Izvorna jezična inačica ove stranice nizozemski nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Din it-taqsima tagħtik deskrizzjoni ġenerali tas-sistema tal-qrati fl-Olanda.

Službeni prijevod nije dostupan u jezičnoj verziji koju tražite.
Ovdje možete pristupiti strojnom prijevodu ovog sadržaja. Imajte na umu da je svrha tog prijevoda samo pružiti kontekst. Vlasnik ove stranice ne prihvaća nikakvu odgovornost ni obvezu u pogledu kvalitete strojno prevedenog teksta.

Organizzazzjoni tal-ġustizzja – sistemi ġudizzjarji

Amministrazzjoni tal-qrati

Il-Kunsill għall-Ġudikatura huwa parti mis-sistema ġudizzjarja, iżda ma jamministrax il-ġustizzja huwa stess. Huwa ħa f’idejh ir-responsabbiltà għal numru ta’ kompiti mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja. Dawn il-kompiti għandhom natura operattiva u jinkludu l-allokazzjoni tal-baġits, is-sorveljanza tal-ġestjoni finanzjarja, il-politika dwar il-persunal, it-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni u tal-Informatika (ICT) u l-akkomodazzjoni. Il-Kunsill jappoġġja lill-qrati fit-twettiq tal-kompiti tagħhom f’dawn l-oqsma. Ingħata wkoll il-kompiti li jippromwovi l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja u li jagħti pariri dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida, li għandhom implikazzjonijiet għall-mod kif tiġi amministrata l-ġustizzja. Il-Kunsill jagħmilha wkoll ta’ portavuċi għall-ġudikatura fid-dibattiti pubbliċi u politiċi.

Il-kompiti tal-Kunsill għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet operattivi (fl-iktar sens wiesa’ tat-terminu), ma’ kwistjonijiet ta’ baġit u mal-aspetti kwalitattivi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-Kunsill għandu rwol ċentrali f’termini ta’ preparazzjoni, implimentazzjoni u ġustifikazzjoni tal-baġit tas-sistema ġudizzjarja. Is-sistema tal-baġit hija bbażata fuq sistema ta’ kejl tal-ammont ta’ xogħol li tinżamm aġġornata mill-Kunsill. Il-Kunsill jinkoraġġixxi u jissorvelja l-iżvilupp tal-proċeduri operattivi fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-qrati. Il-kompiti speċifiċi inkwistjoni huma l-politika dwar il-persunal, l-akkomodazzjoni, l-ICT u l-affarijiet esterni. Il-Kunsill għandu firxa ta’ setgħat statutorji formali, li jagħtuh il-possibbiltà li jwettaq dawn il-kompiti. Pereżempju, il-Kunsill ingħata s-setgħa li joħroġ struzzjonijiet ġenerali vinkolanti rigward il-politika operattiva, għalkemm jippreferi jeżerċita din is-setgħa l-inqas possibbli.

Il-Kunsill huwa responsabbli mir-reklutaġġ, mis-selezzjoni u mit-taħriġ tal-uffiċjali ġudizzjarji u tal-qrati. Huwa jwettaq il-kompiti tiegħu f’dawn l-oqsma f’konsultazzjoni mill-qrib mal-kunsilli tal-qrati. Il-Kunsill għandu influwenza kbira meta jinħatru l-membri tal-kunsill tal-qrati.

Il-kompitu tal-Kunsill rigward il-kwalità tas-sistema ġudizzjarja jinvolvi l-promozzjoni ta’ applikazzjoni uniformi tal-liġi u t-titjib tal-kwalità ġudizzjarja. Minħabba t-trikkib fil-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-Kunsill m’għandu l-ebda setgħa mandatorja f’dan il-qasam.

Il-Kunsill għandu wkoll kompitu ġenerali ta’ konsulenza. Huwa jagħti pariri lill-gvern dwar liġijiet ġodda li jkollhom implikazzjonijiet għas-sistema ġudizzjarja. Dan il-proċess iseħħ f’konsultazzjoni kontinwa mal-membri tal-kunsilli tal-qrati.

Għalkemm il-Kunsill għandu setgħat formali għad-dispożizzjoni tiegħu, ir-relazzjoni bejn il-Kunsill u l-qrati m’għandiex titqies bħala relazzjoni ġerarkika. Il-Kunsill jiffissa għalih innifsu l-mira primarja li jagħti apoġġ lill-qrati fejn għandhom x’jaqsmu l-kompiti tagħhom. Sabiex ikun żgur li d-diversi kompiti jiġu kkompletati b’mod xieraq, il-Kunsill jikkonsulta regolarment lill-presidenti tal-qrati, lid-diretturi tal-operazzjonijiet, lill-kapijiet tas-setturi u lill-Bord tar-Rappreżentanti (entità konsultattiva magħmula minn rappreżentanti tal-qrati).

Tipi ta' qrati – deskrizzjoni fil-qosor

Qrati Distrettwali

Il-Pajjiżi l-Baxxi huma maqsumin fi 11-il distrett, kull wieħed bil-qorti tiegħu. Kull qorti għandha għadd ta’ qrati subdistrettwali. Il-qorti tad-distrett hija magħmula minn massimu ta’ ħames setturi. Dawn dejjem jinkludu s-settur amministrattiv, is-settur ċivili, is-settur kriminali u s-settur subdistrettwali. Il-każijiet tal-familja u tal-minorenni ħafna drabi jitqiegħdu f’settur separat, kif inhu xi drabi l-każ fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-liġi li tikkonċerna l-barranin. Il-bord tal-qorti huwa liberu li jiddetermina kwistjonijiet bħal dawn.

Setturi

Sottodistrett

Huwa relattivament sempliċi għaċ-ċittadini ordinarji biex iressqu l-kawżi biex jinstemgħu quddiem is-settur sottodistrettwali. Dan ifisser li huma jkollhom id-dritt li jargumentaw il-kawżi tagħhom u m’għandux għalfejn ikollhom avukat biex jirrappreżentahom fil-qorti. F’termini ta’ liġi ċivili, l-imħallef sottodistrettwali jittratta l-kawżi kollha li jinvolvu kiri, kuntratt ta’ kiri bil-possibbiltà ta’ xiri (hire purchase) u impjieg, kif ukoll it-tilwim kollu li jinvolvi ammont inqas minn €5,000.

Fil-liġi kriminali, l-imħallef sottodistrettwali jittrattata biss ir-reati minuri. Ta’ spiss, dawn ikunu kawżi fejn il-pulizija jew il-prosekutur pubbliku tkun issuġġeriet li jintlaħaq ftehim. Jekk l-akkużat jirrifjuta li jaċċetta tali proposta, mela l-każ jidher quddiem l-imħallef subdistrettwali. L-imħallef subdistrettwali ġeneralment jagħti sentenza orali immedjatament wara s-sessjoni.

Liġi kriminali

L-imħallfin fis-settur kriminali jittrattaw il-kawżi kriminali kollha li ma jitressqux quddiem imħallef sottodistrettwali. Dawn il-kawżi jistgħu jinstemgħu f’diviżjonijiet b’imħallef wieħed jew f’diviżjonijiet bin-numru sħiħ ta’ mħallfin, jiġifieri tlieta. Id-diviżjoni bin-numru sħiħ ta’ mħallfin tittratta kawżi iktar kumplessi u l-kawżi kollha fejn il-prosekuzzjoni titlob sentenza ta’ iktar minn sena ħabs.

Liġi ċivili / liġi tal-familja

Is-settur ċivili jieħu ħsieb anki l-kawżi li ma jiġux speċifikatament allokati lill-imħallef subdistrettwali. Il-parti l-kbira ta’ dawn jiġu deċiżi minn imħallef wieħed, imma hawnhekk ukoll, hawn diviżjonijiet bin-numru sħiħ ta’ mħallfin, jiġifieri tlieta, biex jittrattaw kawżi iktar kumplessi. Numru ta’ qrati distrettwali għandhom settur separat għall-kawżi dwar il-familja u l-minorenni, meta n-numru ta’ tali kawżi jkun wieħed konsiderevoli.

Liġi amministrattiva

Bi ftit eċċezzjonijiet, it-tilwim amministrattiv jinstema’ mill-qorti distrettwali; f’bosta kawżi, is-seduta mis-settur tal-liġi amministrattiva tkun ippreċeduta minn proċedura ta’ oġġezzjoni taħt l-awspiċi tal-awtoritajiet amministrattivi. Normalment, dawn il-kawżi jinstemgħu fid-diviżjoni tal-imħallef uniku, imma hawnhekk ukoll, il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi li taħtar tlitt imħallfin għaliex kawża tkun kumplessa jew tinvolvi kwistjonijiet fundamentali. Jekk il-qorti distrettwali inkwistjoni ma jkollha l-ebda settur separat biex jieħu ħsieb il-kawżi rregolati mil-liġi dwar il-frustieri, tali kawżi jiġu ttrattati mis-settur tal-liġi amministrattiva jew minn diviżjoni tiegħu. F’kawżi li jinvolvu impjegati taċ-Ċivil u kwistjonjiet ta’ sigurtà soċjali, l-appell jiġi deċiż minn tribunal tal-appelli speċjali – it-Tribunal Ċentrali tal-Appelli – u, fil-parti l-kbira tal-każi l-oħra, mid-Diviżjoni tal-Ġurisdizzjoni Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat.

Qrati tal-Appell

Il-11-distrett huma maqsumin f’erba’ żoni ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Appell: The Hague u Amsterdam, Arnhem-Leeuwarden u 's-Hertogenbosch. Rigward il-liġi kriminali u dik ċivili, l-imħallfin tal-Qorti tal-Appell jitrattaw biss il-kawżi fejn ġie ppreżentat appell mis-sentenza li tkun qatgħet il-qorti distrettwali. Il-Qorti tal-Appell teżamina mill-ġdid il-fatti tal-kawża u tasal għall-konklużjonijiet tagħha. Fil-parti l-kbira tal-kawżi, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tista’ tiġi kkontestata b’appell fil-kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Olanda. Minbarra l-kawżi kriminali u ċivili, il-Qorti tal-Appell tittratta wkoll l-appelli kollha rigward stimi tat-taxxi, fil-kapaċità tagħha ta’ qorti amministrattiva.

Tribunali Speċjali

It-Tribunal Ċentrali tal-Appelli huwa bord tal-appell li huwa prinċipalment attiv fl-oqsma legali li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà soċjali u mas-servizz ċivili. F’dawn l-oqsma, huwa l-ogħla awtorità ġudizzjarja. It-Tribunal huwa bbażat f’Utrecht.

It-Tribunal tal-Appelli Kummerċjali u Industrijali huwa qorti amministrattiva speċjali, li jagħti deċiżjonijiet rigward tilwim fil-qasam tal-liġi amministrattiva soċjo-ekonomika. Barra minn hekk, dan it-tribunal tal-appelli jiddeċiedi wkoll dwar l-appelli għal liġijiet speċifiċi, bħall-Att dwar il-Kompetizzjoni u l-Att dwar it-Telekomunikazzjonijiet. It-Tribunal huwa bbażat fl-Aja.

Qorti Suprema

Il-Qorti Suprema tal-Olanda, li tinsab fl-Aja, teżamina jekk qorti inferjuri tkunx applikat il-liġi b’mod xieraq biex tilħaq id-deċiżjoni tagħha. F’dan l-istadju, il-fatti tal-kawża kif ġew stabbiliti mill-qorti inferjuri ma jistgħux jiġu diskussi iktar. L-appell fil-kassazzjoni għalhekk jissodisfa funzjoni importanti billi jippromwovi l-unità tal-liġi.

Bażijiet tad-dejta legali

Tista’ ssib l-informazzjoni li trid fis-sit elettroniku ddedikat għas-Sistema ġudizzjarja fl-Olanda.

Il-ġurisprudenza tinsab f’bażi tad-dejta legali waħda.

L-aċċess għal dawn il-bażijiet tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Links relatati

Rechtspraak

L-aħħar aġġornament: 07/03/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Povratne informacije

Koristite se obrascem u nastavku kako biste podijelili svoje komentare i povratne informacije o našoj novoj internetskoj stranici