Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Reġistri tal-artijiet fil-pajjiżi tal-UE

Slovakkja

Din it-taqsima tagħtik deskrizzjoni ġenerali tar-reġistru tal-artijiet tas-Slovakkja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

X'għandu x'joffri r-Reġistru tal-Artijiet Slovakk?

Il- Portal tar-Reġistru tal-Artijiet Slovakk (Slovenský katastrálny portál) huwa ġestit mill-Awtorità tal-Ġeografija, l-Kartografija u l-Katast tar-Repubblika Slovakka (Úrad geodésie, kartografie a katastra Slovenskej republiky), u awtorità tal-gvern ċentrali għar-reġistri tal-artijiet. Il-portal jiġi operat u mantnut mill-Istitut tal-Ġeografija u l-Kartografija ta' Bratislava (Geodetický a kartografický ústav Bratislava).

Il-Portal jipprovdi informazzjoni ġuridika u fattwali dwar is-sidien tal-propjetà immobbli. Il-Portal huwa aġġornat darba fil-ġimgħa b'dejta mogħtija mill-uffiċċji tar-reġistri tal-artijiet rispettivi. Ir-riċerka tista' ssir bl-Islovakk u bl-Ingliż. Il-Portal jipprovdi:

  • għażla ta' dejta mill-fajl ta' informazzjoni ġeografika - mapep tal-katast,
  • għażla ta' dejta mill-fajl ta' informazzjoni deskrittiva - informazzjoni dwar porzjonijiet ta' art mhux maqsuma, appartamenti, bini mhux residenzjali u dokumenti dwar is-sidien,
  • reġistru tal-muniċipalitajiet, reġistru tad-distretti tal-katast,
  • rapporti statistiċi,
  • valuri aggregati skont it-tip ta' art,
  • informazzjoni dwar l-istatus tal-proċedimenti quddiem ir-reġistru tal-artijiet,
  • notifiku ta' applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni proposti.

Id- dokument tas-sidien (list vlastníctva) jipprovdi informazzjoni dwar il-propjetà, is-sidien tagħha u d-drittijiet marbuta mal-propjetà, kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar drittijiet relatati mal-propjetà. B'mod aktar speċifiku, id-dokument fih:

  • numru uniku,
  • l-isem tad-distrett fejn tinstab il-propjetà partikolari,
  • l-isem tal-muniċipalità rilevanti,
  • l-isem tad-distrett tal-katast.

Id-dokumenti huwa maqsum fi tliet partijiet:

Part A – Assi tanġibbli, li fiha jiġu mniżżla l-propjetajiet kollha soġġett għal drittijiet ta' propjetà, bid-dettalji dwar:

  • in-numru ta' ettari,
  • it-tip ta' porzjonijiet ta' art mhux maqsuma,
  • kodiċi li juri l-użu permess tal-art,
  • ir-rilevanza għaż-żona mibnija tal-muniċipalità,
  • dettalji ta' spjegazzjoni oħra fuq kwistjonijiet relatati mal-Parti A.

Parti B – Is-sidien jew persuni intitolati oħra, bid-dettalji dwar:

  • l-isem,
  • il-kunjom,
  • il-kunjom ta' xebba, jew isem tas-sid (persuna ġuridika) jew persuni intitolati oħra,
  • id-data ta' twelid,
  • in-numru ta' reġistrazzjoni tat-twelid, jew in-numru ta' reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni,
  • l-ishma f'propjetà konġunta,
  • il-kuntratt notarili: l-akkwist permezz ta' dokument pubbliku jew dokument ieħor,
  • l-indirizz tar-residenza permanenti jew l-uffiċċju reġistrat,
  • dettalji ta' spjegazzjoni oħra fuq kwistjonijiet relatati mal-Parti B.

Part C – Piżijiet, dettalji dwar:

  • servitujiet (x'tinvolvi s-servitù, l-istatus tal-persuna li tgawdi mis-servitù, inkluż l-entrata tas-servitù fid-dokument ta' propjetà ta' din il-persuna),
  • drittijiet ipotekarji (id-dettalji tal-kreditur tal-ipoteka) u tal-ewwel għażla, jekk dawn irid ikollhom l-effett ta' drittijiet reali (l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-ewwel għażla),
  • drittijiet oħra, jekk ikun hemm ftehim fuqhom bħala drittjiet reali,
  • dettalji ta' spjegazzjoni oħra fuq kwistjonijiet relatati mal-Parti C,
  • żiediet/korrezzjonijiet imniżżlin.

Il-Parti C ma tinkludix dejta dwar l-ammonti tad-dejn.

L-aċċess għar-Reġistru tal-Artijiet Slovakk huwa mingħajr ħlas?

L-informazzjoni disponibbli fuq il-portal tar-Reġistru tal-Artijiet hija pprovduta mingħajr ħlas għal kulħadd.

L-Istorja tar-Reġistru tal-Artijiet Slovakk

Il-portal tar-Reġistru tal-Artijiet ilu disponibbli mill-2004. Minn Settembru tal-2007, l-informazzjoni pprovduta mill-portal bil-liġi hija mingħajr ħlas.

Ħoloq relatati

is-sit elettroniku tal-portal tar-Reġistru tal-Artijiet, is-sit elettroniku tal-Awtorità Slovakka tal-Ġeografija, il-Kartografija u l-Katast

L-aħħar aġġornament: 27/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.