Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Portugall

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-portali tal-kummerċ u tal-ġustizzja tal-Portugall.

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Reġistru tan-Negozju

Il-fini tar-reġistru tan-negozju huwa li jippubblika l-qagħda ġuridika ta' kummerċjanti individwali, kumpaniji kummerċjali, kumpaniji taħt id-dritt ċivili b'forma kummerċjali, stabbilimenti individwali b'responsabilità limitata, kooperattivi, intrapriżi pubbliċi, grupp ta' kumpaniji addizzjonali u Gruppi Ewropej ta' Interess Ekonomiku, kif ukoll individwi u assoċjazzjonijiet li l-liġi titlob li jkunu rreġistrati. Fatti sostnuti minn evidenza dokumentata biss jistgħu jiġu reġistrati. Dawn id-dokumenti jiġu arkivjati elettronikament.

Ir-reġistru tan-negozju jagħti personalità ġuridika lill-kumpaniji kummerċjali u r-reġistrazzjoni normalment tkun obbligatorja. Bħala regola, fatti dwar kumpaniji jiġu stabbiliti f'dokument speċifiku. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikun biżżejjed li wieħed jipproduċi l-minuti u d-deċiżjoni meħuda mill-azzjonisti.

In-negozji jridu jirreġistraw ruħhom fi żmien xahrejn mid-data tal-inkorporazzjoni. Il-validità ta' applikazzjoni tkun ivvalutata mill-uffiċjal responsabbli fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, id-dokumenti prodotti u r-reġistrazzjonijiet preċedenti, b'attenzjoni partikolari għal-leġittimità tal-partijiet ikkonċernati, il-legalità tat-titoli u l-validità tal-atti stabbiliti f'dawk it-titoli.

Fil-Portugall, ir-reġistru tan-negozju huwa rregolat mill-Kodiċi ta' Reġistrazzjoni tan-Negozju, adottat mid-Digriet-Liġi Nru 403/86 tat-3 ta' Diċembru 1986, u huwa r-responsabbiltà tal-uffiċċji tar-reġistru tan-negozju mal-pajjiż kollu; dawn l-uffiċċji huma servizzi esterni tal-Istitut tar-Reġistraturi u n-Nutara (IRN), korp pubbliku taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-uffiċċji tar-reġistru tan-negozju jistgħu jaħdmu bħala servizzi indipendenti jew b’rabta ma’ reġistri oħrajn (tal-artijiet, ċivili, tal-vetturi) li huma servizzi tal-IRN ukoll. Atti kummerċjali jistgħu jkunu rreġistrati fi kwalunkwe uffiċċju ta' reġistru tan-negozju, billi ma hemm l-ebda limitazzjonijiet ġeografiċi għall-qasam ta' kompetenza tagħhom.

Xi jkunu meħtieġa jirreġistraw il-kumpaniji kummerċjali:

  • inkorporazzjoni;
  • deċiżjonijiet meħuda mill-assemblea ġenerali li jikkonċernaw ix-xiri ta' prodotti mill-kumpanija, meta jkun meħtieġ mil-liġi;
  • fatti relatati ma' ishma tal-kumpaniji, it-tneħħija u l-esklużjoni ta' azzjonisti minn soċjetajiet u minn soċjetajiet limitati, l-abolizzjoni tal-ishma b'riżultat tal-mewt ta' azzjonist, l-ammissjoni ta' azzjonisti ġodda mingħajr responsabilità limitata, id-deprezzament ta' ishma u t-tkeċċija u l-esklużjoni ta' azzjonisti f'kumpaniji tal-azzjonisti, deċiżjonijiet dwar id-deprezzament, il-konverżjoni u l-fidwa ta' ishma, u l-ħruġ ta' bonds;
  • il-ħatra u tkeċċija ta' membri tal-bord tad-diretturi u l-bordijiet maniġerjali u tas-segretarju tal-kumpanija;
  • preżentazzjoni tal-kontijiet;
  • bidla fl-uffiċċju rreġistrat;
  • pjan ta' fużjoni jew diviżjoni, pjan ta' inkorporazzjoni ta' kumpanija b'responsabilità limitata, estensjoni ta' kumpanija, fużjoni, diviżjoni jew trasformazzjoni interna jew transfruntiera, jew ix-xoljiment ta' kumpanija;
  • fatti relatati mal-kapital tal-kumpanija u kull bidla oħra fl-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-kumpanija;
  • fatti relatati mal-likwidaturi tal-kumpanija;
  • it-tlestija tal-likwidazzjoni jew li l-kumpanija reġgħet bdiet topera;
  • deċiżjonijiet dwar il-kontroll totali minn kumpanija għall-oħra, fi grupp ta' kumpanija, u kuntratti ta' subordinament (contrato de subordinação);
  • ħruġ ta' mandati fuq il-valur mobiljarju;
  • atti, deċiżjonijiet u ordnijiet li jridu jkunu rreġistrati;
  • rappreżentanza kummerċjali jew kuntratti ta' aġenzija, meta bil-miktub, kull emenda li ssir lil dawn il-kuntratti u l-iskadenza tagħhom;
  • l-istabbiliment ta' rappreżentanza permanenti;
  • kull fatt ieħor li bil-liġi jrid jiddaħħal fir-reġistru tan-negozju.

Aċċess għall-informazzjoni

Kulħadd jista' jitlob estratti mir-reġistru u d-dokumenti elettroniċi korrispondenti.

Applikazzjonijiet għal estratti fuq karta jsiru fl-uffiċċji tar-reġistru imma l-informazzjoni rilevanti tista' tiġi aċċessata fis-sit web punt uniku ta' kuntatt għall-intraprendituri (Balcão do Empreendedor) fil-forma ta' estratt elettroniku dwar is-sitwazzjoni ġuridika tal-entità, li huwa aġġornat il-ħin kollu u disponibbli bil-Portugiż u bl-Ingliż.

It-tfittxija ssir permezz tan-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa tal-entità (Número de Identificação Coletiva – NIPC), li huwa n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-entità fir-reġistru tan-negozju kif ukoll in-numru tat-taxxa tagħha.

Tfittxija għal kumpanija ppubblikata tista' ssir fuq is-sit uffiċjali fuq il-bażi tal-NIPC, tad-distrett jew tat-tip ta' att.

L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħmlu tfittxijiet ukoll bl-użu tal-isem tal-entità suġġetta għar-reġistrazzjoni jew l-NIPC tagħha jew permezz tas-servizz web disponibbli bl-awtorizzazzjoni tal-IRN.

Prezz tal-informazzjoni

L-informazzjoni dwar atti rreġistrati hija disponibbli b'xejn fis-sit uffiċjali għall-pubblikazzjoni tal-atti tal-kumpaniji. Il-pubblikazzjoni hija immedjata u awtomatika ladarba r-reġistrazzjoni tkun tlestiet u tista' tiġi mfittxija minn kulħadd.

Estratti mir-reġistru u ta' dokumenti relatati, sew jekk fuq karta u sew f'forma elettronika, isiru bi ħlas.

Aċċess għal estratti elettroniċi jista' jsir b'abbonament ta' EUR 25 fis-sena u jistgħu jsiru abbonamenti għal sentejn, tliet snin jew erba' snin. It-tfittxijiet iridu jsiru permezz tal-NIPC. Wara l-ħlas, l-informazzjoni tista' tinkiseb billi jiddaħħal kodiċi ta' ċertifikat.

L-istess proċedura tista' tintuża biex jintalbu estratti elettroniċi ta' dokumenti maħżuna fil-bażi tad-dejta, fi kliem ieħor dokumenti użati bħala bażi għar-reġistrazzjoni minn Jannar 2011 'il quddiem, kif ukoll kopji ċċertifikati ta' memoranda aġġornati tal-kumpaniji.

Effetti ġuridiċi tar-reġistru tan-negozju

Il-fatti li jridu jkunu rreġistrati u ppubblikati fir-reġistru tan-negozju huma eżekutorji biss wara d-data ta' pubblikazzjoni.

Ir-reġistru finali jikkostitwixxi preżunzjoni tas-sitwazzjoni ġuridika (l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tar-Reġistru tan-Negozju).

L-informazzjoni kollha dwar l-identità tal-kumpanija (l-istatus ġuridiku, l-isem, l-uffiċċju rreġistrat, il-fini, il-firmatarji, l-identifikazzjoni tal-membri tal-organi tal-kumpanija, eċċ.) u l-biċċa l-kbira tal-fatti suġġetti għar-reġistrazzjoni jiġu minn rekords traskritti; dan ifisser li jgawdu preżunzjoni li s-sitwazzjoni ġuridika kif imsemmija fir-reġistru teżisti.

L-eċċezzjoni għal din ir-regola huma rekords iddepożitati, forma ta' reġistrazzjoni fejn ir-responsabilità għall-kontroll tal-konformità legali tad-dokumenti ppreżentati għar-reġistrazzjoni hija tal-kumpanija. Ir-reġistratur jivverifika sempliċement il-leġittimità tal-applikant għar-reġistrazzjoni. Din ir-reġistrazzjoni sservi ta' notifika pubblika, u ma tgawdix minn presunzjoni tal-verità. Rekords ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji għandhom dan l-istatus.

L-Artikolu 153 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet, liġi applikabbli bħala alternattiva għar-reġistru tan-negozju, tistipula li kull persuna li tirreġistra dokument falz jew legalment noneżistenti tista', flimkien mar-responsabilità penali, tkun responsabbli għad-danni li tkun ħolqot b'hekk. Huwa stipulat ukoll li kull persuna li tagħmel jew tikkonferma dikjarazzjonijiet foloz jew impreċiżi fir-reġistru jew banda oħra sabiex jiddaħħlu rekords jew id-dokumenti neċessarji mfasslin tkun ugwalment responsabbli.

Skont l-Artikolu 348A tal-Kodiċi Kriminali, kull min jiddikjara jew jiċċertifika falzament lill-awtorità pubblika jew uffiċjal pubbliku fil-prestazzjoni ta' dmirijietu, identità, status jew kwalità oħra li l-liġi tikkonferilha effett ġuridiku, tagħha stess jew ta' ħaddieħor, u dawn id-dikjarazzjonijet ikunu jridu jiddaħħlu f'dokument awtentiku, jeħel sentenza ta' priġunerija ta' massimu ta' sentejn jew multa.

L-aħħar aġġornament: 29/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.