Glossarji u traduzzjonijiet

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali fil-qosor lejn glossarji u “teżawri” multilingwi eżistenti fil-livell Ewropew.

“Glossarju” huwa lista alfabetika ta’ termini f’qasam partikolari ta’ għarfien akkumpanjata minn definizzjonijiet ta’ dawn it-termini. Fil-każ ta’ glossarju bilingwi, it-termini f’lingwa waħda huma definiti fit-tieni lingwa jew imsellfa b’sinonimi jew kważi sinonimi f’lingwa oħra. Glossarju jista’ jinftiehem bħala li fih spjegazzjonijiet ta’ kunċetti rilevanti għal ċertu qasam ta’ studju jew azzjoni. Fil-qasam tal-liġi, it-terminu “glossarju” jista’ jirreferi għal żewġ għodod differenti: minn naħa waħda jintuża għal lista ta’ espressjonijiet bit-traduzzjonijiet ipprovduti għal kull pajjiż; min-naħa l-oħra, jintuża wkoll għal lista ta’ definizzjonijiet għat-terminoloġija.

Glossarji

IATE

Il-IATE (Terminoloġija Interattiva għall-Ewropa) hija bażi ta’ data ta’ termini multilingwi li tintuża għat-traduzzjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej.

Din tikkonsisti f’mutur ta’ tfittxija għal espressjonijiet u frażijiet użati fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Dan jenħtieġ għarfien professjonali tal-lingwa mira sabiex din il-bażi tintuża kif suppost. Hija għodda utli ħafna għal tradutturi professjonali filwaqt li mhijiex kompletament adattata għall-pubbliku ġenerali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew il-professjonisti legali. Għalhekk, it-traduzzjonijiet ta’ espressjonijiet u frażijiet jiddaħħlu mit-tradutturi nfishom biex joħolqu referenzi ġodda jew iżidu ma’ dawk eżistenti. Jingħataw suġġerimenti għat-traduzzjonijiet għal bosta mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda mhux għal kollha.

L-aċċess għal din il-bażi ta’ data huwa b’xejn.

Dizzjunarju ta’ sinonimi

Vokabularji tal-UE

Is-sit web tal-Vokabularji tal-UE jagħti aċċess għall-vokabularji ġestiti mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-UE. Dan jinkludi vokabularji kkontrollati, skemi, ontoloġiji, mudelli tad-data, eċċ. Bħala parti mill-inizjattiva ta’ data miftuħa tal-UE, is-sit tal-Vokabularji tal-UE joffri aċċess pubbliku b’xejn għall-kontenut kollu tiegħu.

Dan it-teżawru jeżisti fi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

VOKABOLARJU LEGALI MULTILINGWI KOMPARATTIV (VJM)

VJM hija ġabra ta’ entrati ta’ data terminoloġika multilingwi li jinsabu f’diversi sistemi legali domestiċi (24 lingwa u 30 sistema legali) li jirriżultaw minn ħidma ta’ riċerka komprensiva dwar il-liġi komparattiva magħmula mill-ġuristi-lingwisti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-entrati tad-data terminoloġika tal-VJM għandhom informazzjoni dettaljata ħafna bħal definizzjonijiet (adattati għal kull sistema legali), noti dwar il-liġi komparattiva, referenzi legali (leġiżlazzjoni, każistika u kitba legali akkademika minn sistemi legali nazzjonali, tal-UE u internazzjonali), indikazzjonijiet ċari tal-oriġini ta’ kunċett (bl-istess lingwa u xi kultant differenti skont is-sistema legali), indikazzjoni ċara tal-oriġini ta’ terminu (ekwivalenti jew formulazzjoni funzjonali — ċirkumlokuzzjoni), noti ta’ twissija (ħbieb legali foloz, riskju ta’ konfużjoni, termini skaduti), mapep kunċettwali li jippermettu li jidhru r-relazzjonijiet semantiċi bejn il-kunċetti mad-daqqa t’għajn, eċċ.

Fil-preżent, VJM fiha madwar 1 400 entrata terminoloġika: 250 fil-qasam tal-liġi dwar l-immigrazzjoni (drittijiet ta’ barranin), 450 fil-liġi tal-familja, 420 fil-liġi kriminali (madwar nofs l-entrati fil-liġi kriminali qed jiġu riveduti) u madwar 280 entrata f’oqsma oħra. Ir-reġistri tad-data kollha huma disponibbli permezz tal-bażi tad-data terminoloġika IATE.

Dan il-vokabularju jista’ jintuża minn kulħadd (ċittadini, professjonisti legali, studenti, lingwisti, terminoloġisti, tradutturi) li jixtiequ jifhmu kunċett. Jista’ jkun utli wkoll għal skopijiet ta’ traduzzjoni u ta’ abbozzar.

Aktar tagħrif dwar il-proġett:

Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lit-tim inkarigat mill-proġett fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-aħħar aġġornament: 30/12/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.