Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Internazzjonali

L-informazzjoni tar-Reġistru Kummerċjali hija aċċessibbli wkoll għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex Stati Membri tal-UE.

Il-kontenut ipprovdut minn
Internazzjonali

In-Norveġja

L-Iżlanda

Il-Liechtenstein




In-Norveġja

Iċ-Ċentru tar-Reġistru ta' Brønnøysund huwa korp governattiv taħt il-Ministeru tal-Kummerċ, l-Industrija u s-Sajd. Ir-Reġistru tal-Intrapriżi Kummerċjali huwa wieħed mill-14-il reġistru nazzjonali ġestit miċ-Ċentru tar-Reġistru ta' Brønnøysund.

Ir-reġistru kummerċjali huwa responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-intrapriżi kummerċjali kollha fin-Norveġja. Ir-reġistru għandu jiżgura protezzjoni legali u sorveljanza finanzjarja, u huwa sors importanti għal kull min jeħtieġ informazzjoni preċiża dwar il-parteċipanti fl-industrija Norveġiża.

X'joffri r-reġistru kummerċjali Norveġiż?

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi Kummerċjali Norveġiż jipprovdi informazzjoni dwar negozji rreġistrati. Fis-sit taċ-Ċentru tar-Reġistru ta' Brønnøysund tista' taċċessa informazzjoni prinċipali permezz tal-magna tat-tiftix tagħna. Informazzjoni mir-reġistru kummerċjali tista' tinstab f'avviżi, u tista' tordna informazzjoni u traskrizzjonijiet addizzjonali mill-ħanut fuq l-internet u permezz tar-Reġistru Kummerċjali Ewropew (EBR).

Informazzjoni prinċipali:

  • In-numru tal-organizzazzjoni tal-kumpanija
  • Isem il-kumpanija, l-indirizz kummerċjali u indirizzi oħrajn
  • Id-data ta' formazzjoni tal-kumpanija
  • L-istatuti ta' assoċjazzjoni u t-tip ta' attività tal-kumpanija
  • Ir-rwoli fil-kumpanija
  • Informazzjoni dwar il-falliment

Avviżi:

Ir-reġistru kummerċjali jħabbar l-avvenimenti ewlenin kollha għal kumpanija. Huwa jħabbar meta tiġi rreġistrata kumpanija ġdida, meta jiġu rreġistrati bidliet importanti f'kumpanija, u meta kumpanija tiġo xolta jew tittneħħa mir-reġistru. Fil-bażi ta’ dejta għall-avviżi li tista' tintuża għat-tiftixiet hemm dejta maħżuna mill-1 ta' Novembru 1999 'il quddiem. Il-verżjoni bl-Ingliż tal-avviżi ilha aċċessibbli minn Awwissu 2006.

Informazzjoni addizjonali li tista' tkun ordnata bi ħlas hija traskrizzjonijiet u ċertifikati bħal:

  • Ċertifikat tar-reġistrazzjoni
  • Kontijiet annwali

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali huwa bla ħlas?

L-informazzjoni prinċipali li hija aċċessibbli mill-magna tat-tiftix tagħna u l-informazzjoni mill-bażi ta’ dejta tal-avviżi hija bla ħlas. Xi servizzi bħat-traskrizzjonijiet u ċ-ċertifikati huma suġġetti għal ħlas.

Kif tagħmel tiftixa fir-reġistru kummerċjali Norveġiż?

Informazzjoni bażika dwar l-intrapriżi kummerċjali rreġistrati fir-reġistru kummerċjali tista' tiġi aċċessata fis-sit taċ-Ċentru tar-Reġistru ta' Brønnøysund. It-tiftixiet jistgħu jsiru jew b'isem il-kumpanija jew bin-numru tal-organizzazzjoni fil-bażi ta' dejta tal-Avviżi.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti fir-reġistru?

Partijiet terzi jistgħu joqogħdu fuq l-informazzjoni fir-Reġistru tal-Intrapriżi kummerċjali bħala l-informazzjoni legalment valida dwar kumpanija. L-informazzjoni rreġistrata titqies li waslet għall-attenzjoni ta' partijiet terzi. Dan japplika kemm għall-informazzjoni nnifisha u kemm għad-dokumenti li huma r-raġunijiet għar-reġistrazzjoni. Fil-prattika dan ifisser li parti terza għandha tiċċekkja l-informazzjoni rreġistrata dwar kumpanija qabel ma tinnegozja magħha.

Ir-regoli li jirrigwardaw kemm parti terza tista' toqgħod fuq informazzjoni rreġistrata fir-Reġistru tal-Intrapriżi Kummerċjali fin-Norveġja jinsabu fl-Artikolu 10-1 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Intrapriżi Kummerċjali. Taqsira tar-regoli hi li l-informazzjoni rreġistrata titqies li waslet għall-attenzjoni ta' partijiet terzi.

Spjegazzjoni iktar dettaljata hija li għal każijiet fejn l-istat tad-dritt jiddetermina l-pożizzjoni legali ta' parti terza dwar jekk ikun jaf jew le bi kwistjoni partikolari, l-informazzjoni rreġistrata fir-Reġistru tal-Intrapriżi Kummerċjali titqies li waslet għall-attenzjoni tal-parti terza.

Għal kwistjonijiet fejn in-notifika tar-reġistrazzjoni kellha tintbagħat lir-reġistru (imma ma ntbagħtitx), u dawn il-kwistjonijiet ikunu kontradittorji għall-informazzjoni rreġistrata, dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux ikunu uzati kontra parti terza. Eċċezzjoni għal din ir-regola hij s-sitwazzjoni fejn il-parti terza tkun taf jew ikun imissha kienet taf bil-kwistjoni. F'dan il-każ il-parti terza ma tistax issostni b'mod ġustifikabbli li ma setgħetx toqgħod fuq l-informazzjoni rreġistrata.

L-istorja tar-reġistru kummerċjali Norveġiż

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi Kummerċjali Norveġiż ġie stabbilit fl-1998 u wettaq il-funzjonijiet li kienu jsiru minn kważi 100 reġistru kummerċjali lokali li kien hemm qabel.

Ħoloq relatati

L-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Intrapriżi Kummerċjali bin-Norveġiż

 



L-Iżlanda

X'joffri r-reġistru kummerċjali Iżlandiż?

Mill-2003 'l quddiem ir-Reġistru tal-Intrapriżi huwa taqsima fi ħdan id-Direttorat tat-Taxxi Interni u jopera fajl pubbliku li fih informazzjoni dwar l-entitajiet li ġejjin:

  1. individwi, kumpaniji u entitajiet oħrajn li għandhom negozju
  2. istituzzjonijiet u kumpaniji statali
  3. istituzzjonijiet u kumpaniji tal-muniċipalitajiet
  4. assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet, ħlief individwi, responsabbli għall-immaniġġar ta' assi jew biex iwettqu kull obbligu tat-taxxa
  5. attivitajiet oħrajn li d-Direttorat tat-Taxxi Interni/ir-Reġistru tal-Intrapriżi jħossu li hemm reġuni biex ikunu rreġistrati f'fajl uffiċjali.

Ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni li ġejja dwar l-entitajiet imsemmija fuq kif applikabbli:

  1. Isem
  2. Numru ta’ identifikazzjoni, indirizz
  3. Forma ġuridika
  4. Id-data tat-twaqqif
  5. L-isem, l-indirizz u n-numru ta' identifikazzjoni tal-eżekuttiv
  6. Kodiċi ta' attività (ISAT-nr.)
  7. Likwidazzjoni
  8. Affarijiet oħra li hemm bżonn li jiġu rreġistrati skont il-liġi.

Malli ssir ir-reġistrazzjoni, ir-Reġistru joħroġ numru ta' identifikazzjoni uniku għall-entità.

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jipprovdi lill-entitajiet pubbliċi, lill-kumpaniji u lill-individwi informazzjoni mir-reġistru skont ir-regolament stabbilit mill-Ministru rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-informazzjoni u l-ħlasijiet.

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali huwa bla ħlas?

Informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz, il-forma ġuridika, il-kodiċi ISAT u n-numru tal-VAT huma ppubblikati fuq is-sit tat-Taxxi Interni/tar-Reġistru tal-Intrapriżi u jistgħu jiġu aċċessati bla ħlas.

Għal informazzjoni ulterjuri trid tħallas u t-tama hi li jkunu disponibbli mill-ħanut onlajn tagħna fl-2016.

Kif tfittex fir-reġistru kummerċjali fl-Iżlanda?

Fis-sit tad-Direttorat tat-Taxxi Interni tista' tfittex l-informazzjoni li tkun bla ħlas. Sfortunament għalissa għadha bl-Iżlandiż biss. Għal aktar informazzjoni ikun hemm bżonn li wieħed jikkuntattja l-uffiċċju bit-telefown jew bl-e-mail sakemm jiftaħ il-ħanut onlajn is-sena d-dieħla.

L-istorja tar-reġistru kummerċjali Iżlandiż.

Sal-1980 il-kumpaniji kienu rreġistrati mal-kummissarji lokali madwar l-Iżlanda kollha. Fl-1980 twaqqaf reġistru speċjali għall-kumpaniji b'responsabbiltà limitata imma n-numri ta' identifikazzjoni għal dawn il-kumpaniji kienet toħroġhom Statistics Iceland. Mill-1997 'il quddiem il-kumpaniji kummerċjali kollha ħlief soċjetajiet mingħajr responsabbiltà limitata kienu jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-Intrapriżi u mill-2014 ir-reġistrazzjoni tas-soċjetajiet qed issir hemm ukoll jiġifieri issa għandna reġistru kummerċjali uffiċjali wieħed biss fl-Iżlanda, Ir-Reġistru tal-Intrapriżi.

 



Il-Liechtenstein

Jinżamm reġistru kummerċjali (Handelsregister) wieħed għall-pajjiż kollu tal-Liechtenstein. Ir-reġistru kummerċjali jinżamm mid-Dipartiment tal-Ġustizzja (Amt für Justiz) f'Vaduz.

Ir-reġistru kummerċjali huwa reġistru pubbliku hu l-preżunzjoni hi li hu preċiż. L-għan prinċipali hu li jiżgura ċ-ċertezza tad-dritt tal-kummerċ billi jiżvela r-relazzjonijiet ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, b'mod partikolari s-sitwazzjonijiet ta' persuni ġuridiċi u fiżiċi li jidħlu f'negozju fir-rigward tar-responsabbiltà u l-awtorità biex jaġixxu.

X'joffri r-reġistru kummerċjali?

Ir-reġistru kummerċjali fih informazzjoni dwar l-entitajiet ġuridiċi rreġistrati kollha li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fil-Prinċipalità tal-Liechtenstein u dwar il-fondi fiduċjarji (Treuhänderschaften) tal-Liechtenstein. L-informazzjoni tkopri fatti u relazzjonijiet li xi wħud minnhom iridu jiddaħħlu fir-reġistru bil-liġi u oħrajn jiddaħħlu volontarjament, flimkien mad-dokumenti ta' prova rilevanti.

Dokumenti dwar fondi fiduċjarji mhux irreġistrati u dejta relatata ma' fondazzjonijiet (Stiftungen) mhux irreġistrati jiġu ppreżentati r-reġistru pubbliku wkoll.

L-aċċess għar-reġistri kummerċjali huwa bla ħlas?

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali huwa suġġett għal ħlas.

Informazzjoni parzjali dwar kwalunkwe waħda mill-entitajiet ġuridiċi rreġistrati fir-reġistru kummerċjali u informazzjoni ġuridika oħra tista' tinstab bla ħlas fl-indiċi tan-negozju tar-reġistru (Firmenindex) permezz tal-ħolqa http://www.oera.li/hrweb/ger/firmensuche_afj.htm, u dikjarazzjoni sħiħa ċċertifikata tista' tiġi ordnata wara ħlas permezz tal-istess ħolqa.

Kif tfittex fir-reġistru kummerċjali fil-Liechtenstein?

Ir-reġistru kummerċjali, inkluż in-notifiki u d-dokumenti ta' prova, huma pubbliċi.

L-indiċi kummerċjali (Firmenindex) jista' jintuża biex issir tiftixa għal entità ġuridika rreġistrata bl-użu ta' isimha jew tal-isem kummerċjali tagħha jew in-numru tar-reġistru tagħha.

Kemm hija affidabbli l-informazzjoni fir-reġistri?

L-Artikolu 3a tad-Direttiva 2009/101/KE, kif emendat mid-Direttiva 2012/17/UE, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu informazzjoni fejn jispjegaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li skonthom partijiet terzi jistgħu joqogħdu fuq id-dokumenti tal-kumpanija u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 2. Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tat-8 ta' Ottubru 2013 tgħid li d-Direttiva 2012/17/UE għandha tkun inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

Ħlief meta l-leġiżlazzjoni tistipula li pubblikazzjoni parzjali jew pubblikazzjoni tal-estratti biss huma meħtieġa, l-entrati fir-reġistru kummerċjali jiġu ppubblikati kompletament mid-Dipartiment tal-Ġustizzja fil-gazzetta uffiċjali mingħajr dewmien (l-Artikolu 956(1) tal-Att dwar il-Persuni u l-Kumpaniji (Personen- und Gesellschaftsrecht, PGR)). Il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Prinċipat tal-Liechtenstein hija l-gazzetta uffiċjali elettronika (Amtsblatt) (l-Artikolu 16 tal-Att dwar il-Pubblikazzjoni (Kundmachungsgesetz).

Kull persuna li taġixxi b'bona fide tista' toqgħod fuq l-entrati, l-emendi u t-tħassir fir-reġistru kummerċjali. Il-kontenut tal-entrati, l-emendi u t-tħassir huwa affidabbli fil-konfront tal-parti rreġistrata sakemm ikun ġie ppreżentat skont ix-xewqa ta' dik il-parti (l-Artikolu 948(1) u (2) PGR).

Fir-rigward ta' partijiet terzi, entrata fir-reġistru kummerċjali tkun effettiva mill-għada tal-pubblikazzjoni tagħha, dejjem jekk ikun hemm rekwiżit legali għall-pubblikazzjoni (l-Artikolu 947(2) PGR).

Skont l-Artikolu 949 PGR, entrata fir-reġistru kummerċjali għandu l-effett tal-iżvelar u ladarba r-reġistrazzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' partijiet terzi, ħadd ma jkun għadu jista' joġġezzjona li ma kienx jaf bl-entrata. Madankollu, jekk kien hemm rekwiżit li fatt partikolari jrid ikun rreġistrat, u dak il-fatt ma jkunx irreġistrat, dan ikun affidabbli fil-konfront ta' parti terza biss jekk jista' jiġi ppruvat li l-parti terza kienet taf bih.

L-istorja tar-reġistru kummerċjali

Id-dejta fir-reġistru kummerċjali tal-Liechtenstein kienu oriġinarjament irreġistrati fuq index cards. Id-dejta attwali kollha, kif ukoll popolazzjoni kbira tad-dejta storika, issa jinsabu fuq mezzi elettroniċi.

Informazzjoni addizzjonali

L-entrati fir-reġistru kummerċjali jiġu ppubblikati fil-format rikjest mil-liġi fil-gazzetta elettronika, u partijiet tersi jistgħu joqogħdu fuqhom biss b'effett mill-għada tal-pubblikazzjoni tagħhom. F'każ ta' diskrepanza bejn l-entrata fir-reġistru u l-informazzjoni ppubblikata, l-entrata fir-reġistru tieħu preċedenza.

Pubblikazzjoni u effett tal-entrati fir-reġistru kummerċjali

In-natura pubblika tar-reġistru kummerċjali

Ir-reġistru kummerċjali, inkluż in-notifiki u d-dokumenti ta' prova, huma pubbliċi. Kulħadd għandu aċċess għall-entrati. Id-dokumenti fir-reġistru li jikkonċernaw kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (Aktiengesellschaften), soċjetajiet en commandite (Kommanditaktiengesellschaften) u kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata (Gesellschaften mit beschränkter Haftung) jistgħu jiġu aċċessati mingħar restrizzjoni; għal korpi b'forom ġuridiċi oħrajn, l-inkwerent irid juri bil-provi li għandu interess leġittimu (l-Artikolu 953 PGR).

Pubblikazzjoni tal-entrati

Ħlief meta l-leġiżlazzjoni tistipula li pubblikazzjoni parzjali jew pubblikazzjoni tal-estratti biss huma meħtieġa, l-entrati fir-reġistru kummerċjali jiġu ppubblikati kompletament mid-Dipartiment tal-Ġustizzja fil-gazzetta uffiċjali mingħajr dewmien. Id-dokumenti u d-dettalji kollha, li bil-liġi jridu jiġu ppreżentati u ppubblikati, jiġu ppubblikati bl-istess mod (l-Artikolu 956 et seq. PGR). L-informazzjoni ppubblikata hija affidabbli fil-konfront ta' kulħadd minn tmiem dakinhar li tiġi ppubblikata.

L-avviżi li jikkonċernaw kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (Aktiengesellschaften), soċjetajiet en commandite (Kommanditaktiengesellschaften) u kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata (Gesellschaften mit beschränkter Haftung) jieħdu l-forma ta' referenza ppubblikata fil-gazzetta uffiċjali għall-entrata u għad-dokumenti ta' prova u d-dettalji. L-istess japplika fil-każ ta' persuna ġuridika li tieħu sehem f'negozju b'mod kummerċjali. F'każijiet oħra l-avviżi jieħdu l-forma ta' referenza għall-entrata fir-reġistru (l-Artikolu 957 PGR).

L-effettività tal-entrati f'negozjar ma' partijiet terzi

Fir-rigward ta' partijiet terzi, entrata fir-reġistru kummerċjali tkun effettiva mill-għada tal-pubblikazzjoni tagħha, dejjem jekk ikun hemm rekwiżit legali għall-pubblikazzjoni (l-Artikolu 947(2) PGR).

Fil-każ ta' kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (Aktiengesellschaften), soċjetajiet en commandite (Kommanditaktiengesellschaften) u kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata (Gesellschaften mit beschränkter Haftung) parti terza ma tistax toqgħod fuq fatt li jkun ġie rreġistrat u ppubblikat jekk ikun relatat ma' tranżazzjoni legali li titwettaq fi żmien ħmistax-il jum mid-data meta l-entrata tidħol fis-seħħ u l-parti terza tista' tipprova li ma kinitx taf bih u ma setgħetx tkun mistennija li tkun taf bih (l-Artikolu 949(1a) PGR).

Ladarba r-reġistrazzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' partijiet terzi, ħadd ma jkun għadu jista' joġġezzjona li ma kienx jaf bl-entrata (l-Artikolu 949(1) PGR).

L-entrati fir-reġistru kummerċjali jikkostitwixxu evidenza sħiħa tal-fatti li jattestaw sakemm ma jintweriex li jkunu skorretti (l-Artikolu 949(3) PGR).

Diskrepanzi bejn entrata kif ippreżentata u kif ippubblikata

Jekk ikun hemm diskrepanza bejn l-entrata fir-reġistru u l-informazzjoni ppubblikata, l-entrata fir-reġistru tieħu preċedenza, u mbagħad l-informazzjoni ppubblikata, u finalment il-kontenut tad-dokumenti ta' prova. F'każ ta' diskrepanza bejn entrata fir-reġistru u l-informazzjoni ppubblikata, partijiet terzi li jaġixxu b'bona fide jistgħu joqogħdu wkoll fuq l-informazzjoni ppubblikata fil-konfront tal-parti li l-entrata hija dwarha (l-Artikolu 959(2) u (3) PGR).

Ħoloq relatati

L-Att dwar il-Persuni u l-Kumpaniji (Personen- und Gesellschaftsrecht, PGR) tal-20 ta' Jannar 1926 (ippubblikat LGBl. 1926 Nru 4)

L-Att dwar il-Pubblikazzjoni (Kundmachungsgesetz) tas-17 ta' April 1985 (ippubblikat LGBl. 1985 Nru 41)

Ir-Regolament tal-Gazzetta Uffiċjali (Amtsblattverordnung ) tal-4 ta' Settembru 2012 (ippubblikat LGBl. 2012 Nru 284)

L-aħħar aġġornament: 20/05/2019

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna