Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tradutturi/Interpreti legali

Franza

F’din it‑taqsima inti għandek issib informazzjoni dwar kif issib interpretu għall‑proċeduri tal‑qorti, jew traduttur, fejn applikabbli, permezz tas‑sit elettroniku uffiċjali.

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Kif issib traduttur fi Franza

Is-servizz ta' dokumentazzjoni u analiżi fil- Il-Qorti tal-Kassazzjoni tippubblika dan li ġej fuq is-sit tal-internet tagħha:

  • Lista PDF ta' esperti ċċertifikati mill-Qorti tal-Kassazzjoni. Hemm ukoll ħoloq għal siti tal-internet ta' xi qrati tal-appell. Il-lista ta' esperti ċċertifikati mill-Qorti tal-Kassazzjoni titħejja mill-kumitat tal-ġestjoni (bureau) tal-qorti.
  • Listi tal-esperti tal-qorti mħejjija mill-qrati tal-appell, inklużi l-esperti elenkati taħt l-intestaturi traduzzjoni u interpretazzjoni. Il-listi tal-esperti tal-qorti mħejjija mill-qrati tal-appell huma aġġornati mill-qrati tal-appell u mibgħuta lill-Qorti tal-Kassazzjoni f'intervalli li jvarjaw

Il-Qorti tal-Kassazzjoni, ma għandhiex fil-veru sens tal-kelma, bażi tad-dejta li telenka l-interpreti u t-tradutturi kollha.

Listi li fihom l-ismijiet ta' esperti, id-dettalji ta' kuntatt, id-dati tat-twelid u l-ispeċjalizzazzjoni, huma disponibbli għal 35 qorti tal-appell.

Hemm bżonn tħallas biex tfittex għal traduttur jew interpretu?

Le, l-aċċess għall-websajts mhuwiex ristrett.

Direttorji dwar tradutturi tal-qorti fi Franza

Il-kuntest

L-ewwel listi uffiċjali ta' esperti li jagħtu parir fil-qrati Franċiżi ġew introdotti fil-kawżi kriminali permezz tal- Att tat-30 ta' Novembru 1892.

Kien hemm ukoll listi mhux uffiċjali ta' persuni b'għarfien tekniku li bosta drabi nħatru f'każijiet ċivili.

L-Att (loi) Nru 71-498 tad-29 ta' Ġunju 1971 u d-Digriet (décret) Nru 74-1184 tal-31 ta' Diċembru 1974 introduċew lista unika għal kull waħda mill-qrati tal-appell fis-sistema ordinarja tal-qorti, kemm għall-kawżi ċivili kif ukoll għal dawk kriminali, bl-esperti elenkati skont l-ispeċjalizzazzjoni. Il-lista kellha tiġi aġġornata u emendata kull sena. Ir-reġistrazzjoni kellha tiġġedded kull sena, iżda fil-prattika l-esperti li ma kienx hemm xi kritika serja dwarhom ġew irreġistrati. Lista nazzjonali ta' esperti kienet ukoll introdotta, liema lista titħejja mill-kumitat ta' ġestjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni u timxi mal-istess linji.

Reġistrazzjoni

Ir-reġistrazzjoni fuq il-listi tal-esperti tal-qorti kienet riformata b'mod estensiv bl-Att Nru 2004-130 tal-11 ta' Frar 2004 u d-Digriet Nru 2004-1463 tat-23 ta'Diċembru 2004. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fuq il-listi tal-qrati tal-appell iridu jiġu sottomessi mal-Prokuratur tar-Repubblika (procureur de la République) fil-qorti reġjonali (tribunal de grande instance), li teżaminahom, imbagħad tirreferihom għand il-Prokuratur Ġenerali (procureur général), li jissottomettihom għand l-ewwel president tal-qorti tal-appell.

Dawn il-listi jiġu ffinalizzati waqt il-laqgħa ġenerali tal-imħallfin ġudikanti (assemblée générale des magistrats du siège) tal-qorti tal-appell.

Ir-reġistrazzjoni tal-bidu fuq il-listi tal-qorti tal-appell tkun għal perjodu ta' prova ta' tliet snin, li fi tmiemhom issir valutazzjoni tal-esperjenza tal-persuna u jekk għandhiex l-għarfien legali li hemm bżonn sabiex taqdi dmirha sew, bl-għan li ssir applikazzjoni ġdida u reġistrazzjoni ġdida. Il-fajl tal-applikant jerġa' jiġi kkunsidrat u tingħata opinjoni minn kumitat ta' esperti u mħallfin. Wara dan l-espert jista' jiġi rreġistrat għal perjodu ta' ħames snin.

Id-digriet Nru 2012-1451 tal-24 ta' Diċembru 2012 iċċara l-kriterju għar-reġistrazzjoni. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati skont il-kwalifikazzjonijiet u l-esperjenza professjonali tal-applikant, li seta' kiseb fi Stat Membru tal-UE ħlief għal Franza, u fuq l-interess muri mill-applikant biex jaħdem fis-sistema ġudizzjarja. Jistgħu jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet partikolari tal-qorti.

L-esperti jridu jkunu ilhom irreġistrati fuq il-lista tal-qorti tal-appell għal tliet snin qabel ma jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti fuq il-lista nazzjonali. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid jiġu sottomessi għand il-Prokuratur Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni, li jikkonsulta lill-ewwel president u l-Prokuratur Ġenerali fil-qorti tal-appell fejn l-applikant huwa rreġistrat. Il-kumitat tal-ġestjoni (bureau) tal-Qorti tal-Kassazzjoni mbagħad jiffinalizza l-lista nazzjonali; l-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali ma jintervjenix.

L-intestaturi għal-listi tal-esperti

Ordni(arrêté) tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-10 ta' Ġunju 2005 tistabbilixxi nomenklatura armonizzata tal-intestaturi għal-listi tal-esperti tal-qorti fil-pajjiż. Il-lista hija maqsuma f'fergħat (branches, li huma fergħat tas-setturi ekonomiċi bħall-agrikoltura, is-saħħa jew l-industrija), intestaturi (rubriques, għad-dixxiplini professjonali bħall-mediċina u l-kirurġija), u l-ispeċjalizzazzjonijiet (spécialités, li jorqmu d-dixxiplini professjonali bħall-allergoloġija u l-kirurġija diġestiva, eċċ.). Waħda mill-fergħat hija "L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni" (Interprétariat - traduction), li l-intestatura tagħha tat-traduzzjoni hija maqsuma f'karatteristiċi, skont il-gruppi tal-lingwi (il-lingwi Romanzi, il-lingwi Ġermaniċi, il-lingwi Slavi, eċċ). Il-karatteristi huma definiti biżżejjed biex jinkludu kull lingwa mitkellma jew miktuba.

Għal din in-nomenklatura armonizzata ġdida tal-ispeċjalizzazzjoni tal-esperti, it-tradutturi u l-interpreti għalhekk tħallew fuq listi ġenerali tal-esperti tal-qorti saħansitra bl-intestatura speċifika tagħhom. It-tradutturi u l-interpreti mhux il-kompitu prinċipali tagħhom li jagħtu opinjonijiet esperti fis-sens strett tal-kelma, iżda bħall-esperti tal-qorti l-oħra jassistu l-qrati fuq bażi okkażjonali, u fejn meħtieġ jiġu maħtura bħala speċjalisti tekniċi biex jieħdu sehem fl-inkjesta nnifisha, skont l-Artikolu 232 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, pereżempju billi jagħtu opinjoni professjonali.

Għal dawn ir-raġunijiet, waqt ir-riforma tal-2004, ma kienx ikkunsidrat meħtieġ li jsiru aranġamenti separati għall-interpreti u għat-tradutturi, u biex dawn jiġu rreġistrati fuq listi separati.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2013

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.