Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Sloven ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Slovenja

Din it-taqsima tipprovdilek ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru kummerċjali tas-Slovenja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovenja

X’fih ir-reġistru kummerċjali Sloven (Poslovni register Slovenije)?

Ir-Reġistru Kummerċjali Sloven (PRS )huwa mmaniġġjat mill-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Reġistrazzjonijiet Legali Pubbliċi u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve – AJPES).

Ir-reġistru kummerċjali Sloven huwa l-bażi tad-dejta ċentrali pubblika ta' informazzjoni dwar in-negozji kollha b'uffiċċju rreġistrat fis-Slovenja li huma involuti f’attivitajiet bi qligħ jew mingħajr skop ta’ qligħ u ta' informazzjoni dwar sussidjarji u diviżjonijiet oħra ta' dawk in-negozji. Ir-reġistru fih ukoll informazzjoni dwar is-sussidjarji ta' negozji barranin li jwettqu attivitajiet fis-Slovenja. Ir-reġistru jinkludi l-kategoriji li ġejjin:

  • kumpaniji (sħubiji u korporazzjonijiet)
  • kummerċjanti waħdanin
  • entitajiet ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika
  • entitajiet ġuridiċi rregolati mil-liġi privata
  • soċjetajiet
  • persuni fiżiċi li jwettqu attivitajiet reġistrati jew regolati
  • sussidjarji u diviżjonijiet oħra ta’ negozji
  • uffiċji prinċipali ta' negozji barranin
  • unitajiet oħra.

Għal kull reġistrazzjoni fir-reġistru Kummerċjali Sloven hemm disponibbli firxa ta' dejta ta’ reġistrazzjoni (numru tal-identifikazzjoni, isem il-kumpanija, numru tal-faks, dettalji dwar ir-rappreżentanti u l-fundaturi, eċċ.).

  • aċċess dirett għall-informazzjoni permezz tal-applikazzjoni ePRS, u
  • għoti ta’ informazzjoni għall-użu mill-ġdid.

X’jinkludi?

Applikazzjoni ePRS

L-applikazzjoni ePRS tippermetti lill-utent jaċċedi informazzjoni dwar reġistrazzjonijiet individwali fir-reġistru kummerċjali Sloven għal negozji li jwettqu attivitajiet ekonomiċi fir-Repubblika tas-Slovenja.

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali Sloven huwa bi ħlas?

L-aċċess huwa bla ħlas, imma l-utenti jridu jilloggjaw fil-portal (utenti ġodda jridu jirreġistraw l-ewwel).

Kif tagħmel tiftixa fir-reġistru kummerċjali Sloven

L-utenti jridu jilloggjaw fil-portal biex ikunu jistgħu jfittxu fir-reġistru. Wieħed jista’ jaċċedi għad-dejta billi jdaħħal il-kriterji tat-tiftix f’kaxxa waħda jew aktar, jew billi jagħżel il-kriterji tat-tiftix mill-menu li jinżel. Il-kriterju tat-tiftix jista’ jkun wieħed minn dawn: dejta, parti mid-dejta (kelma), jew bidu ta' kelma. Huwa possibbli tiftix bin-numru tal-identifikazzjoni, bin-numru tat-taxxa, bl-isem tal-kumpanija, bl-isem tat-triq u n-numru, bil-muniċipalità, eċċ.

Aġġornar

Id-dejta tiġi aġġornata kuljum.

Għoti ta’ informazzjoni għall-użu mill-ġdid:

AJPES jipprovdi s-servizzi li ġejjin għall-użu mill-ġdid ta' informazzjoni mir-reġistru kummerċjali:

  • forniment kuljum, kull ġimgħa jew kull xahar ta’ dejta dwar ir-reġistrazzjonijiet kollha, f’format twil jew qasir,
  • forniment kull xahar ta' dejta dwar in-negozji elenkati fir-reġistru tal-qorti (Sodni register) f'format twil jew qasir,
  • forniment kull xahar ta’ dejta dwar proprjetarji waħdanin f’format twil jew qasir,
  • forniment ta' dejta permezz ta' servizz tal-internet, f'format twil, qasir jew minimu (ara),
  • forniment ta' dejta bbażata fuq ordni speċifika f’format twil jew qasir,
  • proċessar ta' dejta miġbura skont il-kriterji stabbiliti mill-utent (dejta numerika).

Kull tliet xhur l-AJPES toffri ħarsa ġenerali bla ħlas lejn ir-reġistru kummerċjali Sloven kollu fil-format XML b’għażla prestabbilita ta’ informazzjoni għall-użu mill-ġdid.

Ipprezzar

L-AJPES tiċċarġja tariffi għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni pubblika mir-reġistru kummerċjali Sloven, kif stabbiliti
fir-Rati tat-tariffi għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni pubblika mir-reġistru kummerċjali Sloven (Tarifa nadomestil za ponovno uporabo informacij javnega značaja Poslovnega registra Slovenije) (ħolqa għall-bażi tad-dejta tal-leġiżlazzjoni Slovena).

Kemm huma affidabbli d-dokumenti li jinsabu fir-reġistru?

Partijiet terzi jistgħu jikkwotaw l-informazzjoni u kull tip ta’ dokument imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti, fuq il-bażi tal-liġijiet li ġejjin.

- L-Att tal-Kumpaniji (Zakon o gospodarskih družbah) (Uradni list RS (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (UL RS), Nru 65/09 - verżjoni konsolidata uffiċjali, 33/11, 91/11, 32/12, 57/12, 44/13 - Digriet tal-Qorti Kostituzzjonali u 82/13; minn issa ‘l quddiem: ZGD-1), li huwa att sistemiku li jirregola r-regoli bażiċi dwar l-istatus legali tal-korporazzjonijiet għat-twaqqif u l-operat ta’ kumpaniji, kummerċjanti waħdanin, persuni relatati, gruppi b’interess ekonomiku u sussidjarji ta’ kumpaniji barranin, u kwalunkwe bidla fl-istatus legali tagħhom.

-L-Att tar-Reġistru tal-Qorti (Zakon o sodnem registru) (UL RS, Nri 54/07 - verżjoni uffiċjali konsolidata, 65/08, 49/09 u 82/13 - ZGD-1H, minn hawn 'il quddiem: ZSReg), li jirregola r-reġistru tal-qorti, jiddefinixxi l-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru tal-qorti, ir-regoli ta’ proċedura li permezz tagħha qorti kompetenti tiddeċiedi dwar l-entrati fir-reġistru tal-qorti, u r-regoli dwar kif l-AJPES tamministra r-reġistru tal-qorti. Din il-liġi tirregola wkoll il-proċeduri li jiffurmaw parti mis-sistema Vse na enem mestu (One-Stop Shop).

- L-Att tar-Reġistru Kummerċjali Sloven (Zakon o Poslovnem registru Slovenije) (UL RS, Nri 49/06 u 33/07 - ZSReg-B, minn hawn 'il quddiem: ZPRS-1), li jirregola ż-żamma u l-manutenzjoni tar-Reġistru Kummerċjali Sloven (PRS), jiddefinixxi l-entrati fir-reġistru kummerċjali, kif jiġu identifikati u l-użu obbligatorju ta’ dik l-ID, il-kontenut tar-reġistru kummerċjali u l-akkwist ta’ informazzjoni li jżomm ir-reġistru, u jiddefinixxi l-proċedura biex isiru entrati fir-reġistru kummerċjali, l-informazzjoni miżjuda jew definita mill-amministratur tar-reġistru malli ssir entrata, l-użu tad-dejta tar-reġistru kummerċjali u l-ħażna tad-dokumentazzjoni.

L-aċċess għar-Reġistru Kummerċjali Sloven huwa bi ħlas?

Iva, l-aċċess huwa bla ħlas. Madankollu, l-utenti jridu jilloggjaw fil-portal biex jidħlu fih.

Ħoloq relatati

poslovni register (bis-Sloven), reġistru kummerċjali (bl-Ingliż)

L-aħħar aġġornament: 23/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.