Tradutturi/Interpreti legali

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Mill-1 ta’ Lulju 2019, it-traduzzjonijiet iċċertifikati f’Ċipru huma suġġetti għar-regoli stabbiliti fil-Liġi 45(I)/2019 dwar ir-reġistrazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi pprovduti minn tradutturi ġuramentati.

Skont din il-Liġi, kwalunkwe korp privat jew pubbliku li jirrikjedi traduzzjoni ċċertifikata għandu jirrikorri direttament għal traduttur ġuramentat imdaħħal fir-Reġistru tat-Tradutturi Ġuramentati tal-Kunsill tat-Tradutturi Ġuramentati.

Il-Liġi tiddefinixxi t-«traduzzjoni ċċertifikata» bħala traduzzjoni valida u preċiża ta’ test jew dokument bil-miktub minn lingwa barranija għall-Grieg jew għat-Tork, u viċi versa, jew mill-Grieg għat-Tork u viċi versa, li tkun ittimbrata kif xieraq u li jkollha s-siġill pubbliku tar-Repubblika ta’ Ċipru.

It-tradutturi ġuramentati jittraduċu dokumenti maħsuba għall-użu pubbliku uffiċjali f’Ċipru jew barra mill-pajjiż, bħal ċertifikati tal-edukazzjoni, ċertifikati taż-żwieġ, ċertifikati tat-twelid, ċertifikati tal-mewt, ċertifikati ta’ divulgazzjoni tal-fedina penali, passaporti, karti tal-identità, kontijiet bankarji, titoli ta’ proprjetà, dokumenti korporattivi, rapporti mediċi u dokumenti legali.

Il-lingwi koperti: l-Għarbi, l-Armen, il-Bożnian, il-Bulgaru, iċ-Ċiniż, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Georgjan, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Maċedonjan, in-Norveġiż, il-Persjan, il-Pollakk, ir-Rumen, ir-Russu, is-Serb, l-Ispanjol, l-Iżvediż, it-Tork u l-Ukren għall-Grieg, u viċi versa.

DOKUMENTI PPREŻENTATI GĦAT-TRADUZZJONI

  1. Id-dokumenti kollha ppreżentati għat-traduzzjoni jridu jkunu awtentiċi u legalizzati b’mod xieraq jew permezz ta’ apostille jew permezz ta’ siġill tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin (ċertifikazzjoni diplomatika). Id-dokumenti jridu jkunu legalizzati qabel ma jiġu tradotti. Fir-rigward tal-pajjiżi tal-UE, ir-Regolament (UE) 2016/1191 jipprevedi li huwa f’idejn il-parti li tippreżenta d-dokument jekk tehmiżx apostille jew le. Il-bullettin tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku jipprovdi aktar informazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti u jelenka l-istati li huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Apostille.
  2. Fir-rigward ta’ dokumenti li ma jirrikjedux apostille iżda li jridu jiġu legalizzati permezz ta’ siġill diplomatiku, il-parti li tippreżenta d-dokument għat-traduzzjoni għandha tikkuntattja lid-dipartiment rilevanti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tagħha għal informazzjoni addizzjonali.
  3. L-informazzjoni dwar it-traduzzjoni taċ-ċertifikati tat-tluq mill-iskola sekondarja tat-tieni livell tinsab hawnhekk.

Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lill-Uffiċċju tal-Istampa u l-Informazzjoni fuq +357 22801105 jew +357 22801133 jew ibgħat messaġġ bil-posta elettronika lil: translations@pio.moi.gov.cy

L-informazzjoni dwar it-tariffi tat-traduzzjoni tinsab hawnhekk.

Il-Liġi tal-2019 dwar ir-reġistrazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi pprovduti minn tradutturi ġuramentati f’Ċipru tinsab hawnhekk.

L-informazzjoni dwar il-Kunsill tat-Tradutturi Ġuramentati tinsab hawnhekk.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.