X'għandu x'joffri r-Reġistru tal-Artijiet Slovakk?
Il- Portal tar-Reġistru tal-Artijiet Slovakk (Slovenský katastrálny portál) huwa ġestit mill-Awtorità tal-Ġeografija, l-Kartografija u l-Katast tar-Repubblika Slovakka (Úrad geodésie, kartografie a katastra Slovenskej republiky), u awtorità tal-gvern ċentrali għar-reġistri tal-artijiet. Il-portal jiġi operat u mantnut mill-Istitut tal-Ġeografija u l-Kartografija ta' Bratislava (Geodetický a kartografický ústav Bratislava).
Il-Portal jipprovdi informazzjoni ġuridika u fattwali dwar is-sidien tal-propjetà immobbli. Il-Portal huwa aġġornat darba fil-ġimgħa b'dejta mogħtija mill-uffiċċji tar-reġistri tal-artijiet rispettivi. Ir-riċerka tista' ssir bl-Islovakk u bl-Ingliż. Il-Portal jipprovdi:
- għażla ta' dejta mill-fajl ta' informazzjoni ġeografika - mapep tal-katast,
- għażla ta' dejta mill-fajl ta' informazzjoni deskrittiva - informazzjoni dwar porzjonijiet ta' art mhux maqsuma, appartamenti, bini mhux residenzjali u dokumenti dwar is-sidien,
- reġistru tal-muniċipalitajiet, reġistru tad-distretti tal-katast,
- rapporti statistiċi,
- valuri aggregati skont it-tip ta' art,
- informazzjoni dwar l-istatus tal-proċedimenti quddiem ir-reġistru tal-artijiet,
- notifiku ta' applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni proposti.
Id- dokument tas-sidien (list vlastníctva) jipprovdi informazzjoni dwar il-propjetà, is-sidien tagħha u d-drittijiet marbuta mal-propjetà, kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar drittijiet relatati mal-propjetà. B'mod aktar speċifiku, id-dokument fih:
- numru uniku,
- l-isem tad-distrett fejn tinstab il-propjetà partikolari,
- l-isem tal-muniċipalità rilevanti,
- l-isem tad-distrett tal-katast.
Id-dokumenti huwa maqsum fi tliet partijiet:
Part A – Assi tanġibbli, li fiha jiġu mniżżla l-propjetajiet kollha soġġett għal drittijiet ta' propjetà, bid-dettalji dwar:
- in-numru ta' ettari,
- it-tip ta' porzjonijiet ta' art mhux maqsuma,
- kodiċi li juri l-użu permess tal-art,
- ir-rilevanza għaż-żona mibnija tal-muniċipalità,
- dettalji ta' spjegazzjoni oħra fuq kwistjonijiet relatati mal-Parti A.
Parti B – Is-sidien jew persuni intitolati oħra, bid-dettalji dwar:
- l-isem,
- il-kunjom,
- il-kunjom ta' xebba, jew isem tas-sid (persuna ġuridika) jew persuni intitolati oħra,
- id-data ta' twelid,
- in-numru ta' reġistrazzjoni tat-twelid, jew in-numru ta' reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni,
- l-ishma f'propjetà konġunta,
- il-kuntratt notarili: l-akkwist permezz ta' dokument pubbliku jew dokument ieħor,
- l-indirizz tar-residenza permanenti jew l-uffiċċju reġistrat,
- dettalji ta' spjegazzjoni oħra fuq kwistjonijiet relatati mal-Parti B.
Part C – Piżijiet, dettalji dwar:
- servitujiet (x'tinvolvi s-servitù, l-istatus tal-persuna li tgawdi mis-servitù, inkluż l-entrata tas-servitù fid-dokument ta' propjetà ta' din il-persuna),
- drittijiet ipotekarji (id-dettalji tal-kreditur tal-ipoteka) u tal-ewwel għażla, jekk dawn irid ikollhom l-effett ta' drittijiet reali (l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-ewwel għażla),
- drittijiet oħra, jekk ikun hemm ftehim fuqhom bħala drittjiet reali,
- dettalji ta' spjegazzjoni oħra fuq kwistjonijiet relatati mal-Parti C,
- żiediet/korrezzjonijiet imniżżlin.
Il-Parti C ma tinkludix dejta dwar l-ammonti tad-dejn.
L-aċċess għar-Reġistru tal-Artijiet Slovakk huwa mingħajr ħlas?
L-informazzjoni disponibbli fuq il-portal tar-Reġistru tal-Artijiet hija pprovduta mingħajr ħlas għal kulħadd.
L-Istorja tar-Reġistru tal-Artijiet Slovakk
Il-portal tar-Reġistru tal-Artijiet ilu disponibbli mill-2004. Minn Settembru tal-2007, l-informazzjoni pprovduta mill-portal bil-liġi hija mingħajr ħlas.
Ħoloq relatati
is-sit elettroniku tal-portal tar-Reġistru tal-Artijiet, is-sit elettroniku tal-Awtorità Slovakka tal-Ġeografija, il-Kartografija u l-Katast
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.