Qrati tal-UE

Is-sistema tal-qrati tal-Unjoni Ewropea (UE) hija magħmula minn tliet elementi: il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati f’oqsma speċifiċi. Dawn il-qrati tal-UE jiżguraw li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE jkunu osservati.

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (li xi drabi tissejjaħ ukoll il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja), hija l-ogħla awtorità ġudizzjarja tal-UE. Hija tiżgura, f’kooperazzjoni mal-qrati u mat-tribunali tal-Istati Membri, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija komposta minn imħallef wieħed minn kull Stat Membru.
  • Il-Qorti Ġenerali tisma’ l-kawżi fl-ewwel istanza li ma jiġux irrinvijati quddiem il-qrati speċjalizzati jew direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tieħu ħsieb ukoll l-appelli mid-deċiżjonijiet (tal-ewwel istanza) tal-qrati speċjalizzati. Il-Qorti Ġenerali hija komposta minn għall-inqas imħallef wieħed minn kull Stat Membru.
  • Jistgħu jitwaqqfu qrati speċjalizzati għal oqsma speċifiċi. Huma jistgħu jisimgħu u jiddeterminaw kawżi tal-ewwel istanza, bil-possibbiltà ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali.

Il-qrati tal-UE għandhom is-sede tagħhom fil-Lussemburgu u huma istituzzjonijiet multilingwistiċi. Kwalunkwe wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-UE jista’ jkun l-ilsien ta’ kawża tal-qorti. Il-qrati tal-UE huma meħtieġa josservaw il-prinċipju tal-multilingwiżmu, minħabba l-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni mal-partijiet fl-ilsien tal-proċeduri u sabiex ikun żgurat li l-ġurisprudenza tagħhom tkun imxerrda mal-Istati Membri kollha.

Għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE mhijiex l-uniku kompitu tal-qrati tal-UE: il-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri jridu japplikaw ukoll id-dritt tal-UE. Fi kliem ieħor, il-qrati tal-UE u tal-Istati Membri jaħdmu flimkien għal applikazzjoni u għal interpretazzjoni rigorużi u uniformi.

Rigward it-tilwim bejn l-UE u l-impjegati tas-servizz pubbliku tagħha (pereżempju dwar ir-reklutaġġ, il-karriera jew is-sigurtà soċjali tagħhom), inħoloq Tribunal għas-Servizz Pubbliku kompost minn sebat imħallfin.

Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali huma mgħejjuna mill-Avukati Ġenerali, li jagħtu konklużjonijiet imparzjali dwar ċerti kawżi qabel ma' dawn jiġu deċiżi.

Għandha ssir distinzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mhijiex qorti tal-UE, imma nħolqot fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex ikun żgurat ir-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet iggarantiti f’din il-Konvenzjoni. Madankollu, il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jista’ jkollha influwenza importanti fuq id-dritt tal-UE, peress li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-Konvenzjoni Ewropea huma wkoll prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2021

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.