Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Meta jsir testment hemm rekwiżiti formali speċifiċi li jridu jiġu osservati. It-tipi ta' testment li huma rikonoxxuti skont il-liġi Awstrijaka jinkludu:

  • testment pubbliku mfassal minn nutar jew qorti,
  • testment olografiku, li t-testatur irid jikteb kompletament b'idejh u jiffirmah,
  • testment miktub (miktub bl-idejn jew ittajpjat minn xi ħadd li mhux it-testatur), li jrid jitfassal fil-preżenza ta' tliet xhieda.

Kuntratt ta' wirt (l-Artikoli 1249 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch – ABGB)) jista' jiġi konkluż biss minn koppji miżżewġin jew għarajjes li eventwalment jiżżewġu u jrid jieħu l-forma ta' att notarili (skont l-Artikolu 1(1a) tal-Liġi dwar l-Atti Notarili (Notariatsaktsgesetz)); hija meħtieġa l-preżenza ta' żewġ xhieda jew ta' nutar ieħor. Kuntratt ta' wirt, li jrid jissodisfa r-rekwiżiti ta' validità għad-dispożizzjonijiet testamentarji causa mortis, ma jistax jiddisponi minn iktar minn tliet kwarti tal-patrimonju. F'dan il-kuntest, sħab irreġistrati għandhom l-istess drittijiet bħall-miżżewġin u l-għarajjes (l-Artikolu 1217 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Testment unica charta jista' jsir biss minn miżżewġin jew sħab irreġistrati (l-Artikoli 583 u 1248 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak). Nota: L-istituzzjoni tas-"sħubija rreġistrata" hija miftuħa biss għal persuni tal-istess sess.

Donationes causa mortis [għotjiet ta' proprjetà personali mingħand xi ħadd li jistenna li jmut fil-futur qrib, li jieħdu effett biss wara l-mewt tad-donatur] huma regolati mill-Artikolu 956 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak. Dawn jistgħu jingħataw b'legat jew b'kuntratt, li jieħu l-forma ta' att notarili.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Testmenti, kuntratti tal-wirt u kwalunkwe kuntratt li jirrinunzjaw għad-dritt għall-wirt ta' sehem riżervat/ġuridiku jista' jkun irreġistrat fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti Awstrijak (l-Artikolu 140b tal-Kodiċi Notarili Awstrijak (Notariatsordnung), sakemm dawn ikunu ġew iddepożitati ma' nutar, qorti jew avukat. Dan id-direttorju elettroniku huwa ġestit mill-Kamra tan-Nutara tad-Dritt Ċivili Awstrijaka (Österreichische Notariatskammer) u huwa l-uniku reġistru tat-testmenti li huwa rregolat bil-liġi. Il-qrati u n-nutara huma meħtieġa jirrapportaw l-eżistenza ta' kwalunkwe dokument tali lir-reġistru (l-Artikolu 140c(2) tal-Kodiċi Notarili Awstrijak). Il-fini tar-reġistrazzjoni hija li jkun iktar faċli biex jinstabu dawn id-dokumenti waqt proċedimenti ta' suċċessjoni.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Is-sehem riżervat (li jirrestrinġi l-grad ta' libertà testamentarja) jammonta għal nofs is-sehem ġuridiku dovut lit-tfal tal-persuna deċeduta u, jekk ma jkunx hemm tfal, għal terz tas-sehem ġuridiku dovut lill-axxendenti. Is-sehem riżervat għall-miżżewġin jew sħab irreġistrati superstiti huwa nofs is-sehem ġuridiku tagħhom. Jekk werriet obbligatorju qatt ma kellu relazzjoni familjari mill-qrib mal-persuna deċeduta, is-sehem riżervat jista' jitnaqqas.

Il-benefiċjarji tas-sehem riżervat huma intitolati jirrifjutaw is-sehem riżervat qabel mal-wirt ikun dovut billi jidħlu fi ftehim kuntrattwali (att notarili) mat-testatur futur.

Is-sehem riżervat huwa pretensjoni monetarja fuq sehem proporzjonali tal-valur tal-patrimonju.

Id-dritt għal sehem riżervat irid jiġi asserit fil-qorti fi żmien tliet snin (l-Artikolu 1487 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak). Il-perjodu ta' limitazzjoni jibda malli tiġi prodotta r-reġistrazzjoni tal-aċċettazzjoni b'konformità mal-Artikolu 152 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi (Außerstreitgesetz – AußStrG).

Is-sehem riżervat jista' jkun irrinunzjat waqt li t-testatur ikun għadu ħaj. Din ir-rinunzja trid tieħu l-forma ta' att notarili jew reġistrazzjoni uffiċjali tal-qorti (l-Artikolu 551 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk il-persuna deċeduta ma kinitx miżżewġa u ma kellhiex tfal, il-ġenituri tal-persuna deċeduta jirtu sehem indaqs kull wieħed. Jekk il-ġenituri tal-persuna deċeduta jkunu mietu qabilha, ikunu l-aħwa li jirtu minflok.

Jekk il-persuna deċeduta ma kinitx miżżewġa imma kellha t-tfal, it-tfal jirtu sehem indaqs kull wieħed.

Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi imma ma jkollhiex tfal, il-konjuġi superstiti jsir l-uniku werriet jekk ma jkunx hemm ġenituri, aħwa jew tfal ta' tfal ħajjin.

Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi u tfal, il-konjuġi jirċievi terz mill-patrimonju u l-bqija jinqasam b'mod ugwali bejn it-tfal.

Ir-regoli tal-wirt għas-sħab irreġistrati huma l-istess bħal għall-miżżewġin. Sieħeb mhux irreġistrat (koabitant) jiret biss mill-patrimonju jekk ikun hemm dispożizzjoni testamentarja għal dak l-effett. Madankollu, il-koabitant superstiti huwa mħares mil-liġi Awstrijaka dwar l-abitazzjoni u l-Liġi Awstrijaka dwar il-Koproprjetà tal-Appartamenti (Wohnungseigentumsgesetz). Jekk il-persuna deċeduta u l-persuna li tgħix magħha jkunu koproprjetarji ta' appartament (sjieda kooperattiva ta' appartament), sehem il-persuna deċeduta jgħaddi għand il-koproprjetarju superstiti.

Jekk il-persuna deċeduta ma tħallix warajha konjuġi jew tfal, id-dritt tal-wirt jingħata lill-ġenituri tal-persuna deċeduta u t-tfal tagħhom (ħut il-persuna deċeduta) (l-Artikolu 735 u 736 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Jekk il-persuna deċeduta tħalli tfal warajha imma ma tħallix konjuġi, it-tfal tagħha jirtu sehem indaqs kull wieħed (l-Artikolu 732 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi u tfal, il-konjuġi jiret terz mill-patrimonju flimkien mal-legat preferenzjali konċess mil-liġi li jintitolah għall-oġġetti tad-dar. Żewġ terzi tal-patrimonju jinqasam b'mod ugwali bejn it-tfal tal-persuna deċeduta (l-Artikolu 757 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Sħab irreġistrati għandhom l-istess drittijiet bħall-miżżewġin (l-Artikolu 537a tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak). Nota: L-istituzzjoni tas-"sħubija rreġistrata" hija miftuħa biss għal persuni tal-istess sess.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Il-Qorti Distrettwali (Bezirksgericht); il-kummissarju tal-qorti (nutar) huwa organu tal-qorti

L-awtorità li għandha ġuriżdizzjoni fis-suġġett u ż-żona ġeografika hija l-qorti distrettwali fejn kienet l-aħħar residenza legali tal-persuna deċeduta (l-aħħar abitazzjoni, post tar-residenza abitwali) (l-Artikolu 105 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-Ġuriżdizzjoni tal-Qrati (Jurisdiktionsnorm – JN) u l-Artikoli 65 u 66 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-Ġuriżdizzjoni tal-Qrati). Għall-finijiet tat-twettiq tal-proċess, il-qorti distrettwali tuża s-servizzi ta' nutar li jaġixxi fil-kapaċità ta' kummissarju tal-qrati (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Kummissarju tal-Qrati (Gerichtskommissärsgesetz, GKG).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-Qorti Distrettwali; il-kummissarju tal-qorti (nutar) huwa organu tal-qorti

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Il-Qorti Distrettwali; il-kummissarju tal-qorti (nutar) huwa organu tal-qorti

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-Qorti Distrettwali; il-kummissarju tal-qorti (nutar) huwa organu tal-qorti

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-proċess tal-wirt (jew "il-proċedimenti tas-suċċessjoni" (Verlassenschaftsverfahren)) jibda mill-qorti distrettwali ladarba jitħabbar li l-wirt ikun sar dovut. Il-qorti distrettwali kompetenti hija dik tad-distrett fejn il-persuna deċeduta kellha l-aħħar post ta' abitazzjoni jew il-post tar-residenza abitwali tagħha. Il-proċedimenti jiġu ttrattati minn nutar fil-kapaċità tiegħu ta' kummissarju tal-qorti u jintemmu b'inġunzjoni.

Il-proċedimenti tas-suċċessjoni jridu jinfetħu uffiċjalment malli l-qorti ssir taf b'mewta (l-Artikolu 143(1) tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi (Außerstreitgesetz, AußStrG)).

Il-kummissarju tal-qorti jidentifika l-werrieta bħala parti mill-proċedimenti ġudizzjarji tas-suċċessjoni (l-Artikolu 797 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Il-kummissarju tal-qorti (l-Artikolu 1(2), subparagrafu 2b u l-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-Kummissarji tal-Qorti) ifassal inventarju tal-patrimonju jekk tiġi ppreżentata aċċettazzjoni tal-wirt bil-kundizzjoni tal-benefiċċju tal-inventarju [li tillimita r-responsabilità tal-werriet għall-valur tal-assi li jirċievu mill-patrimonju]; jekk ikun hemm persuni li jkunu intitolati għal sehem riżervat; jekk ikun hemm persuni taħt l-età jew li jistgħu jkunu jeħtieġu rappreżentanza legali għal raġunijiet oħra; jekk tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni biex il-wirt ikun segregat mill-assi tal-werriet; jekk ikun irid jiġi kkunsidrat il-wirt minn werriet sussegwenti jew jekk jiġi stabbilit fond testamentarju privat; jekk ikun hemm il-possibilità li l-wirt imur għand l-istat minħabba n-nuqqas ta' werrieta; jew jekk issir talba għalih minn persuna awtorizzata jew mill-kuratur tal-patrimonju (l-Artikolu 165 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Ħadd ma jista' jieħu l-pussess tal-wirt minn jeddu. Minflok, trid tingħata uffiċjalment biex tkun legalment fil-pussess tal-werriet, proċess magħruf bħala "d-devoluzzjoni tal-proprjetà" ("Einantwortung") b'ordni tal-qorti tas-suċċessjoni (Abhandlungsgericht) (l-Artikolu 797 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak u l-Artikolu 177 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi). Il-proprjetà tista' tiġi devoluta biss ladarba jitlestew il-proċedimenti ġudizzjarji tas-suċċessjoni u tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-wirt mill-persuni rilevanti bħala prova tad-dritt tagħhom li jirtu. Anke fil-każ ta' proprjetà immobbli, is-sjieda tiġi ttrasferita fil-mument tad-devoluzzjoni, jiġifieri qabel ma jiddaħħal l-ewwel sid fir-reġistru tal-artijiet. Madankollu, jekk il-werrieta jonqsu milli jibagħtu applikazzjoni għad-dħul fir-reġistru tal-artijiet fi żmien raġonevoli, il-kummissarju tal-qorti jkollu jibgħat l-applikazzjoni minflokhom.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Il-werrieta huma responsabbli mid-djun tal-persuna deċeduta mill-assi totali tagħhom. Madankollu, jekk isir l-inventarju, ikunu responsabbli biss sal-valur tal-wirt.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Id-dokument li juri t-titolu legali tal-akkwiżizzjoni jrid jiġi ppreżentat lill-qorti tar-reġistru tal-artijiet (Grundbuchsgericht). Il-werrieta jridu jippreżentaw l-ordni tad-devoluzzjoni u l-legatarji jridu jippreżentaw konferma uffiċjali. Barra minn hekk, jista' jkun hemm bżonn li jiġi ppreżentat ċertifikat li juri li l-ebda taxxa mhija dovuta u, skont il-liġi tal-provinċja kkonċernata, permess speċjali maħruġ skont il-leġiżlazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli kif ukoll – meta applikabbli – prova taċ-ċittadinanza tar-riċevitur.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Ma hemmx għalfejn jinħatar amministratur.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Werriet li jkun kapaċi biżżejjed li juri d-dritt tiegħu li jiret mal-aċċettazzjoni tal-wirt, huwa intitolat juża u jamministra l-assi li jkun wiret u jirrappreżenta l-wirt, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-qorti tas-suċċessjoni (Verlassenschaftsgericht); meta dan japplika għal iktar minn parti waħda, il-partijiet kollha jeżerċitaw dan id-dritt konġuntament, sakemm huma ma jaqblux mod ieħor (l-Artikolu 810(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-eżekutur għandu biss rwol sekondarju tul il-proċedimenti tas-suċċessjoni Awstrijaċi. Dan jiddependi minn kif il-qorti tittratta l-proċedimenti tas-suċċessjoni u l-pożizzjoni tal-kummissarju tal-qorti, li jiżgura li x-xewqat tal-persuna deċeduta jiġu implimentati. Skont l-Artikolu 816 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak, il-persuna deċeduta tista' tuża dispożizzjoni testamentarja biex tagħti lil xi ħadd ir-responsabbiltà li jwettaq ix-xewqat finali tagħha. L-ambitu tad-dmirijiet tal-persuna huma ddefiniti mid-dispożizzjoni testamentarja u jistgħu jvarjaw mill-monitoraġġ ta' jekk il-werriet/legatarju jissodisfax ċerti kundizzjonijiet għad-distribuzzjoni korretta tal-patrimonju permezz tal-amministrazzjoni tal-patrimonju.

Jekk ikun hemm proċedimenti orali bħala parti mill-proċess ta' sejħa għall-kredituri tal-patrimonju (l-Artikoli 813 sa 815 tal-Kodiċi Ċivil Ġenerali Awstrijak), il-kummissarju tal-qorti jkollu jħabbar id-data ta' dawn il-proċedimenti kif ukoll isejjaħ lill-eżekutur (l-Artikolu 174 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Il-kummissarju tal-qorti, fuq talba, irid joħroġ konferma uffiċjali lill-benefiċjarji bħala prova tas-setgħa ta' rappreżentanza tagħhom (l-Artikolu 172 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

Ladarba l-werrieta u sehemhom ikunu ddeterminati b'mod definittiv u jkunu tressqu l-provi li r-rekwiżiti l-oħra jkunu ġew issodisfati, il-qorti trid tqassam il-wirt lill-werrieta (l-Artikolu 177 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi: l-ordni ta' devoluzzjoni). Kopja uffiċjali tal-ordni ta' devoluzzjoni b'ċertifikat tas-setgħa hija biżżejjed biex tiżblokka l-fondi miżmuma mill-istituzzjonijiet ta' kreditu (l-Artikolu 179 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

L-aħħar aġġornament: 16/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.