Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: is-Sloven diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Każistika nazzjonali

Slovenja

Din it-taqsima tipprovdilek informazzjoni dwar il-ġurisprudenza tas-Slovenja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovenja

Ġurisprudenza disponibbli onlajn

Preżentazzjoni tad-deċiżjonijiet / Punti ewlenin

It-test sħiħ tas-sentenzi magħżula tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja, tal-erba’ qrati superjuri kollha ta’ kompetenza ġenerali, il-Qorti Superjuri tax-Xogħol u Soċjali u l-Qorti Amministrattiva tar-Repubblika tas-Slovenja huma disponibbli bla ħlas fuq il-websajt tal-ġudikatura Slovena. L-ismijiet tal-partijiet ma jintwerewx peress li s-sentenzi jiġu riveduti qabel ma jiġu ppubblikati. Barra t-test oriġinali u l-kliem ewlieni, ikun hemm ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-bażi legali tad-deċiżjoni kif ukoll sommarju dwar is-sentenza. Il-kliem ewlieni jgħin lill-utent sabiex jidentifika l-kunċetti ġuridiċi applikabbli u l-qasam tal-liġi li għalih tkun relatata s-sentenza. Is-sommarju fih il-punti ewlenin tal-bażi għas-sentenza tal-Qorti f’madwar 10 sa 100 kelma.

Għażla tal-aktar deċiżjonijiet importanti tal-Qorti Suprema huma disponibbli wkoll bl-Ingliż fuq Deċiżjonijiet Ewlenin tal-Qorti Suprema.

Sentenzi relatati ma’ kumpens finanzjarju għal dannu mhux materjali (mhux pekunjarju), li jkun ingħata f’każ ċivili, huma disponibbli wkoll permezz ta’ magna ta' tiftix speċjali li tgħin lill-utent sabiex ifittex ġurisprudenza simili skont it-tip ta’ dannu u d-data.

Hemm verżjoni pilota ġdida tal-magna ta’ tiftix tal-ġurisprudenza aġġornata fuq https://www.sodnapraksa.si/.

Wara t-8 ta’ Frar 2013 din se tkun disponibbli fuq http://www.sodnapraksa.si/.

Id-deċiżjonijiet ippubblikati kollha tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja huma disponibbli fuq il-websajt tagħha. L-opinjonijiet ta’ maġġoranza kif ukoll dawk separati (li ma jaqblux u li jaqblu) jiġu ppreżentati b’mod sħiħ u bla ħlas, flimkien mal-kliem ewlieni, l-informazzjoni dettaljata dwar il-bażi legali tad-deċiżjoni, u sommarju. Deċiżjonijiet importanti magħżula jiġu tradotti bl-Ingliż. Id-deċiżjonijiet kollha ta’ maġġoranza importanti tal-Qorti Kostituzzjonali (apparti l-opinjonijiet separati) huma disponibbli wkoll bis-Sloven fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja.

Eżempju ta’ punti ewlenin

Eżempju 1: Deċiżjoni tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja

(traduzzjoni mit-test Sloven)

Dokument Nru. VS1011121

Numru ta’ referenza: Deċiżjoni I Up 44/2009

Bord: Liġi amministrattiva

Data tas-sessjoni: 12 ta' Marzu 2009

Qasam: LIĠI DWAR IL-VIŻA, L-AŻIL U L-IMMIGRAZZJONI – (Att dwar il-Proċedura Amministrattiva Ġenerali – ZUP)

Kunċetti ġuridiċi: ażil – smigħ – protezzjoni internazzjonali – applikazzjoni ripetuta – persuna minorenni li qed tfittex ażil – kapaċità proċedurali ta’ minorenni

Bażi ġuridika: Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali (ZMZ): l-Artikoli 42, 42/2, 42/3, 56, 119; Att dwar il-Proċedura Amministrattiva Ġenerali (ZUP): l-Artikoli 46, 237, 237/1-3; Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet tal-Familja (ZZZDR): l-Artikoli 107, 108; Att dwar il-Proċedura Ċivili (ZPP): l-Artikolu 409; Att dwar Każijiet Amministrattivi (ZUS-1): l-Artikoli 27, 27/3, 64, 64/1-3, 77.

Sommarju: Tifel jw tifla taħt l-età ta’ 15-il sena ma għandux/għandiex kapaċità ġuridika, għaldaqstant l-awtorità amministrattiva ma kisritx ir-regoli proċedurali meta din ċaħditlu/ċaħditilha l-opportunità li jagħmel dikjarazzjoni dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi li fornew il-bażi għad-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva.

EŻEMPJU 2: Deċiżjoni tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja, Nru. ta’ referenza: U-I-425/06

(disponibbli bl-Ingliż)

Nota: Il-verżjoni bl-Ingliż tad-dokument ippubblikat ġieli tħalli barra ċerta dejta li tingħata fil-verżjoni Slovena, iżda għallinqas dejjem jinżamm is-sommarju tas-sentenza.

Att legali: Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Sħubiji Ċivili bejn Koppji tal-Istess Sess (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja, Nru. 65/05) (ZRIPS), l-Artikolu 22.

Dispożizzjonijiet operattivi: L-Artikolu 22 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Sħubiji Ċivili bejn Koppji tal-Istess Sess (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja, Nru. 65/05) mhuwiex kostituzzjonali. L-Assemblea Nazzjonali trid tirrimedja din l-inkonsistenza fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja.

Sakemm tiġi rimedjata d-dispożizzjoni mhux kostituzzjonali, l-istess regoli jibqgħu japplikaw għall-wirt bejn l-imsieħba fi sħubiji reġistrati bejn persuni tal-istess sess kif japplikaw għall-wirt bejn koppji miżżewġin skont l-Att dwar il-Wirt (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Soċjalista tas-Slovenja, Nri. 15/76 u 23/78 u l-Gazzetta Uffiċjali tar-Republika tas-Slovenja, Nru. 67/01).

Sommarju: Fir-rigward tad-dritt għall-wirt wara l-mewt tas-sieħeb, l-istat tal-imsieħba fi sħubiji reġistrati tal-istess sess (l-Artikolu 22 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Sħubiji bejn Koppji tal-Istess Sess), huwa, fl-aspetti fattwali u legali essenzjali tiegħu, komparabbli mal-istat tal-miżżewġin. Id-differenzi fir-regolament tal-wirt bejn koppji miżżewġin u bejn imsieħba fi sħubiji reġistrati tal-istess sess mhumiex ibbażati fuq ċirkostanzi distinti, oġġettivi u mhux personali, iżda fuq orjentazzjoni sesswali. L-orjentazzjoni sesswali hija waħda miċ-ċirkostanzi personali stabbiliti fl-Artikolu 14(1) tal-Kostituzzjoni. Minħabba l-fatt li ma tista’ tinstab l-ebda raġuni ammissibbli kostituzzjonalment għal dan id-differenzjar, ir-regolament ikkontestat mhuwiex konsistenti mal-Artikolu 14(1) tal-Kostituzzjoni.

Deskritturi: 1.5.51.1.15.1 – Ġustizzja Kostituzzjonali – Deċiżjonijiet – Tipi ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali – Proċeduri ta’ reviżjoni teoretika – Issib li regolament mhuwiex konformi mal-Kostituzzjoni. 1.5.51.1.16 – Ġustizzja Kostituzzjonali – Deċiżjonijiet – Tipi ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali – Proċeduri ta’ reviżjoni teoretika – Talba lil-leġiżlatur sabiex jarmonizza regolament mal-Kostituzzjoni/liġi. 5.2.2.1 – Drittijiet Fundamentali – Ugwaljanza (14.2) – Kriterji ta’ distinzjoni (14.1) - Sess.

Bażi legali: Kostituzzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja (URS): l-Artikoli 14.1, 14.2; Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (EKČP): l-Artikolu 14; Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali (ZustS): l-Artikoli 40.2, 48.

Formati

Il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema u l-qrati ġenerali l-oħra u dawk speċjalizzati hija disponibbli f’format HTML. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Sovenja hija dejjem disponibbli f’format HTML u ġieli wkoll f’format PDF.

Proċedimenti ulterjuri

L-informazzjoni disponibbli dwar sentenzi ma tinkludix jekk każ ikunx għadu pendenti, jekk deċiżjoni tkunx waħda irrevokabbli, u jekk hux se jkun hemm proċedimenti ulterjuri.

Il-websajt tal-Qorti Kostituzzjonali, min-naħa l-oħra, toffri informazzjoni bażika dwar kawżi pendenti, bħan-numri ta’ referenza u d-data ta’ applikazzjoni. Kull ġimgħa titpoġġa wkoll aġenda separata għal kull ġimgħa – li telenka l-każijiet li jkunu se jinstemgħu waqt is-sessjoni plenarja regolari ta’ nhar ta’ Ħamis.

Regoli tal-pubblikazzjoni

Il-qrati jagħżlu l-ġurisdprudenza rilevanti li se tiġi ppubblikata. Il-kriterju ewlieni huwa l-livell ta’ importanza tal-każ għall-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-qrati inferjuri. Is-sentenzi u d-deċiżjonijiet li huma ta’ interess għall-midja ġenerali normalment jiġu ppubblikati flimkien ma’ komunikazzjoni għall-istampa.

Links relatati

Ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali, ġurisprudenza

L-aħħar aġġornament: 05/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.