Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Estonja

Din it-taqsima tipprovdik b'ħarsa ġenerali tas-sistema tal-qorti fl-Estonja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Organizzazzjoni tal-ġustizzja – sistemi ġudizzjarji

Il-Kostituzzjoni Estonjana tirrikjedi li l-ġustizzja tiġi amministrata mill-qrati biss. Il-qrati jridu jamministraw il-ġustizzja skont il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn. Skont il-Kostituzzjoni, is-sistema tal-qrati Estonjana għandha kompetenza esklużiva biex tamministra l-ġustizzja. Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha, qorti hija separata kemm mill-isfera eżekuttiva kif ukoll minn dik leġiżlattiva.

Amministrazzjoni tal-qrati

Il-Qrati tal-ewwel istanza u tat-tieni istanza huma amministrati mill-Ministeru tal-Ġustizzja flimkien mal-Kunsill għall-amministrazzjoni tal-Qrati. Il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Qrati huwa bord konsultattiv imwaqqaf sabiex imexxi s-sistema tal-qrati u x-xogħol tiegħu huwa dirett mill-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema. Il-qrati tal-ewwel istanza u tat-tieni istanza huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat, permezz tal-baġit tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Qorti Suprema hi indipendentement responsabbli għall-amministrazzjoni tagħha stess u għandha l-baġit tagħha stess.

Il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Qrati huwa magħmul minn:

  • il-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema (li huwa anki l-president tal-Kunsill);
  • ħames imħallfin maħtura għal tliet snin mill-imħallfin kollha li jservu flimkien (en banc);
  • żewġ Membri tal-Parlament Estonjan;
  • avukat maħtur mill-bord tal-Kamra tal-Avukati;
  • il-Kap Prosekutur Pubbliku jew prosekutur pubbliku maħtur minnu;
  • il-Kanċillier tal-Ġustizzja jew rappreżentant maħtur minnu;
  • il-Ministru għall-Ġustizzja, jew rappreżentant maħtur minnu, li jipparteċipa fis-sessjonijiet tal-Kunsill u għandu d-dritt li jitkellem.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Qrati hawnhekk.

Ġerarkija tal-qrati

Is-sistema tal-qrati tal-Estonja tikkonsisti fi tliet livelli:

  • Il-qrati tal-kontejl-qrati amministrattivi huma qrati tal-ewwel istanza.
  • Il-qrati distrettwali (qrati tal-appell) huma qrati tat-tieni istanza.
  • Il-Qorti Suprema hija l-qorti tal-appell finali (kassazzjoni).

Bħala qrati ġenerali, il-qrati tal-kontej jisimgħu kawżi ċivili, kriminali u dwar reati minuri. Bħala qrati tal-ewwel istanza, il-qrati amministrattivi jisimgħu dawk il-każijiet amministrattivi li huma mqiegħda taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom bil-liġi. Il-qrati distrettwali huma qrati tat-tieni istanza li jwettqu skrutinju tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-pajjiż u amministrattivi f'każ ta' appell. Il-Qorti Suprema hi l-ogħla qorti u tisma’ l-appelli fil-kassazzjoni ppreżentati kontra sentenzi tal-qrati distrettwali. Il-Qorti Suprema hija anki l-qorti tar-reviżjoni kostituzzjonali.

Bażijiet tad-dejta ġuridiċi

Tista’ ssib informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġuridika Estonjana fis-sit tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Tista’ ssib ukoll ħarsa ġenerali tas-sistema tal-qrati fl-Estonja fis-sit tal-qrati.

L-aċċess għal din il-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sistema ġuridika u tal-qrati Estonjana huwa mingħajr ħlas.

L-aħħar aġġornament: 06/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.