Sib informazzjoni għal kull reġjun
X’joffri r-reġistru tal-artijiet tal-Ingilterra u Wales?
Nirreġistraw is-sjieda tal-artijiet u tal-propjetà fl-Ingilterra u Wales. Il-viżjoni tagħna hija “Id-drittijiet tal-art u tal-proprjetà tiegħek: garantiti u protetti”.
Il-valuri tagħna huma:
- nagħtu garanzija
- għandna l-integrità
- nixprunaw l-innovazzjoni
- nimxu b’mod professjonali.
Ir-Reġistru tal-Artijiet jipprovdi funzjoni vitali fejn tingħata assigurazzjoni u fiduċja lis-suq tal-proprjetà, billi fih hemm sjieda ta’ propjetà b’valur ta’ aktar minn £4 triljun madwar l-Ingilterra u Wales li tinkludi l’fuq minn £1 triljun f’ipoteki. Ir-Reġistru tal-Artijiet għandu l’fuq minn 150 sena ta’ esperjenza fiż-żamma tar-Reġistru u evolva biex sar dejjem aktar effiċjenti, b’99% tal-informazzjoni tagħna u 73% tas-servizzi ta’ reġistrazzjoni jiġu sottomessi onlajn. Għaddejjin minn proġett ta’ trasformazzjoni biex jinħoloq Reġistru kompletament diġitali bi pjattaforma diġitali kontemporanja għall-artijiet u l-proprjetà biex tappoġġja lir-Reġistru u biex nipprovdu servizz modern u effiċjenti lill-klijenti tagħna.
L-aċċess għar-reġistru tal-artijiet tal-Ingilterra u Wales huwa mingħajr ħlas?
Għal kull servizz trid titħallas tariffa statutorja. Ma hemm l-ebda tariffa ta’ iskrizzjoni biex ikollok aċċess onlajn u fil-parti l-kbira s-servizzi onlajn huma orħos mis-servizzi bil-posta.
Kif tfittex fir-reġistru tal-artijiet tal-Ingilterra u Wales
Aċċess onlajn:
Permezz tas-Servizzi Elettroniċi tan-Negozju l-utenti tan-negozju jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet biex jirreġistraw l-artijiet u l-propjetà, jew jitolbu għal riċerka tal-mappa tal-indiċijiet onlajn. L-utenti tas-servizzi elettroniċi tan-negozju jistgħu jużaw ukoll il-Mapsearch tagħna mingħajr ħlas biex mill-ewwel:
- jiċċekkjaw hijiex irreġistrata l-art u l-propjetà fl-Ingilterra u Wales
- jiksbu n-numru tat-titoli
- jsiru jafu jekk il-propjetà hiex libera u franka jew hiex soġġetta għal ċens
L-utenti tas-servizzi elettroniċi tan-negozju jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-użu, jirreġistraw bħala utenti u jkollhom kont ta’ debitu dirett varjabbli ma’ bank jew ma’ kumpanija kreditizja immobbiljari fir-Renju Unit. Illoggja għas-servizzi elettroniċi tan-negozju.
Is-servizz Sib il-Proprjetàhuwa maħsub għall-membri tal-pubbliku u jintuża wkoll minn negozji ż-żgħar. Jistgħu jfittxu permezz tal-indirizz biex isibu sid l-art jew il-propjetà, biex jaraw sa fejn ġew estiżi l-konfini u jekk hemmx riskju ta’ għargħar. Dawn iridu jirreġistraw irwieħhom bħala utenti u jistgħu jħallsu b’karta tal-kreditu jew tad-debitu. Illoggja f'Sib il-Proprjetà.
Il-kopji tar-reġistri u tal-pjanti tat-titoli miksuba permezz tas-Servizzi Elettroniċi tan-Negozju huma “kopji uffiċjali” u għalhekk huma ammissibbli bħala provi quddiem qorti tal-ġustizzja. Mapsearch ma tipprovdix għal indennizz minħabba l-informazzjoni mogħtija.
Il-kopji tar-reġistri u tal-pjanti tat-titoli miksuba permezz tas-servizz Sib il-Proprjetà mhumiex kopji uffiċjali.
Aċċess postali:
Inti tista’ tapplika għal kopji uffiċjali tar-reġistru u tal-pjanta tat-titolu bil-posta billi tuża l-forms OC1 (għar-reġistru) u OC2 (għad-dokumenti). Dawn il-formoli huma disponibbli mingħajr ħlas bil-posta jew onlajn mir-Reġistru tal-Artijiet. Il-kopji uffiċjali huma ammissibbli bħala provi f’qorti tal-ġustizzja.
Jekk ma tkunx tista’ ssib informazzjoni dwar xi proprjetà onlajn, tista’ tibgħat ukoll “tiftixa tal-mappa ta’ indiċi” (formola SIM) bil-posta sabiex tiskopri jekk l-art tkunx irreġistrata, u jekk tkun irreġistrata, tkun tista’ tikseb in-numru ta’ titolu. Trid tħallas tariffa ffissata permezz tal-Ordni tat-Tariffi tar-Reġistru tal-Artijiet kurrenti.
Tista’ tfittex fir-reġistri tal-Piżijiet fuq l-Artijietbil-posta jew onlajn permezz tas-servizzi elettroniċi tan-negozju billi tuża l-Formola K15 jew (biex tfittex għall-entrati tal-fallimenti biss) il-Formola K16.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.