjarju jista' jitlob id-distribuzzjoni. Jekk il-persuna deċeduta kienet miżżewġa jew fi sħubija ċivili, il-proprjetà trid tinqasam qabel ma tista' tiġi ddistribwita lill-werrieta. Il-benefiċjarji jistgħu jaqblu bejniethom dwar kif jiddistribwixxu l-patrimonju. Irid jiġi stabbilit rapport ta' distribuzzjoni tal-patrimonju, u dan irid jiġi ffirmat mill-benefiċjarji u jiġi attestat bħala veritjier u korrett minn żewġ xhieda imparzjali.

Il-benefiċjarji jistgħu wkoll japplikaw għal ordni mill-qorti sabiex jinħatar distributur tal-patrimonju. Dan isir spiss meta l-benefiċjarji ma jistgħux jilħqu ftehim dwar id-distribuzzjoni. L-amministratur jew l-eżekutur tal-patrimonju iservi bħala d-distributur sakemm huwa mhuwiex benefiċjarju u jekk il-benefiċjarji jitolbuh sabiex jiddistribwixxi l-patrimonju u ebda distributur ieħor ma ġie maħtur.

Id-distributur tal-patrimonju jrid jistipula l-ħin u l-post fejn issir id-distribuzzjoni tal-patrimonju, u jrid b'mod li jista' jiġi vverifikat jistieden lill-benefiċjarji sabiex jattendu. Id-distributur tal-patrimonju jrid jipprova jiżgura li l-benefiċjarji jaqblu fuq id-distribuzzjoni. Jekk jintlaħaq ftehim, il-patrimonju jrid jiġi ddistribwit b'dan il-mod. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, id-distributur tal-patrimonju jrid jiddistribwixxi l-patrimonju sabiex kull benefiċjarju jirċievi sehem mit-tipi varji ta' assi li jifformaw il-patrimonju. Jekk il-patrimonju ma jistax jiġi ddistribwit b'mod ieħor, il-qorti tista' tordna, abbażi tal-proposta tad-distributur tal-patrimonju, li d-distributur ibiegħ uħud mill-oġġetti jew, fejn meħtieġ, il-proprjetà kollha li tikkostitwixxi l-patrimonju. Id-distributur tal-patrimonju jipprepara u jiffirma rapport ta' distribuzzjoni (perinnönjakokirja). Kull benefiċjarju jista' jikkontesta d-distribuzzjoni billi jibda proċedimenti kontra l-benefiċjarji l-oħra sa sitt xhur mid-distribuzzjoni.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Werriet (perillinen) huwa persuna li kellu relazzjoni familjari, relazzjoni ta' żwieġ jew relazzjoni adottiva mad-de cujus, kif previst mil-liġi. Legatarju (testamentinsaaja) jista' jkun persuna fiżika jew ġuridika.

Sabiex tikkwalifika bħala werriet jew legatarju, il-persuna inkwistjoni trid tkun ħajja fil-mument tal-mewt tal-persuna deċeduta. Dan jista' jinkludi wild konċepit qabel il-mewt tal-persuna deċeduta u li sussegwentement jitwieled ħaj.

Jeħtieġ li l-werriet jew il-benefiċjarju, li jixtieq jasserixxi d-drittijiet tiegħu, jaċċetta l-wirt jew jinnotifika kull pretensjoni lill-persuna/i li aċċetta/w il-wirt. Jekk il-patrimonju ma ġiex iddistribwit, il-pretensjoni għandha ssir lill-amministratur tal-patrimonju jew quddiem qorti. Werriet jew legatarju jitqies li jkun aċċetta l-wirt jekk ikun ħa t-tmexxija tal-patrimonju waħdu jew ma' oħrajn, ipparteċipa fil-preparazzjoni tal-inventarju jew tad-distribuzzjoni tal-patrimonju jew ħa kull azzjoni oħra fir-rigward tal-proprjetà inkwistjoni.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Il-benefiċjarji mhumiex individwalment responsabbli għad-dejn tal-persuna deċeduta. Benefiċjarju responsabbli għat-tfassil ta' inventarju tal-patrimonju jkun responsabbli biss individwalment għad-dejn tal-persuna deċeduta jekk huwa jonqos milli jissottometti l-inventarju sad-data tal-iskadenza.

Id-dejn tal-persuna deċeduta u l-patrimonju jiġu ssettiljati mill-assi tal-patrimonju. Madankollu, il-benefiċjarji huma responsabbli individwalment għal kull dejn ikkuntrattati minnhom f'isem il-patrimonju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Id-dokumenti mitluba għar-reġistrazzjoni ta' proprjetà immobbli jvarjaw, skont jekk il-proprjetà immobbli inkwistjoni kinitx miksuba permezz ta' wirt jew ta' legat. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' sjieda abbażi ta' wirt iridu jinkludu l-inventarju tas-suċċessjoni, rapport ta' distribuzzjoni, ir-reġistri ġeneoloġiċi, kull att ta' diviżjoni u kull dokument dwar it-trasferiment tal-proprjetà li intirtet. L-applikant irid jipprova wkoll li d-distribuzzjoni tal-patrimonju għandha effett legali billi jehmeż mat-talba dokument ta' aċċettazzjoni ffirmat mill-benefiċjarji kollha jew ċertifikat legali validu maħruġ mill-qorti tad-domiċilju tal-persuna deċeduta.

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' sjieda abbażi ta' legat iridu jinkludu l-inventarju tas-suċċessjoni, ir-rekords ġeneoloġiċi tal-persuna deċeduta, it-testment oriġinali, ċertifikat li jipprova li t-testment huwa legalment validu u evidenza li t-testment ġie nnotifikat lill-werrieta kollha. Jekk il-lista ta' benefiċjarji teħtieġ li tiġi attestata bħala vera u korretta mill-uffiċju tar-reġistru lokali, ma jeħtieġx li jiġi mehmuż ebda rekord ġeneoloġiku.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Mhuwiex mandatarju li ssir talba għal amministratur tal-wirt. Jekk qorti tirċievi talba għall-ħatra ta' amministratur tal-wirt, il-qorti trid taħtar amministratur biex jimmaniġġja l-patrimonju. It-talba tista' titressaq minn kull werriet jew legat jew mill-eżekutur. L-assi tal-patrimonju jistgħu jiġu ttrasferiti lill-amministratur tal-patrimonju fuq talba minn kreditur tal-patrimonju jew tal-persuna deċeduta, jew minn persuna responsabbli mid-dejn tal-persuna deċeduta.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Il-benefiċjarji jimmaniġġaw l-assi tal-patrimonju konġuntament, sakemm ma sarx provvediment speċjali għall-amministrazzjoni tal-wirt. Il-benefiċjarji jistgħu jaqblu wkoll biex jimmaniġġjaw il-patrimonju konġuntament u jħalluh indiviż sa ma jingħata avviż ieħor jew għal perjodu speċifiku ta' żmien.

Il-patrimonju ta' persuna deċeduta jista' jiġi ttrasferit lill-amministratur tal-wirt permezz ta' deċiżjoni tal-qorti. F'dan il-każ, l-immaniġġjar konġunt mill-benefiċjarji jispiċċa u huma jieqfu milli jkollhom id-dritt li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-patrimonju anki b'mod unanimu.

Individwu partikolari jista' jinħatar sabiex jimmaniġġja l-patrimonju bħala eżekutur fit-testment tal-persuna deċeduta. Hija l-funzjoni tal-eżekutur li jassigura li l-patrimonju jiġi likwidat u li jeżegwixxi t-testment. L-eżekutur jimmaniġġja n-negozju li altrimenti kienet tkun ir-responsabbiltà tal-benefiċjarji jew tal-amministratur tal-patrimonju. In-nomina ta' eżekutur ma tipprekludix il-ħatra ta' amministratur tal-wirt. Jekk jissemma eżekutur fit-testment, huwa jinħatar ukoll bħala amministratur sakemm ma jkunx hemm raġunijiet valida biex dan ma jsirx.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministrazzjoni konġunta tal-patrimonju tirrikjedi unanimità ħlief f'ċerti każijiet partikolari. Fil-każ ta' amministrazzjoni konġunta, il-benefiċjarji jirrapreżentaw il-patrimonju f'negozjati ma' partijiet terzi u f'każijiet tal-qorti dwar il-patrimonju. L-azzjonijiet li ma jistgħux jiġu mdewma jistgħu, madankollu, jittieħdu anki jekk il-kunsens tal-benefiċjarji kollha ma jistax jinkiseb. Il-benefiċjarji jistgħu wkoll jaħtru maniġer għall-patrimonju.

Meta taħtar amministratur tal-wirt, il-qorti toħroġlu att tal-ħatra li jispeċifika l-patrimonju inkwistjoni. Is-setgħat tal-amministratur ikopru biss il-patrimonju speċifikat. Wara li l-patrimonju jkun ġie ttrasferit lill-amministratur, huwa jirrapreżenta l-patrimonju f'negozjati ma' partijiet terzi u f'każijiet tal-qorti dwar il-patrimonju. L-amministratur irid jieħu kull miżura neċessarja biex jillikwida l-patrimonju. L-amministratur irid jikkonsulta mal-benefiċjarji fir-rigward ta' ċerti punti ta' importanza għalihom. Anki f'każijiet bħal dawn, madankollu, l-amministratur jista' jaġixxi mingħajr ma jkun kiseb il-kunsens tal-benefiċjarji.

L-ambitu tas-setgħat tal-eżekutur matul il-proċess ta' likwidazzjoni jiddependi fuq it-testment. Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-testment, l-eżekutur ikollu l-istess setgħat bħal amministratur tal-wirt.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Id-dokumenti maħruġa fit-tmiem tal-proċedimenti ta' suċċessjoni u li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji huma l-inventarju tal-patrimonju u r-rapport ta' distribuzzjoni.

L-inventarju tal-patrimonju jrid jispeċifika l-benefiċjarji, l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-persuna deċeduta, il-benefiċjarji u l-konjuġi superstiti (anki jekk din il-parti mhijiex benefiċjarja).

Ir-rapport ta' distribuzzjoni jifforma l-bażi għad-distribuzzjoni tal-patrimonju. Madankollu, dan mhuwiex titolu titolu li jista' jkun infurzat fis-sens li dan jista' jintuża bħala bażi għal bidu ta' proċedimenti ta' infurzar jew għat-trasferiment tal-pussess ta' xi assi. Kull miżura ta' eżekuzzjoni tirrikjedi deċiżjoni finali tal-qorti.

Il-kunċett tal-valur probatorju formali ta' dokument mhuwiex rikonoxxut fil-Finlandja.

L-aħħar aġġornament: 02/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.