Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Latvjan diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Latvja

Din it-taqsima tagħtik deskrizzjoni ġenerali tas-sistema tal-qrati fil-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja - sistemi ġudizzjarji

Minbarra l-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi tal-gvern, il-Latvja għandha ġudikatura indipendenti, b'sistema ta' qrati bi tliet istanzi. Il-Kostituzzjoni tgħid illi s-setgħa ġuridika qiegħda fil-qrati distrettwali u tal-belt, il-qrati reġjonali, il-Qorti Suprema u l-Qorti Kostituzzjonali u, f'każ ta' gwerra jew stat ta' emerġenza, fil-qrati militari wkoll.

Amministrazzjoni tal-qrati

Skont il-Liġi dwar is-Setgħa Ġudizzjarja, l-awtorità pubblika ewlenija għall-amministrazzjoni tal-qrati hija l-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja:

  1. jista' joħroġ regolamenti interni dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol amministrattiv tal-qrati distrettwali u tal-belt, il-qrati reġjonali u l-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet;
  2. jista' jitlob lill-qrati distrettwali u tal-belt, dawk reġjonali u l-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet biex jagħtuh l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun jista' jaqdi d-dmirijiet assenjati lilu skont il-liġijiet u r-regolamenti;
  3. huwa responsabbli għall-governanza istituzzjonali tal-qrati distrettwali u tal-belt, il-qrati reġjonali u l-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet;
  4. iwettaq spezzjonijiet fil-qrati distrettwali u tal-belt, il-qrati reġjonali u l-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet.

L-Uffiċċju tal-Qrati (Tiesu administrācija) jamministra u jiżgura l-prestazzjoni tax-xogħol amministrattiv tal-qrati distrettwali u tal-belt, il-qrati reġjonali u l-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet. L-Uffiċċju jaqa' taħt l-Awtorità tal-Ministru għall-Ġustizzja, li jaġixxi permezz tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-Qorti Suprema (Augstākā tiesa) mhijiex amministrattivament konnessa mal-qrati distrettwali jew tal-belt jew mal-qrati reġjonali. Il-Prim'Imħallef tal-Qorti Suprema jorganizza x-xogħol tal-Qorti Suprema. Il-Qorti Suprema għandha dipartiment separat għat-twettiq tal-obbligi amministrattivi, l-Amministrazzjoni tal-Qorti Suprema (Augstākās tiesas Administrācija).

Il-Kunsill Ġudizzjarju (Tieslietu padome) huwa korp kolleġjali involut fit-tfassil tal-politika u l-istrateġija tas-sistema tal-qorti u t-titjib fl-organizzazzjoni tax-xogħol tas-sistema tal-qrati.

Tipi ta' qrati: deskrizzjoni fil-qosor u l-ġerarkija

Il-qrati ordinarji: il-qrati tal-ewwel istanza u l-qrati tal-appell

Il-qrati distrettwali u tal-belt (rajonu (pilsētu) tiesas) huma l-qrati tal-ewwel istanza fil-kawżi ċivili, kriminali u amministrattivi. Qorti distrettwali jew tal-belt jista' jkollha taqsimiet strutturali, pereżempju awli tal-qorti li jinsabu f'diversi postijiet fi ħdan il-ġuriżdizzjoni territorjali tad-distrett jew belt rilevanti. Il-qrati tad-distrett jew tal-belt jista' jkollhom uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet. Uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet imexxi r-reġistri tal-artijiet (fejn tiġi rreġistrata l-propjetà immobbli u d-drittijiet assoċjati) u jilqa' talbiet għall-eżekuzzjoni mhux kontestata, ordnijiet għall-irkupru ta' dejn u l-approvazzjoni ta' dikjarazzjonijiet tas-subbasta.

Il-qrati reġjonali (apgabaltiesas), bħal l-qrati tal-appell, jisimgħu kawżi ċivili, kriminali u amministrattivi u huma komposti minn bord ta' tliet imħallfin mill-qrati reġjonali. Qorti distrettwali jew tal-belt jista' jkollha taqsimiet strutturali, pereżempju awli tal-qorti li jinsabu f'diversi postijiet fi ħdan il-ġuriżdizzjoni territorjali tad-distrett jew belt rilevanti.

Skont il-Liġi dwar is-setgħa ġudizzjarja, il-qrati militari jistgħu jaħdmu fi stat ta' gwerra jew ta' emerġenza. Skont il-Liġi dwar il-qrati militari, l-ordni sabiex jibdew jitħaddmu l-qrati militari jingħata mill-Ministru tal-Ġustizzja. Jekk jingħata dan l-ordni, jibdew jaħdmu waħda jew iktar qrati militari tal-ewwel istanza u qorti militari tal-appell.

Il-Qorti Suprema

Il-Qorti Suprema (Augstākā tiesa) hija ffurmata minn Senat, li huwa ffurmat minn tliet sezzjonijiet (departamenti) (Kawżi Ċivili, Kawżi Kriminali u Kawżi Amministrattivi) u żewġ awli (palātas) (Kawżi Ċivili u Kawżi Kriminali). Il-Qorti Suprema hija l-qorti tal-appell fuq punt tal-liġi (kasācijas instance), sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Il-Qorti Suprema kellha żewġ awli (Kawżi Ċivili u Kawżi Kriminali) sal-31 ta' Diċembru 2014, iżda mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2006 għandha biss awla waħda għall-kawżi ċivili.

Il-qorti bil-membri kollha (plēnums) hija l-assemblea ġenerali tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Hija tiddeċiedi dwar mistoqsijiet immedjati ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi. Il-qorti bil-membri kollha taħtar ukoll il-membri tat-Tribunal tad-Dixxiplina (Disciplinārtiesa). It-Tribunal tad-Dixxiplina huwa ffurmat minn sitt imħallfin mit-taqsimiet tal-Qorti Suprema. It-Tribunal tad-Dixxiplina jiġi msejjaħ mis-Senat tal-Qorti Suprema biex jirrevedi l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Ġudizzjarju tad-Dixxiplina (Tiesnešu disciplinārkolēģija). Il-mistoqsijiet immedjati ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġudizzjarji jistgħu jinstemgħu, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-liġi, mhux biss mill-qorti sħiħa tal-Qorti Suprema iżda wkoll mill-qorti sħiħa tal-awla rilevanti jew tas-sezzjoni tas-Senat.

Il-Qorti Kostituzzjonali (Satversmes tiesa) hija korp ġudizzjarju indipendenti li jikkunsidra l-kawżi dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet u atti ġuridiċi oħra skont il-ġuriżdizzjoni mogħtija lilha mill-Kostituzzjoni u mil-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali. Hija tisma' wkoll il-kawżi referuti lilha skont il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-Latvja għandha l-bażijiet tad-dejta legali li ġejjin:

  1. Is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li fih informazzjoni dwar is-sistema tal-qorti, il-persuni li jaħdmu fiha (nutara u bailiffs ċertifikati) u ħoloq għal siti elettroniċi oħra marbuta mas-sistema tal-qrati.
  2. Il-Portal Nazzjonali tal-Latvja Latvija.lv

Il-Portal "Latvija.lv" jagħti aċċess għar-riżorsi tal-internet tal-korpi ċentrali u lokali tal-gvern. L-informazzjoni hija maqsuma skont is-suġġett.

It-taqsima tal-portal bl-isem "servizzi elettroniċi" (E-pakalpojumi) tagħti aċċess għas-servizzi elettroniċi ġeneralment mogħtija mill-infrastruttura ċentralizzata dedikata. Din it-taqsima għandha spazju ta' ħidma virtwali fejn l-utenti jistgħu jitolbu u jirċievu servizzi elettroniċi tal-gvern ċentrali u lokali, isegwu l-progress fil-forniment ta' dawk is-servizzi, u jirċievu informazzjoni dwar l-eżitu.

It-taqsima għat-tfittxija tas-servizzi ("Katalgu tas-Servizzi", Pakalpojumu katalogs) hija punt ċentralizzat ta' aċċess għas-servizzi tal-gvern lokali u ċentrali. Il-"Katalgu tas-Servizzi" jista' jintuża biex tinkiseb informazzjoni essenzjali dwar is-servizzi tal-gvern lokali u ċentrali, il-kundizzjonijiet għat-talba u l-għotja ta' dawk is-servizzi, il-kost ta' dawk is-servizzi u deskrizzjoni tagħhom. Id-deskrizzjoni tas-servizzi onlajn fiha ħolqa għar-riżorsi rilevanti (informazzjoni, sit elettroniku, ħolqa diretta jew servizz elettroniku). L-utent jista’ jaċċessa l-informazzjoni minn katalgu, li huwa maqsum f'taqsimiet li jikkorrispondu mas-sitwazzjonijiet tal-ħajja, jew bl-użu tal-funzjonijiet ta’ tiftixa fil-portal. Il-kontenut tal-katalgu ċentralizzat huwa ġestit mill-korpi tal-gvern li jipprovdu dawk is-servizzi.

Il-portal nazzjonali tal-Latvja, Latvija.lv, għandu l-għan li jgħin lir-residenti Latvjani u dawk barranin biex jaċċedu għar-riżorsi tal-internet tal-korpi tal-gvern Latvjan u jservi bħala punt ta' aċċess ċentralizzat għas-servizzi elettroniċi mogħtija minn firxa ta' istituzzjonijiet.

Il-portal jista' jiġi aċċessat mingħajr ħlas.

Ħoloq

Il-portal tal-Qrati Nazzjonali, Il-Qorti Suprema, Il-Qorti Kostituzzjonali, L-Uffiċċju tal-Qrati, Il-Ministeru tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 27/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.