Reġistri dwar il-fallimenti u l-insolvenza

Svezja

Din it-taqsima tipprovdik b’informazzjoni dwar ir-reġistru ta’ insolvenza Żvediż.

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

X’joffri r-reġistru ta’ insolvenza Żvediż?

L-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż iżomm bosta reġistri li jipprovdu informazzjoni dwar kumpaniji rreġistrati. L-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż ma jżommx reġistru uniku u koerenti ta’ persuni naturali u legali li ġew dikjarati insolventi. Hemm reġistru, miżmum mill-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż, ta’ persuni naturali u patrimonji li ġew dikjarati insolventi, Madankollu, l-informazzjoni dwar il-kumpaniji li ġew dikjarati insolventi hija rreġistrata f’bosta reġistri tal-kummerċ ġestiti mill-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż. L-aċċess għall-informazzjoni dwar persuni naturali, patrimonji u kumpaniji mir-reġistri ġestiti mill-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż huwa disponibbli minn faċilità ta’ tiftix fuq l-Internet.

Minn hawn ’il quddiem, l-informazzjoni dwar l-insolvenza tal-kumpaniji, tal-persuni naturali u tal-patrimonji li tinsab fir-reġistru differenti tal-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż tissejjaħ bħala r-Reġistru ta’ Insolvenza tal-Iżvezja (u tinkludi kemm l-informazzjoni aċċessibbli mill-faċilità ta' tiftix fuq l-Internet kif ukoll kuntatt dirett mal-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż).

Ir-Reġistru fih informazzjoni dwar kumpaniji, persuni naturali u patrimonji fi stadji differenti ta’ insolvenza. Ir-Reġistru ġeneralment fih dawn it-tipi ta’ informazzjoni li ġejjin:

  • Data tal-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza
  • Isem tal-qorti responsabbli
  • Isem, indirizz u numru ta’ reġistrazzjoni / numru ta’ kodiċi personali tas-suġġett
  • Stat tal-proċedimenti
  • Isem u indirizz tat-trustee

L-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż huwa l-proprjetarju tar-Reġistru u jżommu aġġornat.

L-informazzjoni sottomessa mill-qrati biss tiġi ppubblikata fir-Reġistru. L-informazzjoni tiġi mdaħħla dakinhar li l-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż jirċeviha mill-qorti. Meta persuna naturali tiġi dikjarata insolventi, l-informazzjoni hija inkluża fir-reġistri tal-kummerċ li tista’ tkun irreġistrata fihom il-persuna naturali.

L-aċċess għar-reġistru ta' insolvenza Żvediż huwa mingħajr ħlas?

L-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tal-Kummerċ Żvediż hija disponibbli mingħajr ħlas billi tikkuntattja lill-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż bit-telefon. Għal talbiet biex tirċievi informazzjoni bil-miktub, jintalab dritt fil-parti l-kbira tal-każijiet.

L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-insolvenza tal-kumpaniji billi tuża l-faċilità ta’ tiftixa fuq l-Internet huwa mingħajr ħlas. Informazzjoni addizzjonali hija disponibbli biss lill-utenti rreġistrati li jħallsu.

Kif tagħmel tiftixa fir-reġistru ta' insolvenza Żvediż

Biex wieħed jirċievi informazzjoni li tinsab fir-reġistru, jista’ jikkuntattja lill-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji Żvediż bil-posta, bil-posta elettronika jew bit-telefon. Il-faċilità ta’ tiftixa fuq l-Internet tippermetti tiftixa fir-Reġistru permezz ta’ isem il-kumpanija, numru ta’ reġistrazzjoni jew numru ta’ kodiċi personali. 

L-istorja tar-reġistru ta' insolvenza Żvediż

L-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tinżamm għal perjodu ta’ ħames snin

L-aħħar aġġornament: 01/05/2010

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.