Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Malta

in it-taqsima tagħtik deskrizzjoni ġenerali tar-reġstru tal-kummerċ ta’ Malta.

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

X'joffri r-reġistru tal-kummerċ Malti?

Ir-Reġistru tal-Kummerċ ta' Malta jinkludi informazzjoni ġenerali marbuta mal-kumpaniji f’Malta.

Ir-Reġistru huwa l-proprjetà tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), li hija legalment responsabbli biex iżżomm aġġornat ir-reġistru nazzjonali tal-kumpaniji. Is-sit elettroniku tal-MFSA jipprovdi informazzjoni rigward il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji, inklużi:

  • Atti tal-Parlament u avviżi legali rilevanti (b’links għall-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali);
  • Regoli;
  • Liċenzji;
  • Ċirkolari;
  • Opuskoli;
  • Twissijiet; u
  • Informazzjoni oħra maħruġa mill-MFSA flimkien ma’ materjal ieħor rilevanti għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji f’Malta.

L-aċċess għar-reġistru tal-kummerċ Malti huwa mingħajr ħlas?

Informazzjoni ġenerali dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ hija disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas, imma hemm ukoll taqsimiet mis-sit elettroniku fejn l-aċċess huwa bi ħlas.

Is-sit elettroniku tal-MFSA huwa disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas.

Kif tagħmel tiftixa fir-reġistru tal-kummerċ Malti?

L-utenti rreġistrati tas-sistema onlajn tar-Reġistru għandhom aċċess mingħajr ħlas għall-bażi tad-dejta tar-Reġistru. M’hemm l-ebda ħlas ta’ abbonament sabiex wieħed isir utent irreġistrat. It-tniżżil mis-sit elettroniku tad-dokumenti tal-kumpaniji individwali huwa bi ħlas, imma t-tiftix għall-informazzjoni fil-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas. Għalhekk, kulħadd jista’ jfittex kumpanija, billi juża isimha, jew parti minnu, jew in-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha. Informazzjoni oħra li hija disponibbli mingħajr ħlas tinkludi l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija, u l-ismijiet tad-diretturi, tas-segretarju/a u tal-azzjonisti.

Kemm jista' wieħed joqgħod fuq id-dokumenti li jinsabu fir-reġistru?

L-Att dwar il-Kumpanniji, 1995, il-Kapitolu 386 tal-Liġijiet ta' Malta huwa l-liġi ewlenija li tirregola l-Kumpannija ta' Responsabbilta' Limitata reġistrati f'Malta u jinkludi disposizzjonijiet li jippremettu lil terzi li joqogħdu fuq id-dokumenti reġistrati u partikolaritajiet kif se jkun spjegat:

Id-dokumenti kollha u n-notifikazzjonijiet statutorji magħmulin mill-kumpanniji għar-reġistrazzjoni jkunu ffirmati/awtentikati bil-firma tad-direttur jew segretarju tal-kumpannija. Id-dokumenti u n-notifikazzjonijiet statutorji jirċevihom ir-Reġistratur tal-Kumpanniji in buona fede. L-uffiċjal tal-kumpannija li jiffirma huwa responsabbli għall-kontenut tad-dokument. F'Malta huwa reat li xi ħadd jagħti dikjarazzjoni falza ta' dokument li jkun intiż għal xi awtorita' pubblika biex b'hekk jakkwista vantaġġ jew benefiċċju għalih jew persuni oħrajn.

L-istorja tar-reġistru tal-kummerċ Malti

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kumpaniji ġiet introdotta f’Malta permezz tal-Ordinanza dwar Soċjetajiet Kummerċjali tal-1962. Ir-Reġistru originarjament kien jaqa’ taħt id-Dipartiment tal-Kummerċ, dipartiment tal-gvern. Sar parti mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta fl-1997 wara li ġie introdott l-Att il-ġdid dwar il-Kumpanniji tal-1995. Id-dokumenti rreġistrati kollha tal-kumpaniji eżistenti kollha jiġu skannjati u għal kull kumpanija jinħloq fajl elettroniku tal-kumpanija. L-aċċess mill-bogħod għall-bażi tad-dejta tal-kumpaniji u għad-dokumenti inklużi fiha għall-ewwel kien disponibbli permezz ta’ sistema diretta dial-in, li kienet aġġoranta għall-Internet fl-2000. Tard fl-2004, tnediet sistema ġdida bbażata fuq il-web, filwaqt li fl-2006 ġiet introdotta sistema ta’ fajls elettroniċi li jużaw firma diġitali.

Links relatati

Reġistru tal-Kummerċ ta' Malta

Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta

Sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

L-aħħar aġġornament: 11/08/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna