Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Kull persuna li jkollha 18-il sena jew aktar, u li tkun bil-fakultajiet mentali sani tista' tiddisponi mill-proprjeta' tagħha meta tmut, permezz ta' testment. It-testatur jista' jiddisponi mill-proprjetà kollha tiegħu fit-testment. Testment jista' jkun miktub bl-idejn (miktub kollu kemm hu b'id it-testatur u ffirmat minnu) jew isir quddiem nutar, jiġifieri mfassal minn nutar fil-preżenza ta' żewġ xhieda.

Testment miktub bl-idejn irid ikun miktub kollu kemm hu b'id it-testatur stess. Irid ikun iddatat u ffirmat mit-testatur. Il-firma trid titniżżel taħt l-istruzzjonijiet tad-dispożizzjoni. It-testment jista' jitwassal għand nutar f'invilopp issiġillat biex jinżamm għandu. F'dak il-każ, in-nutar ifassal dikjarazzjoni ta' kustodja fuq l-invilopp. Id-dikjarazzjoni tkun iffirmata mit-testatur u min-nutar u tiġi annotata f'reġistru speċjali.

Testment notarili jitfassal min-nutar fil-preżenza ta' żewġ xhieda.

It-testatur jagħmel dikjarazzjoni bil-fomm tat-testment tiegħu lin-nutar, li jniżżlu bil-miktub kif jiġi ddikjarat u mbagħad jaqrah quddiem it-testatur fil-preżenza tax-xhieda. In-nutar jagħmel nota ta' kif ikunu twettqu dawn il-formalitajiet fit-testment, u jispeċifika l-post u d-data tat-testment. Wara dan, it-testment jiġi ffirmat mit-testatur, mix-xhieda u min-nutar. Meta jkun qed ifassal it-testment notarizzat, in-nutar jaġixxi skont l-Artikolu 578(1) u (2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Jekk it-testatur ma jkunx jista' jiffirma t-testment, huwa għandu jiddikjara r-raġuni għal dan, u n-nutar jagħmel nota dwar din id-dikjarazzjoni qabel ma jaqra t-testment.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Minn mindu saru l-emendi fir-Regoli dwar ir-Reġistrazzjoni fl-1 ta' Jannar 2001, it-traskrizzjonijiet tat-testmenti ppubblikati li jkunu jirrigwardjaw proprjetà immobbli jew drittijiet ta' proprjetà immobbli iridu jiġu rreġistrati.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Il-konjuġi u l-ulied tal-mejjet jew, fin-nuqqas ta' dixxendenti, il-ġenituri tal-mejjet, huma intitolati għal sehem riżervat. Jekk it-testatur ikollu dixxendenti, ġenituri li għadhom ħajjin, jew konjuġi, it-testatur ma jistax jagħmel xi dispożizzjoni, jew jagħti xi rigal ta' proprjetà li jkollu effett negattiv fuq is-sehem riżervat. It-total tas-sehem riżervat tal-benefiċjarji kollha jista' jammonta għal massimu ta' ħames partijiet minn sitta tal-proprjetà jekk il-mejjet iħalli warajh konjuġi u żewġt ulied jew aktar. Il-proprjetà li tifdal wara li jitneħħa minnha s-sehem riżervat tirrappreżenta s-sehem disponibbli tat-testatur.

Jekk ma jkunx hemm konjuġi li jibqa' ħaj jew ħajja, id-dixxendenti (inklużi dawk adottati) jkollhom l-ishma riżervati li ġejjin: fil-każ ta' wild wieħed jew id-dixxendenti ta' dak il-wild: nofs wieħed; fil-każ ta' żewġt ulied jew aktar, jew id-dixxendenti tagħhom: żewġ terzi tal-proprjetà tat-testatur.

Jekk ikun hemm dixxendenti, kif ukoll konjuġi li jibqa' ħaj, is-sehem riżervat tal-konjuġi ikun daqs is-sehem riżervat ta' kull wild. F'dan il-każ, is-sehem disponibbli jkun ta' terz tal-proprjetà fil-każ ta' wild wieħed, kwart fil-każ ta' żewġ ulied u wieħed minn sitta tal-proprjetà fil-każ ta' tliet ulied jew aktar.

Jekk it-testatur ma jħallux dixxendenti warajh, is-sehem riżervat tal-konjuġi ikun in-nofs jekk il-konjuġi ikun l-uniku werriet, jew terz jekk ikun hemm ġenituri ħajjin tal-mejjet.

Is-sehem riżervat tal-ġenituri jew ġenituri li jkunu għadhom ħajjin huwa ta' terz.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Il-prinċipji li ġejjin japplikaw għall-eliġibbiltà ta' wirt, skont il-każ speċifiku:

  • F'każ li l-mejjet ma jkunx miżżewweġ u ma jkollux tfal, il-ġenitur jew ġenituri li jkunu għadhom ħajjin jirċievi jew jirċievu ishma indaqs tal-proprjetà (l-Artikolu 6 tal-Att ta' Suċċessjoni, ZN).  Jekk il-mejjet ikun ħalla warajh biss axxendenti mifruda minnu b'żewġ ġenerazzjonijiet jew aktar, dawk li jkunu l-eqreb għall-mejjet jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 7 ZN). Jekk ikun hemm biss aħwa li jkunu għadhom ħajjin, huma jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 8(1) ZN). Jekk ikun hemm aħwa superstiti, kif ukoll axxendenti mifruda b'żewġ ġenerazzjonijiet jew aktar, tal-ewwel jirċievu żewġ terzi tal-proprjetà u tal-aħħar terz (l-Artikolu 8(2) ZN).
  • F'każ li l-mejjet ma jkunx miżżewweġ iżda jkun ħalla ulied warajh, dawn jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 5(1) ZN). Is-sehem ta' wild li jkun miet qabel jgħaddi għad-dixxendenti skont l-ordni ta' suċċessjoni (rappreżentazzjoni).
  • F'każ li l-mejjet iħalli warajh konjuġi iżda ma jkollux ulied, axxendenti, aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi jiret jew tiret il-proprjetà kollha (l-Artikolu 9 ZN).

Meta l-konjuġi jiret jew tiret il-proprjetà tal-mejjet, flimkien mal-axxendenti jew l-aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi jiret jew tiret nofs il-proprjetà, sakemm is-suċċessjoni sseħħ anqas minn għaxar snin wara ż-żwieġ. Fil-każ kuntrarju, il-konjuġi jiret jew tiret żewġ terzi tal-proprjetà. Meta l-konjuġi jiret jew tiret il-proprjetà tal-mejjet, flimkien mal-axxendenti u l-aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi jiret jew tiret terz tal-proprjetà fl-ewwel każ, u żewġ terzi fit-tieni każ.

  • F'każ li l-mejjet ikun ħalla warajh konjuġi u ulied, il-konjuġi u l-ulied jirtu ishma indaqs (l-Artikolu 9(1) ZN).

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Ma hemm l-ebda proċedura speċifika dwar kif il-werriet jaċċetta s-suċċessjoni.

Il-persuna li jkollha fil-pussess tagħha testment miktub bl-idejn għandha tfittex il-pubblikazzjoni tiegħu minn nutar malli ssir taf bil-mewt tat-testatur.

Kull parti interessata tista' tapplika quddiem il-ġudikant tad-distrett fejn tinfetaħ is-suċċessjoni biex jiffissa skadenza biex it-testment jiġi ppreżentat għall-pubblikazzjoni min-nutar.

In-nutar jippubblika t-testment billi jfassal dikjarazzjoni li jkun fiha deskrizzjoni tal-kundizzjoni tat-testment u jagħmel nota tal-fatt li jkun infetaħ. Id-dikjarazjoni tiġi ffirmata mill-persuna li tkun ippreżentat it-testment u min-nutar. Il-karta li fuqha jkun miktub it-testment tinhemeż mad-dikjarazzjoni u kull paġna tiġi ffirmata mill-persuni msemmija hawn fuq.

Jekk it-testment ikun ingħata lin-nutar biex jinżamm għandu (l-Artikolu 25(2) ZN), il-passi msemmija hawn fuq isiru min-nutar ikkonċernat.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Is-suċċessjoni sseħħ hekk kif tiġi aċċettata. L-aċċettazzjoni sseħħ mal-ftuħ tas-suċċessjoni.

L-aċċettazzjoni tista' sseħħ bil-mili ta' applikazzjoni bil-miktub lill-ġudikant tad-distrett fid-distrett fejn tkun infetħet is-suċċessjoni. F'dan il-każ, l-aċċettazzjoni tiddaħħal f'reġistru speċjali.

Jitqies li l-aċċettazzjoni tkun saret meta werriet jieħu azzjoni li tindika b'mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jaċċetta s-suċċessjoni jew meta werriet jaħbi proprjetà li wiret. Fil-każ tal-aħħar, il-werriet jitlef id-dritt tas-sehem tiegħu tal-proprjetà moħbija.

Fuq talba ta' xi parti interessata, il-ġudikant tad-distrett, wara li jkun sejjaħ għall-persuna intitolata li tiret, jistabbilixxi perjodu ta' żmien massimu biex dik il-persuna tiddikjara li tkun aċċettat is-suċċessjoni jew li tkun ċedietha. Jekk ikun inġab xi każ quddiem il-qorti kontra l-werriet, l-iskadenza tiġi ffissata mill-qorti li tkun qed tisma' l-każ.

Jekk il-werriet ma jweġibx fil-perjodu massimu stabbilit, huwa jitlef id-dritt li jaċċetta s-suċessjoni.

Id-dikjarazzjoni tal-aċċettazzjoni tiddaħħal f'reġistru speċjali tal-qorti.

Meta suċċessjoni tiġi rrinunzjata, tiġi segwita l-istess proċedura u tiġi reġistrata bl-istess mod.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Tapplika l-proċedura tal-aċċettazzjoni jew ta' rinunzja ta' wirt.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemm l-ebda proċedura speċjali għar-rinunzja jew għall-aċċettazzjoni ta' sehem riżervat . Werriet li jkun intitolat għal sehem riżervat iżda li ma jkunx f'pożizzjoni li jirċievih kollu kemm huwa minħabba għotjiet jew rigali, jista' japplika quddiem il-qorti biex dawn l-għotjiet jew rigali jitnaqqsu sal-livell neċessarju biex is-sehem riżervat ikun sħiħ wara li jiġu rkuprati l-legati u r-rigali li jkunu saru lill-werriet ikkonċernat, ħlief għal rigali ordinarji.

F'każ li werriet, li s-sehem riżervat tiegħu jkun affettwat ħażin, jeżerċita d-drittijiet ta' suċċesjsoni kontra persuni li ma jkunux werrieta legali, il-werriet ikun irid aċċetta s-suċċessjoni abbażi ta' deskrizzjoni dettaljata tal-proprjetà.

Sabiex ikun jista' jiġi ffissat is-sehem disponibbli u l-ammont tas-sehem riżervat tal-werriet, l-assi kollha proprjetà tat-testatur fil-mument ta' mewtu jinġabru fil-patrimonju wara li jkunu tnaqqsu d-djun u kull żieda fil-wirt skont l-Artikolu 12(2) tal-Att tas-Suċċessjoni. Jiżdiedu mbagħad ir-rigali, ħlief għal rigali ordinarji, skont l-istatus tagħhom fil-mument li jkunu ngħataw u l-valur tagħhom fil-mument li tinfetaħ is-suċċessjoni fil-każ ta' proprjetà immobbli, jew fil-mument li jkunu ngħataw fil-każ ta' proprjetà mobbli.

Id-dispożizzjonijiet testamentarji jitnaqqsu fuq bażi pro rata mingħajr ma ssir differenzjazzjoni bejn werrieta u legatarji, sakemm it-testatur ma jkunx iddikjara mod ieħor.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-modi prinċipali ta' kif il-patrimonju jiġi likwidat huma diviżjoni ġudizzjarja jew volontarja. Kull koproprjetarju għandu d-dritt ta' diviżjoni, ikun xi jkun id-daqs ta' sehmu.

Id-diviżjoni volontarja ssir bil-kunsens tal-koproprjetarji kollha u tieħu l-forma ta' kuntratt. Skont l-Artikolu 35(1) tal-Att tas-Sjieda, id-diviżjoni volontarja tal-proprjetà mobbli li tkun tiswa aktar minn BGN 50 jew ta' proprjetà immobbli, għandha ssir bil-miktub u l-firem għandhom jiġu notarizzati. Fil-każ ta' diviżjoni volontarja, kull sehem nozzjonali tal-kopropretarji fil-patrimonju komuni jsir dritt ta' sjieda separat u indipendenti fuq sehem reali tal-assi li jkunu proprjetà komuni.

Id-diviżjoni ġudizzjarja ssir taħt proċediment speċjali stabbiliti bl-Artikolu 341 et seq tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Ma hemmx perjodu preskrittiv sabiex issir talba għad-diviżjoni tal-assi. Dawn il-proċedimenti kontenzjużi jinvolvu żewġ stadji.

L-ewwel stadju jikkonċerna l-ammissibbiltà ta' diviżjoni.

Il-kowerriet li jitlob għad-diviżjoni jressaq rikors bil-miktub quddiem il-qorti distrettwali, li jehmeż miegħu:

1. iċ-ċertifikat tal-mewt tat-testatur u ċ-ċertifikat ta' suċċessjoni;

2. ċertifikat jew evidenza oħra bil-miktub rigward il-patrimonju;

3. kopji tar-rikors u ta' dak mehmuż miegħu, għall-kowerrieta l-oħra.

Matul l-ewwel sessjoni tal-qorti, kull kowerriet ieħor jista' jagħmel rikors biex assi oħra jiġu inklużi fil-patrimonju. Huwa wkoll matul l-ewwel sessjoni tal-qorti li kull kowerriet jista' jikkontesta d-dritt ta' xi kowerriet ieħor li jkollu sehem mid-diviżjoni, id-daqs tas-sehem tiegħu jew l-inklużjoni ta' xi assi fil-patrimonju.

Fi proċedimenti dwar id-diviżjoni, il-qorti tisma' tilwim rigward l-oriġini, l-adozzjonijiet, it-testmenti, l-awtentiċità ta' evidenza bil-miktub jew ir-rikorsi biex jitnaqqas l-ammont ta' dispożizzjonijiet testimentarji jew ta' rigali.

L-ewwel stadju jintemm b'deċiżjoni dwar l-ammissibilità tad-diviżjoni. Il-qorti tiddetermina liema assi jiġu diviżi fost liema persuni u s-sehem ta' kull kowerriet. Meta jiġi deċiż li diviżjoni ta' proprjetà immobbli tkun ammissibbli, il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar liema kodiviżur għandu jeħodha.

Fl-istess deċiżjoni, jew f'xi deċiżjoni warajha, jekk werriet wieħed jew aktar ma jużawx il-patrimonju skont id-drittijiet ta' suċċessjoni tagħhom, il-qorti tista', wara talba minn werriet, tiddeċiedi liema werrieta għandhom jużaw liema assi, sakemm titlesta d-diviżjoni, jew liema ammonti għandhom iħallsu l-werrieta l-oħra għall-użu.

It-tieni stadju hija d-diviżjoni nfisha. L-ishma jiġu ddefiniti u jiġu allokati assi speċifiċi għas-sjieda esklussiva tal-kodiviżuri individwali. Dan isir billi titfassal dikjarazzjoni ta' diviżjoni u billi tittella' x-xorti. Il-qorti tfassal id-dikjarazzjoni ta' diviżjoni abbażi ta' opinjoni esperta skont l-Att ta' Suċċessjoni. Wara li tkun fasslet l-abbozz ta' dikjarazzjoni ta' diviżjoni, il-qorti tibgħat għall-paritjiet biex tippreżentalhom id-dikjarazzjoni u biex tisma' l-oġġezzjonijiet tagħhom.  Wara dan, il-qorti tfassal u tippromulga d-dikjarazzjoni finali ta' diviżjoni f'sentenza tal-qorti. Wara li s-sentenza dwar id-dikjarazzjoni ta' diviżjoni tidħol fis-seħħ, il-qorti tibgħat għall-partijiet biex itellgħu x-xorti. Il-qorti tista' tiddividi l-assi li jintirtu fost il-kodiviżuri mingħajr ma tittella' x-xorti jekk ikun jidher li l-individwazzjoni tal-ishma, jew li tittella' x-xorti, ma jkunx possibbli jew ikun inkonvenjenti.

Jekk xi ass ikun indiviżibbli u ma jkunx jista' jiġi allokat lil xi sehem, il-qorti tordna li dan jinbiegħ f'irkant pubbliku. Il-partijiet fid-diviżjoni jistgħu jieħdu sehem f'dan l-irkant.

Meta l-ass indiviżibbli jkun akkomodazzjoni li kienet il-proprjeta ta' komunità matrimonjali li tkun inħallet mal-mewt ta' konjuġi jew ma' divorzju u l-konjuġi li jifdal, jew l-ekskonjuġi, li jkollu d-drittijiet tal-ġenitur fuq ulied imwielda fiż-żwieġ ma jkollux akkomodazzjoni tiegħu, il-qorti tista', fuq talba ta' dak il-konjuġi, tuża l-akkomodazzjoni bħala sehem, u tissodisfa l-ishma tal-kodiviżuri l-oħra bi proprjetajiet oħra jew inkella bi flus kontanti.

Meta l-ass indiviżibbli jkun akkomodazzjoni, kull kodiviżur li jkun qed jgħix fiha meta tkun infetħet is-suċċessjoni u li ma jkollu l-ebda akkomodazzjoni oħra jista' japplika biex din tiġi allokata mas-sehem tiegħu, u l-ishma tal-kodiviżuri l-oħra jiġu ssodisfati bi proprjetajiet oħra jew inkella bi flus kontanti. Jekk diversi kodiviżuri jkunu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u jkollhom pretensjoni għall-proprjetà, tingħata preferenza lill-persuna li toffri l-ogħla prezz.

It-talba għall-assenjament tista' tiġi ppreżentata mhux aktar tard mill-ewwel sessjoni tal-qorti wara li tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-ammissibilità tad-distribuzzjoni. L-ass jiġi vvalutat bil-valur attwali tiegħu.

Fil-każ ta' sodisfazzjon bi flus kontanti, il-pagament, flimkien mal-imgħax statutorju, ikollu jsir fi żmien sitt xhur wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta' assenjament tkun daħlet fis-seħħ.

Il-kodiviżur li jkun irċieva l-ass fis-sehem tiegħu isir il-proprjetarju hekk kif isir il-pagament fi flus kontanti, flimkien mal-imgħax statutorju, fi żmien il-perjodu ta' żmien stabbilit. Jekk ma jsirx il-pagament fi ħdan iż-żmien stabbilit dan iwassal biex id-deċiżjoni dwar l-assenjament issir nulla u bla effett skont il-liġi u l-ass jinħareġ għall-bejgħ f'irkant pubbliku. L-ass jista' jiġi allokat lil kodiviżur ieħor li jkun jissodisfa r-rekwiżiti u li jkun applika għal allokazzjoni fi ħdan iż-żmien stabbilit, mingħajr ma jiġi offrut għall-bejgħ f'irkant pubbiku, sakemm il-kodiviżur l-ieħor iħallas immedjatament il-prezz ta' valutazzjoni, mnaqqas minnu l-valur tas-sehem tiegħu fih. Il-proċedimenti jiġu diviżi fost il-kodiviżuri l-oħra fuq bażi pro rata.

Il-proċedimenti ta' diviżjoni ġudizzjarja jistgħu jiġu terminati u l-patrimonja jinħall permezz ta' arranġament li jilħqu bejniethom il-partijiet, u approvat mill-qorti.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Persuna ssir werrieta jew legatarja mal-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni. Qabel ma s-suċċessjoni tiġi aċċettata, il-persuna intitolata li tiret l-assi tista' tamministra l-patrimonju u tressaq azzjonijiet possessorji għall-preżervazzjoni tiegħu.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Bl-akkwist tas-sehem relevanti (sehem indiviż) tal-patrimonja tal-mejjet, kull werriet jew legatur jakkwista sehem nozzjonali tal-assi u d-djun tat-testatur, inkużi fil-patrimonju.

Il-werrieta li jaċċettaw is-suċċessjoni huma responsabbli għad-djun fuq il-patrimonju, skont id-daqs tal-ishma tagħhom.

Werriet li jkun aċċetta s-suċċessjoni abbażi ta' deskrizzjoni dettaljata jkun responsabbli biss għall-ammont mill-patrimonju li huwa jkun irċieva.

L-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni abbażi ta' deskrizzjoni dettaljata trid tiġi ddikjarata bil-miktub quddiem il-ġudikant tad-distrett fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-werriet ikun sar jaf bil-ftuħ tas-suċċessjoni. Il-ġudikant tad-distrett jista' jtawwal l-iskadenza sa massimu ta' tliet xhur. L-aċċettazzjoni tiddaħħal f'reġistru speċjali tal-qorti.

Persuni li jkunu legalment mhux kapaċi, il-gvern u organizzazzjonijiet mhux governattivi jaċċettaw is-suċċessjoni biss abbażi ta' deskrizzjoni dettaljata.

F'każ li werriet wieħed jaċċetta s-suċċessjoni abbażi ta' deskrizzjoni dettaljata, il-werrieta l-oħra jistgħu jibbenefikaw minnha, mingħajr ħsara għad-dritt tagħhom li jaċċettaw jew li jċedu s-suċċessjoni.

Id-deskrizzjoni dettaljata titfassal skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

It-traskrizzjonijiet ta' testmenti ppubbikati li jkunu jirrigwardjaw proprjetà immobbli u drittijiiet ta' proprjetà immobbli jridu jkunu reġistrati. Fil-każ ta' testmenti universali, l-eżistenza ta' proprjetà immobbli fid-distrett relevanti tal-qorti tiġi ċċertifikata permezz ta' dikjarazzjoni li jkollha l-firma notarizzata tal-benefiċjarju u li tkun tidentifika l-proprjetajiet immobbli li tagħhom ikun konxju l-benefiċjarju fid-distrett relevanti tal-qorti. Id-dikjarazzjoni tiġi ppreżentata mat-testment lill-ġudikant ta' reġistrazzjoni fid-distrett fejn tkun tinsab il-proprjetà.

Il-ġudikant ta' reġistrazzjoni jagħti struzzjonijiet lill-uffiċċju ta' reġistrazzjoni fil-lokalità fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli biex jirreġistraha, billi l-atti soġġetti għar-reġistrazzjoni jitqiegħdu f'reġistri li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.

Żewġ kopji insinwati tat-testmenti li jirrigwardjaw proprjetà immobbli u drittijiet tal-proprjetà immobbli jiġu mehmuża mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta' amministratur mhix obbligatorja. It-testatur jista' jassenja persuna waħda jew aktar li tkun legalment kapaċi biex taġixxi bħala amministratur.

Fuq talba ta' xi parti interessata, il-ġudikant tad-distrett tal-post fejn tinfetaħ is-suċċessjoni jista' jistabbilixxi skadenza għaċ-  ċessjonarju sabiex jaċċetta l-ħatra. Jekk il-perjodu ta' żmien jiskadi u ċ-ċessjonarju ma jkunx aċċetta l-ħatra, ċ-ċessjonarju jitqies bħala li ma jkunx aċċetta.

Il-ġudikant tad-distrett jista' jkeċċi l-amministratur jekk dan tal-aħħar ikun negliġenti jew ikun sar inkapaċi, jew jaġixxi b'tali manjiera li tkun inkumpatibbli mal-fiduċja li tkun ingħatatlu mill-amministratur.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta' qabel.

F'każ li l-mejjet ikun miet bla testment jew ma jkunx ħatar amministratur għat-testment tiegħu, kull persuna intitolata li tiret tista' tamministra l-proprjetajiet u tressaq pretensjonijiet possessorji għall-preservazzjoni tagħhom, sakemm ikun hemm l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministratur għandu jfassal deskrizzjoni dettaljata tal-assi, u jistieden lill-werrieta u lil-legatarji li jattendu.

L-amministratur jieħu f'idejh il-pussess tal-patrimonju u jamministrah sakemm dan ikun neċessarju biex iseħħu d-dispożizzjonijiet testimentarji.

L-amministratur ma għandux il-poter li jaljena xi assi sakemm dan ma jkunx meħtieġ u permess mill-ġudikant tad-distrett, li jieħu deċiżjoni wara li jkun sema' lill-werrieta.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Jekk it-testatur ikun ħalla warajh testment miktub bl-idejn, in-nutar jippubblika t-testment, u jiddeskrivi l-kundizzjoni tat-testment u jagħmel nota dwar il-ftuħ tiegħu.

Il-werrieta bil-liġi huma lleġġitimizzati b'ċertifikat ta' suċċessjoni maħruġ mis-sindku tal-muniċipalità tal-aħħar indirizz permanenti tal-mejjet. Iċ-ċertifikati tas-suċċessjoni jinħarġu biss f'relazzjoni għall-persuni li kienu suġġetti għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-popolazzjoni fid-data tal-mewt tagħhom u li għalihom ikun tfassal ċertifikat tal-mewt.

Iċ-ċertifikat jinħareġ skont l-Artikolu 24(2) tal-Att ta' Reġistrazzjoni Ċivili u tal-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-ħruġ ta' ċertifikati abbażi tar-reġistru tal-popolazzjoni. Iċ-ċertifikat jinħareġ għall-werriet bil-liġi, ir-rappreżentanti legali tiegħu jew partijiet terzi, sakemm dawn tal-aħħar ikollhom bżonu biex jeżerċitaw poteri leġittimi jew ikunu awtorizzati espressement minn prokura notarizzata.

Id-dokumenti li ġejjin huma meħtieġa biex ikun jista' jinħareġ iċ-ċertifikat:

–          applikazzjoni bl-użu tal-formola taċ-ċentru ta' informazzjoni tar-reġistru ċivili (GRAO), li tispeċifika d-dettalji tal-werrieta tal-mejjet, li trid tiġi ppreżentata minn werriet jew persuna awtorizzata minn werriet;

–          kopja taċ-ċertifikat tal-mewt (jekk ikun inħareġ min muniċipalità oħra);

–          id-dokument ta' identità tal-applikant;

–          prokura notarizzata jekk l-applikazzjoni tkun ippreżentata minn rappreżentant awtorizzat.

L-aħħar aġġornament: 11/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.