Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

L-Irlanda ta’ fuq

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn il-qrati tal-Irlanda ta' Fuq.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Irlanda ta’ fuq

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja – is-sistemi ġudizzjarji

Ir-Renju Unit għandu tliet ġuriżdizzjonijiet: L-Ingilterra u Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta' Fuq.

Tipi ta' qrati - deskrizzjoni qasira

Il-Qorti Suprema

Fl-2009, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit il-ġdida ħadet il-ġuriżdizzjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-House of Lords. Ħadet ukoll il-funzjonijiet devoluti mill-Kumitat Ġudizzjarju tal-Privy Council (l-ogħla qorti tal-appell f'diversi pajjiżi indipendenti tal-Commonwealth, territorji tar-Renju Unit extra-Ewropej u d-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika).

Il-Qorti Suprema hija l-qorti finali tal-appell fir-Renju Unit kemm għal kawżi ċivili kif ukoll għal dawk kriminali, għalkemm il-kawżi kriminali Skoċċiżi m'għandhomx dritt ta' appell quddiem il-Qorti Suprema. Dawn il-kawżi normalment jingħataw permess iressqu appell quddiem il-Qorti Suprema biss jekk il-kawża tkun tinvolvi punti tal-liġi ta' importanza pubblika.

Il-Qorti tal-Appell

Il-Qorti tal-Appell tisma' l-appelli kriminali mill-Qorti tal-Kuruna u l-appelli ċivili mill-High Court

Il-High Court

Il-High Court tisma' kawżi ċivili, l-appelli mill-kawżi kriminali, u għandha wkoll is-setgħa li tirrevedi l-azzjonijiet ta' individwi jew organizzazzjonijiet biex tiżgura li jkunu mxew skont il-liġi u b'mod ġust. Il-High Court normalment tisma' kawżi li jkollhom valur ogħla minn £30 000. F'ċerti ċirkostanzi, kawża b'valur ta' aktar minn£30 000 tista' titressaq quddiem il-qorti tal-kontea mill-High Court u, bl-istess mod, kawża b'valur ta' inqas minn £30 000 tista' tintbagħat mill-qorti tal-kontea lill-High Court.

Il-High Court għandha tliet taqsimiet, kif ġej:

  • Id-Diviżjoni tal-Familja -
    tisma' kawżi kontenzjużi u kumplessi ta' divorzju, tutela, adozzjoni, vjolenza domestika eċċ. Tisma wkoll l-appelli mill-qrati tal-maġistrati u tal-kontea f'kawżi dwar iż-żwieġ, u l-kwistjonijiet ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali u kwistjonijiet sempliċi tal-probate.
  • Il-Queens Bench Division -
    tisma' kawżi kbar u/jew kumplessi dwar talbiet għal kumpens. Tisma' wkoll numru limitat ta' appelli mill-qrati tal-maġistrati jew il-qrati tal-Kuruna, tirrevedi l-azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet biex tara mxewx b'mod legali, u tisma' l-kawżi tal-libell u l-malafama.
  • Iċ-Chancery Division -
    tisma' kawżi dwar it-trusts, it-testmenti kontestati, kumpanniji li għaddejjin minn stralċ, il-falliment, l-ipoteki, l-organizzazzjoniet ta' karità, id-dħul kontestat (normalment it-taxxa fuq id-dħul) eċċ.

Il-Qorti tal-Kuruna

Il-Qorti tal-Kuruna tisma' d-diversi tipi ta' kawżi li ġejjin:

  • Reati kriminali aktar serji li jridu jiġu deċiżi minn imħallef  uf'bosta każijiet minn ġurija
  • Kundanni fil-qrati tal-maġistrati li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Kuruna għall-għoti ta' sentenza.

Pieni ta' ħabs u multi quddiem il-Qorti tal-Kuruna huma aktar serji minn dawk ta' quddiem il-qorti tal-maġistrati.

Il-Qorti tal-Kontea

Il-qrati tal-kontea jisimgħu il-kawżi ċivili u jitressqu quddiem imħallef jew imħallef tad-distrett. Il-qorti tal-kontea normalment tisma' kawżi b'valur ta' inqas minn £30 000 (jew £45 000 fi kwistjonijiet ta' ekwità). Il-kawżi b'valur ogħla jinstemgħu mill-High Court – ara aktar 'il fuq. It-talbiet kollha li joħorġu minn ftehimiet ta' kreditu regolati jridu jinġiebu quddiem il-qorti tal-kontea, ikun xi jkun il-valur tagħhom.

Eżempji ta' kawżi li tisma' l-qorti tal-kontea:

  • It-tilwim bejn sid il-kera u l-inkwilin: pereżempju, il-pussess (l-iżgumbrament), il-kera mhux imħallsa, it-tiswijiet
  • Tilwim tal-konsumatur: pereżempju, oġġetti jew servizzi difettużi
  • Talbiet minħabba offiżi fuq il-persuna (offiżi minħabba n-negliġenza): pereżempju, inċidenti tat-traffiku, inċidenti minħabba ħofor fil-bankini, aċċidenti fuq il-post tax-xogħol
  • Kawżi tad-divorzju kontumaċi, iżda biss f'ċerti qrati tal-kontea
  • Kawżi dwar diskriminazzjoni minħabba r-razza jew is-sess
  • Problemi ta' dejn: pereżempju, meta l-kreditur irid jitħallas
  • Problemi ta' impjiegi: pereżempju, pagi jew salarji li għadhom iridu jitħallsu jew indenniz fil-perjodu tal-avviż
  • Appelli mill-qorti tal-maġistrati li jinstemgħu minn imħallef (u mill-inqas żewġ imħallfin jekk l-akkużat huwa minorenni)

Kawżi tat-Talbiet Żgħar

Il-kawżi tat-talbiet iż-żgħar jinstemgħu wkoll mill-qorti tal-kontea. Bħala regola ġenerali, talba żgħira tikkonċerna talba b'valur ta' mhux aktar minn £3 000.

Il-Qorti tal-Maġistrati

Il-Qrati tal-Maġistrati jisimgħu kawżi kriminali u xi ftit ċivili. Il-kawżi jinstemgħu minn imħallef tad-distrett (qorti tal-Maġistrati).

  • Il-Kawżi Kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati
    Il-qrati tal-Maġistrati jittrattaw reati kriminali fejn l-akkużat m'għandux dritt għal proċess bil-ġurija. Dawn huma magħrufa bħala reati sommarji. Ir-reati sommarji iġibu magħhom piena massima ta' sitt xhur ħabs u/jew multa sa massimu ta' £5,000.
    Il-qrati tal-Maġistrati jittrattaw ukoll reati fejn l-akkużat jista' jagħżel li l-kawża tiegħu tinstema' minn ġurija iżda jiddeċiedi li l-kawża tieġħu tinstema' mill-qorti tal-Maġistrati. Jekk l-akkużat jagħżel li jidher quddiem ġurija, il-kawża titressaq quddiem il-Qorti tal-Kuruna.
  • Il-Qorti tal-Minorenni
    Il-qorti tal-minorenni tisma' kawżi kontra minorenni li jkunu wettqu reati kriminali, u li għandhom bejn l-10 u s-17 il-sena. Il-qorti tal-minorenni hija parti mill-qorti tal-maġistrati u l-kawżi jinstemgħu minn imħallef tad-distrett (tal-qorti tal-maġistrati) u żewġ imħallfin onorarji b'taħriġ speċjalizzat. Jekk il-minorenni jkun akkużat b'reat serju ħafna, li fil-każ ta' adult huwa punibbli b'piena ta' ħabs ta' 14-il sena jew aktar, il-qorti tal-minorenni tista' tressqu għal proċess quddiem il-Qorti tal-Kuruna.
  • Il-kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati
    Il-qrati tal-maġistrati jittrattaw numru limitat ta’ kawżi ċivili kif ġej:
    • Ċertu dejn ċivili: pereżempju, arretrati tat-taxxa fuq id-dħul, kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, arretrati tal-VAT, ħlas parzjali
    • Liċenzji: pereżempju, l-għoti, it-tiġdid jew il-konfiska tal-liċenzji għall-istabbilimenti tax-xorb u tad-divertiment
    • Ċerti problemi matrimonjali: pereżempju, il-manteniment u t-tkeċċija ta' konjuġi mid-dar matrimonjali
    • Il-benessri tat-tfal: pereżempju, care orders jew ordnijiet ta' superviżjoni mill-awtorità lokali, il-proċedimenti ta' adozzjoni u l-ordnijiet ta' residenza.

Il-Coroners' Court

Tinvestiga ċ-ċirkostanzi ta' mwiet f'daqqa, vjolenti jew mhux naturali.

Il-ġerarkija tal-qrati

Aktar dettalji u dijagramma tal-ġerarkija tal-qrati fl-Irlanda ta' Fuq jistgħu jinsabu fuq is-sit elettroniku tas- Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq.

L-amministrazzjoni tal-Qrati

Ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tal-qrati fil-ġuriżdizzjoni tal-Irlanda ta' Fuq hija f'idejn    Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq.

Dan jinkludi:

  • L-għoti ta' appoġġ amministrattiv lill-qrati u l-ġudikatura tal-Irlanda ta' Fuq
  • L-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati ċivili permezz ta' servizz ċentralizzat ta' eżekuzzjoni pprovdut mill-Uffiċċju tal-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi
  • L-għoti ta' għajnuna amministrattiva lil diversi Tribunali.

Ħoloq relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq

L-aħħar aġġornament: 28/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.