Gurisprudenza Internazzjonali

Il-komunità internazzjonali stabbiliet numru ta’ qrati biex isolvu t-tilwim rigward id-dritt internazzjonali. In-natura legali tagħhom tvarja u l-ambitu tal-ġurisdizzjoni u l-effett vinkolanti tal-ġurisprudenza tagħhom jiddependu prinċipalment mill-att kostituttiv rilevanti.

Il-parti l-kbira tal-qrati internazzjonali għandhom sit elettroniku li jipprovdi aċċess għad-deċiżjonijiet u għall-opinjonijiet tagħhom. Iktar ’l isfel, għandek issib lista mhux kompluta ta’ siti elettroniċi bħal dawn:

  • ECHR – il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: il-qorti stabbilita mill-Kunsill tal-Ewropa biex tkun żgurata l-osservanza tad-drittijiet inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-bażi tad-dejta tal-ECHR tinkludi wkoll noti ta’ informazzjoni dwar il-ġurisprudenza.
  • ICJ – il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja: l-organu ġudizzjarju prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), stabbilit bil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-rwol tal-Qorti huwa li ssib soluzzjoni, skont id-dritt internazzjonali, għat-tilwim legali li jitressaq quddiemha mill-Istati u li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi legali rrinvijati quddiemha mill-organi u mil-aġenziji speċjalizzati awtorizzati tan-Nazzjonijiet Uniti.
  • ICC – il-Qorti Kriminali Internazzjonali: qorti indipendenti u permanenti li tiġġudika lill-persuni akkużati bl-iktar delitti serji f’ambitu internazzjonali, prinċipalment il-ġenoċidji, id-dellitti kontra l-umanità u d-delitti fi żmien il-gwerer.
  • ITLOS – it-Tribunal Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar: qorti stabbilita bil-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar tan-Nazzjonijiet Uniti.
  • Qorti tal-EFTA: din il-qorti stabbilita mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) tissodisfa l-funzjoni ġudizzjarja fi ħdan is-sistema tal-EFTA, billi tintepreta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) rigward l-Istati tal-EFTA li huma parti għall-Ftehim. Bħalissa, dawk l-Istati tal-EFTA huma l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Barra minn hekk, hemm diversi bażijiet tad-dejta u sorsi ta’ informazzjoni dwar il-ġurisprudenza internazzjonali. Biex insemmu biss ftit eżempji (din il-lista ma tirrifletti l-ebda għażla f’termini ta’ kwalità jew ta’ kontenut):

  • JURE, bażi tad-dejta maħluqa mill-Kummissjoni Ewropea, li tinkludi l-ġurisprudenza dwar il-ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fi Stat li ma jkunx dak fejn ngħatat is-sentenza. Dan jinkludi l-ġurisprudenza dwar il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti (jiġifieri il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, il-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988) kif ukoll il-ġurisprudenza tal-UE u tal-Istati Membri.
  • L-Istitut Dinji tal-Informazzjoni Legali (faċilità ta’ tiftix legali żviluppata b’kollaborazzjoni bejn diversi istituti ta’ informazzjoni legali u organizzazzjonijiet oħrajn): bażi tad-dejta u links dwar qrati u ġurisprudenza
  • Iċ-Ċentru Lauterpach għad-Dritt Internazzjonali fl-Università ta’ Cambridge.

Il-qrati nazzjonali wkoll japplikaw u jinterpretaw id-dritt internazzjonali u b’hekk id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom ukoll huma rilevanti. Uħud mill-bażijiet tad-dejta tal-ġurisprudenza li ssemmew iktar ’il fuq jinkludu ġurisprudenza stabbilita mill-qrati nazzjonali. Tista’ ssib ukoll informazzjoni rilevanti permezz tal-paġni dwar il-Ġurisprudenza tal-Istat Membru u l-Ġurisprudenza tal-UE.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2021

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.