Filwaqt li l-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) għandha tiġi applikata minn kwalunkwe qorti tal-Istati Membri (irrispettivament minn jekk tkunx qorti nazzjonali, reġjonali jew lokali), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tiżgura li l-interpetazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE jkunu osservati u interpretati bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. B’hekk, il-ġurisprudenza tal-UE tiġi żviluppata prinċipalment mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkonsisti fi tlitt qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali (kostitwita fl-1988) u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (kostitwit fl-2004).
Il-Qorti hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea u, b’kooperazzjoni mal-qrati u mat-tribunali tal-Istati Membri, tiżgura l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Hija istituzzjoni multilingwistika, peress li kull wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun l-ilsien ta’ kawża. Il-Qorti hi obbligata tiżgura li l-ġurisprudenza tagħha tiġi mifruxa fost l-Istati Membri kollha.
Minn mindu ġew stabbiliti, it-tlitt qrati tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għaddew madwar 15 000 sentenza.
Mis-17 ta’ Ġunju 1997, il-ġurisprudenza hija aċċessibbli fl-ilsna uffiċjali kollha tal-UE permezz tas-sit elettroniku tal-qorti. Il-bażi tad-dejta tagħha tinkludi t-test sħiħ tas-sentenzi, tal-opinjonijiet tal-Qorti, tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u tad-digrieti tal-qrati tal-UE. Tista’ tfittex fil-bażi tad-dejta billi tuża n-numru tal-kawża, id-data, isem il-partijiet, kliem ta’ referenza fit-test, eċċ. Barra minn hekk, il-bażi tad-dejta tinkludi sommarji tad-deċiżjonijiet, informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet li għadhom ma ġewx ippubblikati fir-rapporti tal-qrati u avviżi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Bażijiet tad-dejta tal-ġurisprudenza rilevanti oħrajn huma:
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.