Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Olanda

Din il-paġna tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sistema tal-qrati fin-Netherlands.

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja - is-sistemi ġudizzjarji

L-amministrazzjoni tal-qrati

Il-Kunsill għall-Ġudikatura (Raad voor de rechtspraak) huwa parti mis-sistema ġudizzjarja, iżda ma jamministrax il-ġustizzja minnu nnifsu. Huwa ħa r-responsabbiltà għal għadd ta’ kompiti mill-Ministru għall-Ġustizzja. Dawn il-kompiti huma ta’ natura operattiva u jinkludu l-allokazzjoni tal-baġits, is-superviżjoni tal-ġestjoni finanzjarja, il-politika tal-persunal, l-ICT u l-akkomodazzjoni. Il-Kunsill jappoġġa lill-qrati fit-twettiq tal-kompiti tagħhom f’dawn l-oqsma. Ingħata wkoll il-kompitu li jtejjeb il-kwalità tas-sistema ġudizzjarja u jagħti pariri dwar leġiżlazzjoni ġdida li jkollha implikazzjonijiet għal kif tiġi amministrata l-ġustizzja. Jaġixxi wkoll bħala kelliem għall-ġudikatura fid-dibattitu soċjali u politiku. Il-kompiti tal-Kunsill għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet operattivi (fl-iktar sens wiesa’ tat-terminu), kwistjonijiet baġitarji u l-aspetti kwalitattivi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Għandu rwol kruċjali fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-kontabilità tal-baġit tas-sistema ġudizzjarja. Is-sistema tal-baġit hija bbażata fuq sistema ta’ kejl tal-ammont ta’ xogħol mantenuta mill-Kunsill. Il-Kunsill jinkoraġġixxi u jissorvelja l-iżvilupp tal-proċeduri operattivi fit-tmexxija ta’ kuljum tal-qrati. Il-kompiti speċifiċi tiegħu huma relatati mal-politika tal-persunal, l-akkomodazzjoni, l-ICT u l-affarijiet esterni. Il-Kunsill għandu firxa ta’ setgħat statutorji formali, li jippermettulu jwettaq dawn il-kompiti. Pereżempju, għandu s-setgħa li joħroġ struzzjonijiet ġenerali vinkolanti fir-rigward tal-politika operattiva, għalkemm jippreferi jeżerċita din is-setgħa mill-inqas possibbli.

Il-Kunsill huwa responsabbli għar-reklutaġġ, l-għażla u t-taħriġ ta’ uffiċjali ġudizzjarji u tal-qorti. Iwettaq il-kompiti tiegħu f’dawn l-oqsma f'konsultazzjoni mill-qrib mal-kunsilli tal-qorti (raden van de gerechten). Il-Kunsill għandu vuċi sinifikanti fil-ħatra tal-membri fil-kunsilli tal-qorti.

Il-kompitu tal-Kunsill fir-rigward tal-kwalità tas-sistema ġudizzjarja jinvolvi l-promozzjoni tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi u t-titjib tal-kwalità ġudizzjarja. Fid-dawl tas-sovrapożizzjoni fil-kontenut tas-sentenzi ġudizzjarji, il-Kunsill ma għandux setgħat vinkolanti f’dan il-qasam.

Il-Kunsill għandu wkoll rwol konsultattiv ġenerali. Jagħti parir lill-gvern dwar liġijiet ġodda li għandhom implikazzjonijiet għas-sistema ġudizzjarja. Dan il-proċess iseħħ f’konsultazzjoni kontinwa mal-membri tal-kunsilli tal-qorti.

Għalkemm il-Kunsill għandu setgħat formali għad-dispożizzjoni tiegħu, ir-relazzjoni bejn il-Kunsill u l-qrati ma għandhiex titqies bħala ġerarkika. L-għan ewlieni tal-Kunsill huwa li jappoġġa lill-qrati fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li d-diversi kompiti jsiru kif suppost, il-Kunsill jikkonsulta regolarment mal-presidenti tal-qrati, mad-diretturi tal-operazzjonijiet, mal-kapijiet tas-settur u mal-Bord tar-Rappreżentanti (College van afgevaardigden – korp konsultattiv magħmul minn rappreżentanti mill-qrati).

It-tipi ta’ qrati – deskrizzjoni qasira

Il-qrati distrettwali (rechtbanken)

In-Netherlands huma maqsuma fi 11-il distrett ġudizzjarju (arrondissementen), kull wieħed bil-qorti tiegħu stess. Kull qorti għandha numru ta’ ċentri subdistrettwali (kantonlocaties). Il-qorti distrettwali hija magħmula minn mill-inqas erba’ setturi (sectoren). Dawn dejjem jinkludu s-settur amministrattiv, is-settur ċivili, is-settur kriminali u s-settur subdistrettwali. Kawżi tal-familja u tal-minorenni ta’ spiss jitqiegħdu f’settur separat, kif ġieli jiġri wkoll f’kawżi li jinvolvu lill-barranin. Il-bord tal-qorti (bestuur van het gerecht) huwa liberu li jiddetermina kwistjonijiet bħal dawn.

Is-setturi

Subdistrett

Huwa relattivament sempliċi għaċ-ċittadini ordinarji li l-kawżi tagħhom jinstemgħu fis-settur subdistrettwali. Dan ifisser li għandhom id-dritt li jiddefendu ruħhom u ma għandhomx bżonn avukat biex jirrappreżentahom fil-qorti. F'termini tal-liġi ċivili, l-imħallef subdistrettwali jittratta l-kawżi kollha li jinvolvu kera, kuntratt ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri u impjieg, kif ukoll it-tilwimiet kollha li jinvolvu ammonti sa EUR 25 000.

Fil-liġi kriminali, l-imħallef subdistrettwali jittratta reati minuri biss. Ħafna drabi dawn huma kawżi li fihom il-pulizija jew il-prosekutur pubbliku jkunu pproponew soluzzjoni. Jekk l-akkużat jirrifjuta li jaċċetta proposta bħal din, allura l-kawża tiġi ppreżentata quddiem l-imħallef subdistrettwali. L-imħallef subdistrettwali ġeneralment jagħti sentenza orali immedjatament wara s-sessjoni.

Il-liġi kriminali

L-imħallfin fis-settur kriminali jittrattaw il-kawżi kriminali kollha li ma jiġux quddiem imħallef subdistrettwali. Dawn il-kawżi jistgħu jinstemgħu minn imħallef wieħed jew f’formazzjoni plenarja bi tliet imħallfin. Il-formazzjoni plenarja tittratta kawżi aktar kumplessi u l-kawżi kollha li fihom il-prosekuzzjoni titlob sentenza ta’ aktar minn sena ħabs.

Il-liġi ċivili/liġi tal-familja

Is-settur ċivili jittratta wkoll kawżi mhux speċifikament allokati lill-imħallef subdistrettwali. Ħafna minn dawn huma deċiżi minn imħallef wieħed, iżda hawn ukoll, hemm formazzjonijiet plenarji bi tliet imħallfin biex jittrattaw kawżi aktar kumplessi. Għadd ta’ qrati distrettwali għandhom settur separat għall-kawżi tal-familja u tal-minorenni. Din il-possibbiltà tintuża meta l-għadd ta’ każijiet bħal dawn ikun konsiderevoli.

Il-liġi amministrattiva (bestuursrecht)

Minbarra ftit eċċezzjonijiet biss, it-tilwim amministrattiv jinstema’ mill-qorti distrettwali; f’ħafna każijiet is-smigħ mis-settur tal-liġi amministrattiva huwa preċedut minn proċedura ta’ oġġezzjoni quddiem l-awtoritajiet amministrattivi. Is-soltu dawn il-kawżi jinstemgħu minn imħallef wieħed, iżda hawnhekk ukoll, il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi li taħtar tliet imħallfin f’kawża li tkun kumplessa jew li tinvolvi kwistjonijiet fundamentali. Jekk il-qorti distrettwali inkwistjoni ma jkollhiex settur separat biex jittratta l-kawżi li jinvolvu lill-barranin, kawżi bħal dawn jiġu ttrattati mis-settur tal-liġi amministrattiva jew minn diviżjoni tiegħu. F’kawżi li jinvolvu impjegati taċ-ċivil u kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, l-appell huwa kwistjoni għal tribunal ta’ appelli speċjali – it-Tribunal Ċentrali tal-Appelli (Centrale Raad van Beroep) – u, f’ħafna każijiet oħra, għad-Diviżjoni tal-Ġuriżdizzjoni Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat (Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State).

Il-Qrati tal-Appell (gerechtshoven)

Il-11-il distrett ġudizzjarju huma maqsuma f’erba’ oqsma ta’ ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Appell: The Hague, Amsterdam, Arnhem-Leeuwarden u 's-Hertogenbosch. Fir-rigward tal-liġi kriminali u ċivili, l-imħallfin tal-Qorti tal-Appell jittrattaw biss kawżi li fihom ikun sar appell kontra s-sentenza mogħtija mill-qorti distrettwali. Il-Qorti tal-Appell teżamina mill-ġdid il-fatti tal-kawża u tasal għall-konklużjonijiet tagħha stess. Fil-biċċa l-kbira tal-kawżi, huwa possibbli li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell b’appell fil-kassazzjoni lill-Qorti Suprema tan-Netherlands (Hoge Raad der Nederlanden). Minbarra kawżi kriminali u ċivili, il-Qorti tal-Appell tittratta wkoll l-appelli kollha kontra valutazzjonijiet tat-taxxa.

It-Tribunali Speċjali

It-Tribunal Ċentrali tal-Appelli (Centrale Raad van Beroep) huwa bord tal-appell li huwa prinċipalment attiv f’kawżi li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà soċjali u s-servizz ċivili. F’dawn l-oqsma, huwa l-ogħla awtorità ġudizzjarja. It-Tribunal huwa bbażat f’Utrecht.

It-Tribunal tal-Appelli dwar il-Kummerċ u l-Industrija (College van Beroep voor het bedrijfsleven) huwa qorti amministrattiva speċjali, li tiddeċiedi dwar tilwim fil-qasam tal-liġi amministrattiva soċjoekonomika. Barra minn hekk, dan it-tribunal tal-appelli jiddeċiedi wkoll dwar appelli relatati ma’ liġijiet speċifiċi, bħall-Att dwar il-Kompetizzjoni (Mededingingswet) u l-Att dwar it-Telekomunikazzjonijiet (Telecommunicatiewet). It-Tribunal huwa bbażat f’The Hague.

Il-Qorti Suprema (Hoge Raad)

Il-Qorti Suprema tan-Netherlands, li tinsab f’The Hague, teżamina jekk il-qorti inferjuri applikatx il-liġi kif suppost meta ħadet id-deċiżjoni tagħha. F’dan l-istadju, il-fatti tal-kawża kif stabbiliti mill-qorti inferjuri ma jkunux għadhom soġġetti għal diskussjoni. L-appell fil-kassazzjoni għalhekk jaqdi funzjoni importanti fil-promozzjoni tal-unità tal-liġi.

Il-bażijiet tad-data ġuridiċi

Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web ġenerali dwar il-ġudikatura Netherlandiża.

Il-każistika tinsab f’bażi tad-data tas-sentenzi komuni.

L-aċċess għal dawn il-bażijiet tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Ħolqiet relatati

Il-ġudikatura Netherlandiża

L-aħħar aġġornament: 05/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.