Suċċessjonijiet

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Kull persuna li jkollha 18-il sena jew aktar, u li tkun bil-fakultajiet mentali sani tista’ tiddisponi mill-proprjetà tagħha meta tmut, permezz ta’ testment.

It-testatur jista’ jiddisponi mill-proprjetà kollha tiegħu permezz ta’ testment. Karatteristika distintiva tal-liġi Bulgara huwa l-fatt li s-sehem riżervat tal-proprjetà ta’ testatur jew ta’ min imut intestat ikun f’kull każ immun mid-dispożizzjonijiet testamentarji, u b’hekk tkun tista’ ssir il-preżunzjoni li dawn ikunu japplikaw biss għas-sehem disponibbli ta’ dik il-proprjetà.

Id-dispożizzjonijiet testamentarji jistgħu jkunu japplikaw għat-totalità tal-proprjetà tat-testatur, għal parti minn dik il-proprjetà jew għal xi element partikolari minn dik il-proprjetà.

Id-dispożizzjonijiet testamentarji jistgħu wkoll ikollhom magħhom kundizzjonijiet.

L-Att tas-Suċċessjoni (Zakon za nasledstvoto) jirrekjedi li d-dispożizzjonijiet testamentarji jitfasslu f’forma stabbilita, b’mod li kull strument li jvarja minn din il-forma ikun invalidu.

Kun af li l-liġi Bulgara ma tippermettix li xi żewġ individwi jew aktar jagħmlu dispożizzjonijiet testamentarji fl-istess testment, kemm jekk ikun għall-benefiċċju reċiproku tagħhom jew għall-benefiċċju ta’ partijiet terzi.

Il-liġi tipprovdi li għandu jkun hemm żewġ forom ta’ testment: wieħed miktub bl-idejn, jew wieħed quddiem nutar.

Testment miktub bl-idejn irid ikun miktub kollu kemm hu b’id it-testatur stess. Irid ikun iddatat u ffirmat mit-testatur. Il-firma trid titniżżel taħt id-dispożizzjonijiet testamentari. It-testment jista’ jitwassal għand nutar f’invilopp issiġillat biex jinżamm għandu. F’dak il-każ, in-nutar ifassal dikjarazzjoni ta’ kustodja fuq l-invilopp. Id-dikjarazzjoni tkun iffirmata mit-testatur u min-nutar u tiġi annotata f’reġistru speċjali.

Testment notarili jista’ jiġi ddespożitat jew ma’ nutar jew ma xi persuna oħra, li tkun obbligata tippubblikah permezz ta’ nutar hekk kif din issir taf bil-mewt tat-testatur.

Jekk dik il-persuna ma tagħmilx dan, kull parti interessata tista’ tirrikorri għal ġudikant tad-distrett għall-post fejn tinfetaħ is-suċċessjoni sabiex jistabbilixxi ħin għall-preżentazzjoni tat-testment għall-pubblikazzjoni minn nutar.

In-nutar jippubblika t-testment billi jfassal dikjarazzjoni li jkun fiha deskrizzjoni tal-istat tat-testment u jieħu nota tal-ftuħ tiegħu. Id-dikjarazzjoni tiġi ffirmata mill-persuna li tkun ippreżentat it-testment u min-nutar. Il-karta li fuqha jkun miktub it-testment titwaħħal mad-dikjarazzjoni u kull paġna tiġi ffirmata mill-persuni hawn fuq imsemmija.

Testment notarili jitfassal min-nutar fil-preżenza ta’ żewġ xhieda.

It-testatur jagħmel dikjarazzjoni bil-fomm tat-testment tiegħu lin-nutar, li jniżżlu bil-miktub kif jiġi ddikjarat u mbagħad jaqrah quddiem it-testatur fil-preżenza tax-xhieda. In-nutar jagħmel nota ta’ kif ikunu twettqu dawn il-formalitajiet fit-testment, u jispeċifika l-post u d-data tat-testment. Wara dan, it-testment jiġi ffirmat mit-testatur, mix-xhieda u min-nutar.

Jekk it-testatur ma jkunx jista’ jiffirma t-testment, huwa għandu jiddikjara r-raġuni għal dan, u n-nutar jagħmel nota dwar din id-dikjarazzjoni qabel ma jaqra t-testment.

Sabiex jiġi ppubblikat testment notarili, in-nutar li jkun qiegħed iżommu fil-kura tiegħu ifassal dikjarazzjoni li tiddeskrivi l-istat tat-testment u jagħmel nota tal-ftuħ tiegħu. Id-dikjarazzjoni tiġi ffirmata min-nutar. Il-karta li fuqha jkun miktub it-testment titwaħħal mad-dikjarazzjoni u kull paġna tiġi ffirmata mill-persuni msemmija hawn fuq.

Testment jista’ jitħassar b’mod espliċitu permezz ta’ testment ieħor jew permezz ta’ att notarili li fih it-testatur jiddikjara b’mod espliċitu li jkun qiegħed iħassar id-dispożizzjonijiet preċedenti kollha, jew uħud minnhom.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Skont ir-Regoli dwar ir-Reġistrazzjoni fis-seħħ, it-traskrizzjonijiet tat-testmenti ppubblikati li jkunu jirrigwardjaw proprjetà immobbli jew drittijiet ta’ proprjetà immobbli iridu jiġu rreġistrati.

B’żieda ma’ dan, kull servizz ta’ reġistru jżomm ukoll indiċi alfabetiku riżervat għal każijiet u testmenti notarili. L-ismijiet tat-testaturi li t-testmenti notarili tagħhom ikunu ġew eżegwiti minn nutara, it-tħassir tat-testmenti, u t-testaturi li t-testmenti miktuba bl-idejn tagħhom ikunu ġew ippreżentati lil nutara biex jinżammu fil-kura tagħhom jiġu wkoll reġistrati f’dak l-indiċi. Fit-tali każ l-isem tan-nutar li jkollu għandu l-każ notarili jew it-testment miktub bl-idejn jiġi reġistrat taħt isem it-testatur.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Kif diġà ingħad, il-liġi Bulgara tirrestrinġi l-libertà ta’ disponiment tal-proprjetà mal-mewt. Dawn ir-restrizzjonijiet huma għall-benefiċċju tal-qraba tat-testatur: il-konjuġi li jibqa’ ħaj, l-ulied, u fil-każ li t-testatur ma jkollux dixxendenti (tfal jew neputijiet), il-ġenituri tal-mejjet.

Dawn ir-restrizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 28 u l-Artikolu 29 tal-Att tas-Suċċessjoni u jikkonċernaw biss il-każijiet li fihom it-testatur ikollu dixxendenti, ġenituri li għadhom ħajjin, jew konjuġi. Fit-tali każijiet, it-testatur ma jistax jagħmel xi dispożizzjoni, jew jagħti xi rigal ta’ proprjetà li jkollu effett negattiv fuq is-sehem riżervat għal dawn il-persuni. Is-sehem tal-proprjetà li tifdal wara li jitneħħa minnha s-sehem riżervat tirrappreżenta s-sehem disponibbli tat-testatur.

F’każ li t-testatur ma jħallix warajh konjugi, il-liġi tiddefinixxi s-sehem riżervat hekk:

(1) fil-każ ta’ wild wieħed (inkluż wild adottat) jew id-dixxendenti ta’ dak il-wild: in-nofs;

(2) fil-każ ta’ żewġt ulied jew aktar jew tad-dixxendenti tagħhom, żewġ terzi tal-proprjetà tat-testatur.

Is-sehem riżervat tal-ġenitur jew ġenituri li jibqgħu ħajjin huwa ta’ terz, u s-sehem riżervat tal-konjuġi huwa n-nofs jekk il-konjuġi jkun l-uniku werriet jew terz jekk il-ġenituri tal-mejjet ikunu għadhom ħajin.

F’dawk il-każijiet fejn ikun hemm dixxendenti kif ukoll konjuġi li jibqa’ ħaj, is-sehem riżervat tal-konjuġi ikun daqs is-sehem riżervat ta’ kull wild. F’dawn il-każijiet, is-sehem disponibbli jkun ta’ terz tal-proprjetà fil-każ ta’ wild wieħed, kwart fil-każ ta’ żewġ ulied u wieħed minn sitta tal-proprjetà fil-każ ta’ tliet ulied jew aktar.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk il-mejjet ma jkunx għamel testment, il-patrimonju jintiret mill-werrieta legali tiegħu, skont ir-regoli stabbiliti li ġejjin:

F’każ li l-mejjet ma jkunx miżżewweġ u ma jkollux tfal, il-ġenitur jew ġenituri li jkunu għadhom ħajjin jirċievi jew jirċievu ishma indaqs tal-proprjetà (l-Artikolu 6 tal-Att ta’ Suċċessjoni, ZN).

Jekk il-mejjet ikun ħalla warajh biss axxendenti mifruda minnu b’żewġ ġenerazzjonijiet jew aktar, dawk li jkunu l-eqreb għall-mejjet jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 7 ZN).

Jekk ikun hemm biss aħwa li jkunu għadhom ħajjin, huma jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 8(1) ZN).

Meta l-konjuġi jiret jew tiret il-proprjetà tal-mejjet, flimkien mal-axxendenti jew l-aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi jiret jew tiret nofs il-proprjetà, sakemm is-suċċessjoni sseħħ anqas minn għaxar snin wara ż-żwieġ. Fil-każ kuntrarju, il-konjuġi jiret jew tiret żewġ terzi tal-proprjetà. Meta l-konjuġi jiret jew tiret il-proprjetà tal-mejjet, flimkien mal-axxendenti u l-aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi jiret jew tiret terz tal-proprjetà fl-ewwel każ, u żewġ terzi fit-tieni każ.

F’każ li l-mejjet ikun ħalla warajh konjuġi u ulied, il-konjuġi u l-ulied jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 9(1) ZN).

Meta ma jkunx hemm individwi li jkunu kompetenti li jirtu fis-sitwazzjonijiet diskussi hawn fuq, jew fejn il-werrieta kollha jċedu s-suċċessjoni jew jitilfu d-dritt li jaċċettawh, il-patrimonju jgħaddi għal għand l-Istat, ħlief għall-proprjetà mobbli, djar, ħwienet tax-xogħol u garaxxijiet għall-parking, kif ukoll biċċiet ta’ art u proprjetajiet immobbli intiżi primarjament biex fuqhom jitla’ bini residenzjali, li jsiru proprjetà tal-muniċipalità fejn ikunu.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Is-suċċessjoni tista’ tiġi aċċettata billi ssir applikazzjoni bil-miktub lilil-ġudikant tad-distrett fid-distrett fejn tinfetaħ is-suċċessjoni, f’liema każ l-aċċettazzjoni tiddaħħal f’reġistru speċjali.

L-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni tiġi wkoll effettwata meta, mingħajr ma ssir applikazzjoni bil-miktub, il-werriet jieħu azzjoni li tindika b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu jew tagħha li taċċetta s-suċċessjoni jew meta l-werriet jaħbi proprjetà li tkin intirtet. Fil-każ tal-aħħar, il-werriet jitlef id-dritt għas-sehem tiegħu jew tagħha tal-proprjetà moħbija.

Is-suċċessjoni tista’, b’mod alternattiv, tiġi aċċettata abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata, f’liema każ il-werriet ikun responsabbli biss għas-sehem mill-wirt li jkun irċieva.

F’tali każijiet, l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata trid tiġi ddikjarata bil-miktub quddiem il-ġudikant tad-distrett fi żmien tliet xhur mid-data li fiha il-werriet ikun sar jaf bil-ftuħ tas-suċċessjoni. Il-ġudikant tad-distrett jista’ jestendi dan il-perjodu ta’ żmien b’massimu ta’ tliet xhur.

Fil-waqt li jaġixxi fuq talba ta’ xi parti interessata, il-ġudikant tad-distrett, wara li jkun ikkonvoka lill-persuna intitolata għall-wirt, jistabbilixxi perjodu ta’ żmien biex dik il-persuna tiddikjara jew iċċedi l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni. Jekk tkun inġabet xi kawża bil-qorti kontra l-werriet, il-perjodu ta’ żmien jiġi stabbilit mill-qorti li quddiemha tkun qiegħda tinstema’ l-kawża. Jekk il-werriet ma jweġibx fi żmien il-perjodu ta’ żmien stabbilit, hu jew hi jitlef id-dritt li jaċċetta s-suċċessjoni.

F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tal-werriet tiddaħħal f’reġistru speċjali għall-aċċettazzjonijiet u ċ-ċedimenti tas-suċċessjoni.

L-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata hija obbligatorja fil-każ ta’ persuni taħt it-18-il sena, ta’ persuni ddikjarati inkompetenti li jamministraw ħwejjiġhom, tal-Istat u organizzazzjonijiet pubbliċi, u tali aċċettazzjoni trid tiġi ddikjarata bil-miktub fi żmien tliet xhur minn mindu jsir magħruf li jkun sar il-ftuħ tas-suċċessjoni. L-aċċettazzjoni tiddaħħal f’reġistru speċjali li jinżamm fil-qorti distrettwali fid-distrett fejn tkun infetħet is-suċċessjoni.

Fil-każ ta’ testmenti, il-persuna fil-pussess ta’ testment miktub bl-idejn irid jara li jippubblikah permezz ta’ nutra hekk kif isir jaf bil-mewt tat-testatur.

Kull parti interessata tista’ tapplika quddiem il-ġudikant tad-distrett fejn tinfetaħ is-suċċessjoni biex jiffissa skadenza biex it-testment jiġi ppreżentat għall-pubblikazzjoni min-nutar.

In-nutar jippubblika t-testment billi jfassal dikjarazzjoni li jkun fiha deskrizzjoni tal-istat tat-testment u jagħmel nota tal-fatt li jkun infetaħ. Id-dikjarazjoni tiġi ffirmata mill-persuna li tkun ippreżentat it-testment u min-nutar. Il-karta li fuqha jkun miktub it-testment tinhemeż mad-dikjarazzjoni u kull paġna tiġi ffirmata mill-persuni msemmija hawn fuq.

Jekk it-testment ikun ingħata lin-nutar biex jinżamm għandu (l-Artikolu 25(2) ZN), il-passi msemmija hawn fuq isiru min-nutar ikkonċernat.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Is-suċċessjoni sseħħ hekk kif tiġi aċċettata. L-aċċettazzjoni sseħħ mal-ftuħ tas-suċċessjoni.

Barra mill-każijiet ta’ aċċettazzjoni espliċita permezz ta’ applikazzjoni ta’ malajr bil-miktub, l-aċċettazzjoni tista’ ssir ukoll meta, mingħajr ma ssir applikazzjoni bil-miktub, il-werriet jieħu azzjoni li tindika b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jaċċetta s-suċċessjoni jew meta werriet jaħbi proprjetà li wiret. Fil-każ tal-aħħar, il-werriet jitlef id-dritt għas-sehem tiegħu jew tagħha tal-proprjetà moħbija.

Fuq talba ta’ xi parti interessata, il-ġudikant tad-distrett, wara li jkun ikkonvoka lill-persuna intitolata li tiret, jistabbilixxi perjodu ta’ żmien massimu biex dik il-persuna tiddikjara li tkun aċċettat is-suċċessjoni jew li tkun ċedietha. Jekk ikun inġab xi każ quddiem il-qorti kontra l-werriet, l-iskadenza tiġi ffissata mill-qorti li tkun qed tisma’ l-każ.

Jekk il-werriet ma jweġibx fil-perjodu massimu stabbilit, huwa jitlef id-dritt li jaċċetta s-suċessjoni.

F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tal-werriet tiddaħħal fir-reġistru speċjali tal-aċċettazzjoijiet u tar-rinunzji tas-suċċessjoni.

Meta suċċessjoni tiġi rrinunzjata, tiġi segwita l-istess proċedura u tiġi reġistrata bl-istess mod.

Irid jittieħed każ ukoll għall-obbligu skont l-Artikolu 43 tal-Att dwar it-Taxxi u l-Miżati Lokali (Zakon za mestnite danatsi i taski) li għandhom il-banek, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni u korporazzjonijiet oħra kif ukoll kull entità oħra li tkun detentur ta’ depożiti jew obbligant ta’ sigurtajiet, flus jew xi proprjetà oħra inkorporata f’xi suċċessjoni li huma jkunu jafu li ntefħet, li jibgħatu deskrizzjoni dettaljata ta’ dik il-proprjetà lill-muniċipalità fejn tinfetaħ is-suċċessjoni qabel tkun tħallset, ikkonsenjata jew trasferuta tali proprjetà.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Tapplika l-proċedura tal-aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja ta’ wirt.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemm l-ebda proċedura speċjali għar-rinunzja jew għall-aċċettazzjoni ta’ sehem riżervat . Werriet li jkun intitolat għal sehem riżervat iżda li ma jkunx f’pożizzjoni li jirċievih kollu kemm huwa minħabba għotjiet jew rigali, jista’ japplika quddiem il-qorti biex dawn l-għotjiet jew rigali jitnaqqsu sal-livell neċessarju biex is-sehem riżervat ikun sħiħ wara li jiġu rkuprati l-legati u r-rigali li jkunu saru lill-werriet ikkonċernat, ħlief għal rigali ordinarji.

F’każ li werriet, li s-sehem riżervat tiegħu jkun affettwat ħażin, jeżerċita d-drittijiet ta’ suċċesjsoni kontra persuni li ma jkunux werrieta legali, il-werriet ikun irid aċċetta s-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata tal-proprjetà.

Sabiex ikun jista’ jiġi ffissat is-sehem disponibbli u l-ammont tas-sehem riżervat tal-werriet, l-assi kollha proprjetà tat-testatur fil-mument ta’ mewtu jinġabru fil-patrimonju wara li jkunu tnaqqsu d-djun u kull żieda fil-wirt skont l-Artikolu 12(2) tal-Att tas-Suċċessjoni. Jiżdiedu mbagħad ir-rigali, ħlief għal rigali ordinarji, skont l-istatus tagħhom fil-mument li jkunu ngħataw u l-valur tagħhom fil-mument li tinfetaħ is-suċċessjoni fil-każ ta’ proprjetà immobbli, jew fil-mument li jkunu ngħataw fil-każ ta’ proprjetà mobbli.

Id-dispożizzjonijiet testamentarji jitnaqqsu fuq bażi pro rata mingħajr ma ssir differenzjazzjoni bejn werrieta u legatarji, sakemm it-testatur ma jkunx iddikjara mod ieħor.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Patrimonju jiġi likwidat permezz ta’ diviżjoni ġudizzjarja jew volontarja.

Kull koproprjetarju għandu d-dritt ta’ diviżjoni, ikun xi jkun id-daqs ta’ sehmu. Kull werriet jista’ jagħmel pretensjoni tas-sehem tiegħu jew tagħha f’beni, fejn ikun prattikabbli, u n-nuqqas ta’ ugwaljanza tal-ishma tiġi riżolta bi flus.

Id-diviżjoni volontarja ssir bil-kunsens tal-koproprjetarji kollha. Id-diviżjoni voluntarja tieħu l-forma ta’ kuntratt. Skont l-Artikolu 35(1) tal-Att tas-Sjieda, id-diviżjoni volontarja tal-proprjetà mobbli li tkun tiswa aktar minn BGN 50 jew ta’ proprjetà immobbli, għandha ssir bil-miktub u l-firem għandhom jiġu notarizzati. Fil-każ ta’ diviżjoni volontarja, kull sehem nozzjonali tal-kopropretarji fil-patrimonju komuni jsir dritt ta’ sjieda separat u indipendenti fuq sehem reali tal-assi li jkunu proprjetà komuni.

Id-diviżjoni ġudizzjarja ssir taħt proċediment speċjali stabbiliti bl-Artikolu 341 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Ma hemmx perjodu preskrittiv sabiex issir talba għad-diviżjoni tal-assi. Dawn il-proċedimenti kontenzjużi jinvolvu żewġ stadji.

L-ewwel stadju jikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ diviżjoni.

Il-kowerriet li jitlob għad-diviżjoni jressaq rikors bil-miktub quddiem il-qorti distrettwali, li jehmeż miegħu:

1. iċ-ċertifikat tal-mewt tat-testatur u ċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni;

2. ċertifikat jew evidenza oħra bil-miktub rigward il-patrimonju;

3. kopji tar-rikors u ta’ dak mehmuż miegħu, għall-kowerrieta l-oħra.

Matul l-ewwel sessjoni tal-qorti, kull kowerriet ieħor jista’ jagħmel rikors biex assi oħra jiġu inklużi fil-patrimonju. Huwa wkoll matul l-ewwel sessjoni tal-qorti li kull kowerriet jista’ jikkontesta d-dritt ta’ xi kowerriet ieħor li jkollu sehem mid-diviżjoni, id-daqs tas-sehem tiegħu jew l-inklużjoni ta’ xi assi fil-patrimonju.

Fi proċedimenti dwar id-diviżjoni, il-qorti tisma’ tilwim rigward l-oriġini, l-adozzjonijiet, it-testmenti, l-awtentiċità ta’ evidenza bil-miktub jew ir-rikorsi biex jitnaqqas l-ammont ta’ dispożizzjonijiet testimentarji jew ta’ rigali.

L-ewwel stadju jintemm b’deċiżjoni dwar l-ammissibilità tad-diviżjoni. Il-qorti tiddetermina liema assi jiġu diviżi fost liema persuni u s-sehem ta’ kull kowerriet. Meta jiġi deċiż li diviżjoni ta’ proprjetà immobbli tkun ammissibbli, il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar liema kodiviżur għandu jeħodha.

Fl-istess deċiżjoni, jew f’xi deċiżjoni warajha, jekk werriet wieħed jew aktar ma jużawx il-patrimonju skont id-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħhom, il-qorti tista’, wara talba minn werriet, tiddeċiedi liema werrieta għandhom jużaw liema assi, sakemm titlesta d-diviżjoni, jew liema ammonti għandhom iħallsu l-werrieta l-oħra għall-użu.

It-tieni stadju hija d-diviżjoni nfisha. L-ishma jiġu ddefiniti u jiġu allokati assi speċifiċi għas-sjieda esklussiva tal-kodiviżuri individwali. Dan isir billi titfassal dikjarazzjoni ta’ diviżjoni u billi tittella’ x-xorti. Il-qorti tfassal id-dikjarazzjoni ta’ diviżjoni abbażi ta’ opinjoni esperta skont l-Att ta’ Suċċessjoni. Wara li tkun fasslet l-abbozz ta’ dikjarazzjoni ta’ diviżjoni, il-qorti tibgħat għall-paritjiet biex tippreżentalhom id-dikjarazzjoni u biex tisma’ l-oġġezzjonijiet tagħhom. Wara dan, il-qorti tfassal u tippromulga d-dikjarazzjoni finali ta’ diviżjoni f’sentenza tal-qorti. Wara li s-sentenza dwar id-dikjarazzjoni ta’ diviżjoni tidħol fis-seħħ, il-qorti tibgħat għall-partijiet biex itellgħu x-xorti. Il-qorti tista’ tiddividi l-assi li jintirtu fost il-kodiviżuri mingħajr ma tittella’ x-xorti jekk ikun jidher li l-individwazzjoni tal-ishma, jew li tittella’ x-xorti, ma jkunx possibbli jew ikun inkonvenjenti.

Jekk xi ass ikun indiviżibbli u ma jkunx jista’ jiġi allokat lil xi sehem, il-qorti tordna li dan jinbiegħ f’irkant pubbliku. Il-partijiet fid-diviżjoni jistgħu jieħdu sehem f’dan l-irkant.

Meta l-ass indiviżibbli jkun akkomodazzjoni li kienet il-proprjeta ta’ komunità matrimonjali li tkun inħallet mal-mewt ta’ konjuġi jew ma’ divorzju u l-konjuġi li jifdal, jew l-ekskonjuġi, li jkollu d-drittijiet tal-ġenitur fuq ulied imwielda fiż-żwieġ ma jkollux akkomodazzjoni tiegħu, il-qorti tista’, fuq talba ta’ dak il-konjuġi, tuża l-akkomodazzjoni bħala sehem, u tissodisfa l-ishma tal-kodiviżuri l-oħra bi proprjetajiet oħra jew inkella bi flus kontanti.

Meta l-ass indiviżibbli jkun akkomodazzjoni, kull kodiviżur li jkun qed jgħix fiha meta tkun infetħet is-suċċessjoni u li ma jkollu l-ebda akkomodazzjoni oħra jista’ japplika biex din tiġi allokata mas-sehem tiegħu, u l-ishma tal-kodiviżuri l-oħra jiġu ssodisfati bi proprjetajiet oħra jew inkella bi flus kontanti. Jekk diversi kodiviżuri jkunu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u jkollhom pretensjoni għall-proprjetà, tingħata preferenza lill-persuna li toffri l-ogħla prezz.

It-talba għall-assenjament tista’ tiġi ppreżentata mhux aktar tard mill-ewwel sessjoni tal-qorti wara li tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ammissibilità tad-distribuzzjoni. L-ass jiġi vvalutat bil-valur attwali tiegħu.

Fil-każ ta’ sodisfazzjon bi flus kontanti, il-pagament, flimkien mal-imgħax statutorju, ikollu jsir fi żmien sitt xhur wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ assenjament tkun daħlet fis-seħħ.

Il-kodiviżur li jkun irċieva l-ass fis-sehem tiegħu isir il-proprjetarju hekk kif isir il-pagament fi flus kontanti, flimkien mal-imgħax statutorju, fi żmien il-perjodu ta’ żmien stabbilit. Jekk ma jsirx il-pagament fi ħdan iż-żmien stabbilit dan iwassal biex id-deċiżjoni dwar l-assenjament issir nulla u bla effett skont il-liġi u l-ass jinħareġ għall-bejgħ f’irkant pubbliku. L-ass jista’ jiġi allokat lil kodiviżur ieħor li jkun jissodisfa r-rekwiżiti u li jkun applika għal allokazzjoni fi ħdan iż-żmien stabbilit, mingħajr ma jiġi offrut għall-bejgħ f’irkant pubbiku, sakemm il-kodiviżur l-ieħor iħallas immedjatament il-prezz ta’ valutazzjoni, mnaqqas minnu l-valur tas-sehem tiegħu fih. Il-proċedimenti jiġu diviżi fost il-kodiviżuri l-oħra fuq bażi pro rata.

Il-proċedimenti ta’ diviżjoni ġudizzjarja jistgħu jiġu terminati u l-patrimonja jinħall permezz ta’ arranġament li jilħqu bejniethom il-partijiet, u approvat mill-qorti.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Persuna ssir werrieta jew legatarja mal-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni. Qabel ma s-suċċessjoni tiġi aċċettata, il-persuna intitolata li tiret l-assi tista’ tamministra l-patrimonju u tressaq azzjonijiet possessorji għall-preżervazzjoni tiegħu.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Bl-akkwist tas-sehem relevanti (sehem indiviż) tal-patrimonja tal-mejjet, kull werriet jew legatur jakkwista sehem nozzjonali tal-assi u d-djun tat-testatur, inkużi fil-patrimonju.

Il-werrieta li jaċċettaw is-suċċessjoni huma responsabbli għad-djun fuq il-patrimonju, skont id-daqs tal-ishma tagħhom.

Werriet li jkun aċċetta s-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata jkun responsabbli biss għall-ammont mill-patrimonju li huwa jkun irċieva.

L-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata trid tiġi ddikjarata bil-miktub quddiem il-ġudikant tad-distrett fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-werriet ikun sar jaf bil-ftuħ tas-suċċessjoni. Il-ġudikant tad-distrett jista’ jtawwal l-iskadenza sa massimu ta’ tliet xhur. L-aċċettazzjoni tiddaħħal f’reġistru speċjali tal-qorti.

Persuni li jkunu legalment mhux kapaċi, il-gvern u organizzazzjonijiet mhux governattivi jaċċettaw is-suċċessjoni biss abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata.

F’każ li werriet wieħed jaċċetta s-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata, il-werrieta l-oħra jistgħu jibbenefikaw minnha, mingħajr ħsara għad-dritt tagħhom li jaċċettaw jew li jċedu s-suċċessjoni.

Id-deskrizzjoni dettaljata titfassal skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Il-kredituri tal-patrimonju u l-legatarji jistgħu, fi żmien tliet xhur mill-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, jitolbu separazzjoni tal-proprjetà tal-mejjet mill-proprjetà tal-werriet. Tali separazzjoni tiġi effettwata għar-rigward ta’ proprjetajiet immobbli b’entrata fid-dokumentazzjoni tal-proprjetajiet immobbli tal-mejjet skont il-proċedura tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Katast u tal-Proprjetà (Zakron za kadastara i imotniya registar) u, għar-rigward tal-mobbli, b’applikazzjoni quddiem il-ġudikant tad-distrett, li tiddaħħal fir-reġistru speċjali tal-aċċettazzjonijiet u rinunzji tas-suċċessjoni.

Il-kredituri tal-patrimonju u l-legaturi li jkunu talbu separazzjoni jieħdu preċedenza fuq dawk li ma jkunux għamlu talba bħal din. Meta kemm il-kredituri kif ukoll il-legaturi jkunu talbu separazzjoni, dawk tal-ewwel jieħdu preċedenza fuq tal-aħħar.

Mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ kontra l-mejjet jista’ jiġi infurzat anki kontra l-proprjetà tal-werrieta tiegħu jew tagħha, sakemm ma jkunux kapaċi jistabbilixxu li huma jkunu rrinunzjaw għas-suċċessjoni jew ikunu aċċettawha abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata. Meta l-werriet ma jkunx aċċetta s-suċċessjoni, l-aġent tal-infurzar jistabbilixxi l-perjodu limitat skont l-Artikolu 51 tal-Att tas-Suċċessjoni, u jikkomunika d-dikjarazzjoni tal-werriet lill-ġudikant tad-distrett relevanti b’tali mod li d-dikjarazzjoni tkun tista’ tiġi reġistrata.

Każ speċifiku wieħed li fih il-werriet ikollu obbligazzjonijiet lejn id-djun tal-mejjet jiġi ttrattat fl-Artikolu 150 tal-Konfiska għal Kontra l-Korruzzjoni u l-Assi Akkwistati Illegalment (Zakon za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo), li tiddikjara li kull assi akkwistati illegalment jiġu wkoll sekwestrati mingħand il-werrieta jew il-legaturi sal-livell irċevut minnhom.

F’tali sitwazzjonijiet id-drittijiet tal-Istat skont l-Att jiskadu malli jiskadi l-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, li jibda jiddekorri mid-data tal-akkwist tal-assi. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni, madankollu, jiġi sospiż għad-durata tal-proċedimenti skont it-Taqsima IV tal-Att.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

It-traskrizzjonijiet ta’ testmenti ppubbikati li jkunu jirrigwardjaw proprjetà immobbli u drittijiiet ta’ proprjetà immobbli jridu jkunu reġistrati. Fil-każ ta’ testmenti universali, l-eżistenza ta’ proprjetà immobbli fid-distrett relevanti tal-qorti tiġi ċċertifikata permezz ta’ dikjarazzjoni li jkollha l-firma notarizzata tal-benefiċjarju u li tkun tidentifika l-proprjetajiet immobbli li tagħhom ikun konxju l-benefiċjarju fid-distrett relevanti tal-qorti. Id-dikjarazzjoni tiġi ppreżentata mat-testment lill-ġudikant ta’ reġistrazzjoni fid-distrett fejn tkun tinsab il-proprjetà.

Il-ġudikant ta’ reġistrazzjoni jagħti struzzjonijiet lill-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni fil-lokalità fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli biex jirreġistraha, billi l-atti soġġetti għar-reġistrazzjoni jitqiegħdu f’reġistri li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.

Żewġ kopji insinwati tat-testmenti li jirrigwardjaw proprjetà immobbli u drittijiet tal-proprjetà immobbli jiġu mehmuża mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

Strumenti oħra suġġetti għar-reġistrazzjoni huma l-kuntratti ta’ diviżjoni ta’ proprjetajiet immobbli, id-dikjarazzjonijiet ta’ diviżjoni ġudizzjarja ta’ tali proprjetajiet, deċiżjonijiet finali tal-qorti li jissostitwixxu tali dikjarazzjonijiet u applikazzjonijiet mill-kredituri jew il-legaturi tal-mejjet għas-separazzjoni tal-proprjetajiet immobbli tal-mejjet.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta’ amministratur mhix obbligatorja. It-testatur jista’ jassenja persuna waħda jew aktar li tkun legalment kapaċi biex taġixxi bħala amministratur.

Fuq talba ta’ xi parti interessata, il-ġudikant tad-distrett tal-post fejn tinfetaħ is-suċċessjoni jista’ jistabbilixxi skadenza għaċ- ċessjonarju sabiex jaċċetta l-ħatra. Jekk il-perjodu ta’ żmien jiskadi u ċ-ċessjonarju ma jkunx aċċetta l-ħatra, ċ-ċessjonarju jitqies bħala li ma jkunx aċċetta.

Il-ġudikant tad-distrett jista’ jkeċċi l-amministratur jekk dan tal-aħħar ikun negliġenti jew ikun sar inkapaċi, jew jaġixxi b’tali manjiera li tkun inkumpatibbli mal-fiduċja li tkun ingħatatlu mill-amministratur.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel.

Ġeneralment, jekk il-mejjet ikun miet bla testment jew ma jkunx ħatar amministratur għat-testment tiegħu, kull persuna intitolata li tiret tista’ tamministra l-patrimonju u tressaq pretensjonijiet possessorji għar-riżerva tiegħu sakemm ikun hemm l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni.

Il-werriet li jkun aċċetta s-suċċessjoni abbażi ta’ deskrizzjoni dettaljata jamministra l-patrimonju u, meta jkun qiegħed jagħmel dan, ikun marbut li jeżerċita l-istess galbu bħal ma jeżerċita fi ħwejġu. Tali werriet ma jistax jiddisponi mill-proprjetajiet immobbli fi żmien ħames snin wara l-aċċettazzjoni u mill-proprjetajiet mobbli fi żmien tliet snin, sakemm ma jingħatax permess jagħmel dan mill-ġudikant tad-distrett, altrimenti jitneħħa kull limitu fuq l-obligazzjonijiet tal-werriet għad-djun tal-mejjet. Tali werriet irid jagħti kont tal-amministrazzjoni tiegħu jew tagħha lill-kredituri u lil-legaturi.

Meta ma tkunx magħrufa r-residenza tal-persuna intitolata li tiret, jew inkella r-residenza tagħha tkun magħrufa, imma dik il-persuna ma tkunx assumiet l-amministrazzjoni tal-patrimonju, il-ġudikant tad-distrett, li jaġixxi b’inizjattiva tiegħu jew fuq talba tal-partijiet interessati, jaħtar amministratur tal-patrimonju.

L-amministratur irid jagħmel deskrizzjoni dettaljata tal-patrimonju. L-amministratur iressaq pretensjonijiet rigward l-assi u d-djun tal-patrimonju, u jirrispondi għalihom. L-amministratur irid jikseb permess mill-ġudikant tad-distrett għall-ħlas lura tad-djun tal-patrimonju, il-legati u l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministratur għandu jfassal deskrizzjoni dettaljata tal-assi, u jistieden lill-werrieta u lil-legatarji li jattendu.

L-amministratur jieħu f’idejh il-pussess tal-patrimonju u jamministrah sakemm dan ikun neċessarju biex iseħħu d-dispożizzjonijiet testimentarji.

L-amministratur ma għandux il-poter li jaljena xi assi sakemm dan ma jkunx meħtieġ u permess mill-ġudikant tad-distrett, li jieħu deċiżjoni wara li jkun sema’ lill-werrieta.

Għal każijiet li fihom jinħatar amministratur milil-ġudikant tad-distrett, are t-tweġiba taħt 9.2.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Jekk it-testatur ikun ħalla warajh testment miktub bl-idejn, in-nutar jippubblika t-testment, u jiddeskrivi l-kundizzjoni tat-testment u jagħmel nota dwar il-ftuħ tiegħu.

Il-werrieta bil-liġi huma lleġġitimizzati b’ċertifikat ta’ suċċessjoni maħruġ mis-sindku tal-muniċipalità tal-aħħar indirizz permanenti tal-mejjet.

Iċ-ċertifikati tas-suċċessjoni jinħarġu biss f’relazzjoni għall-persuni li kienu suġġetti għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-popolazzjoni fid-data tal-mewt tagħhom u li għalihom ikun tfassal ċertifikat tal-mewt.

Meta l-mejjet ma jkunx ċittadin Bulgaru iżda jkun fir-reġistru tal-popolazzjoni u ma jkunx sar ċertifikat tal-mewt għalih fit-territorju tal-Bulgarija, trid tiġi ppreżentata kopja duplikata tal-att tal-mewt, jew inkella estratt tiegħu, li jkun iddaħħal fir-reġistru tal-istat ċivili ta’ pajjiż barrani sabiex iċ-ċertifikat ikun jista’ jinħareġ. Meta r-reġistru tal-popolazzjoni ma jkollux id-data kollha neċessarja għall-ħruġ taċ-ċertifikat, dokument uffiċjali maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li tiegħu jkollu ċ-ċittadinanza l-persuna jrid jiġi ppreżentat biex jiġi ċċertifikat l-istat maritali tiegħu, il-partikulari tal-konjuġi u l-qraba diretti tal-ewwel grad ta’ konsangwinità u l-qraba kollaterali tat-tieni grad.

Iċ-ċertifikat jinħareġ skont l-Artikolu 24(2) tal-Att ta’ Reġistrazzjoni Ċivili u tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati abbażi tar-reġistru tal-popolazzjoni. Iċ-ċertifikat jinħareġ għall-werriet bil-liġi, ir-rappreżentanti legali tiegħu jew partijiet terzi, sakemm dawn tal-aħħar ikollhom bżonu biex jeżerċitaw poteri leġittimi jew ikunu awtorizzati espressement minn prokura notarizzata.

Id-dokumenti li ġejjin huma meħtieġa biex ikun jista’ jinħareġ iċ-ċertifikat:

–        applikazzjoni bl-użu tal-formola taċ-ċentru ta’ informazzjoni tar-reġistru ċivili (GRAO), li tispeċifika d-dettalji tal-werrieta tal-mejjet, li trid tiġi ppreżentata minn werriet jew persuna awtorizzata minn werriet;

–        kopja taċ-ċertifikat tal-mewt (jekk maħruġ minn muniċipalità oħra);

–        id-dokument ta’ identità tal-applikant;

–        prokura notarili jekk l-applikazzjoni tkun ippreżentata minn rappreżentant awtorizzat.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 03/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.