Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Storja ta’ kif ġie stabbilit ir-reġistru nazzjonali

Meta ġie stabbilit?

Ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (Geniko Emporiko Mitroo - G.E.MI.) ġie stabbilit skont il-Liġi 3419/2005 u sar operattiv fl-4 ta’ April 2011. Sussegwentement il-Liġi 3419/05 ġiet imħassra u ssostitwita mil-Liġi reċenti 4919/2022.

Meta ġie diġitalizzat?

Ir-Reġistru ġie stabbilit bħala reġistru elettroniku diġitali u jżomm id-dokumenti u d-data kollha sottomessi mill-kumpaniji f’forma diġitali.

X’inhi l-leġiżlazzjoni applikabbli bħalissa?

Ir-Reġistru huwa rregolat mil-Liġi 4919/2022, li hija maqsuma f’żewġ partijiet: il-Parti A (l-Artikoli 1–14), li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ kumpaniji tal-forom legali kollha fil-Greċja, u l-Parti B (l-Artikoli 15–59), li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti u d-data sottomessi minn kwalunkwe forma ta’ entità, minn fergħat fl-UE u f’pajjiżi terzi, kif ukoll materji relatati mal-aċċess, il-ħruġ ta’ dokumenti u data, is-sanzjonijiet rilevanti, eċċ. https://www.businessportal.gr/backOffice/backOfficeFiles/2022-04-21-115740s02218f074dd98ef8bc23788fcfdb4d6.pdf

X’informazzjoni joffri r-reġistru kummerċjali?

Ir-Reġistru jirreġistra d-divulgazzjonijiet kollha ta’ dokumenti kummerċjali u d-data ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata u ta’ impriżi individwali, ta’ fergħat f’pajjiżi tal-UE kif ukoll fergħat f’pajjiżi terzi. Dawn id-divulgazzjonijiet huma msemmija fil-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-kumpaniji u fid-Direttiva (UE) 2017/1132. Is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali jservi bħala l-“Gazzetta Nazzjonali għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali”. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ tali persuni, kif imsemmija fl-Artikolu 16(1) tal-Liġi Nru 4919/22, huma obbligati jirreġistraw fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali.

Tista’ tfittex fis-sit web tar-Reġistru għal informazzjoni divulgata mit-tipi ta’ negozji li ġejjin:

(a) Kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (anonymes etaireies - A.E.), kif previst mil-Liġi 4548/2018 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 104).

(b) Kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata (etaireies periorismenis efthynis - EPE), kif previst mil-Liġi 3190/1955 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 91).

(c) Kumpaniji b’kapital privat (idiotikes kefalaiouchikes etaireiesIKE), kif previst mil-Liġi 4072/2012 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 86).

(d) Soċjetajiet f’isem kollettiv (omorrythmes etaireies) jew soċjetajiet limitati (eterrorythmes etaireies) (ordinarji jew b’kapital azzjonarju), kif previst mil-Liġi 4072/2012.

(e) Kooperattivi rregolati mid-dritt ċivili (astikoi synetairismoi), kif previst mil-Liġi 1667/1986 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 196), li jinkludu assoċjazzjonijiet ta’ assigurazzjoni reċiproka, kooperattivi ta’ kreditu, kooperattivi tal-bini u komunitajiet tal-enerġija.

(f) Intrapriżi kooperattivi soċjali (koinonikes synetairistikes epicheiriseis) u kooperattivi tal-impjegati (synetairismoi ergazomenon), kif previst mil-Liġi 4430/2016 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 205).

(g) Kooperattivi soċjali b’responsabbiltà limitata (koinonikoi synetairismoi periorismenis efthynis), kif previst mill-Artikolu 12 tal-Liġi 2716/1999 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 96).

(h) Kumpaniji tad-dritt ċivili ta’ interess ekonomiku (astikes etaireies me oikonomikou skopou), kif previst mill-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili u fl-Artikolu 270 tal-Liġi 4072/2012.

(i) Gruppi Ewropej b’interess ekonomiku, kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/1985 (ĠU L 199, rettifika L 247) li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fil-Greċja.

(j) Kumpaniji Ewropej, kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 (ĠU L 294) li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fil-Greċja.

(k) Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 (ĠU L 207), li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fil-Greċja.

(l) Fergħat jew aġenziji li kumpaniji barranin fil-forma ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata u soċjetajiet limitati b’kapital azzjonarju li l-kwartieri ġenerali tagħhom jinsabu fi Stat Membru tal-UE, għandhom fil-Greċja.

(m) Fergħat jew aġenziji li kumpaniji barranin li l-kwartieri ġenerali tagħhom jinsabu f’pajjiż terz u li għandhom forma ġuridika simili għal dik tal-kumpaniji barranin imsemmija hawn fuq fil-paragrafu (l), għandhom fil-Greċja.

(n) Fergħat jew aġenziji li permezz tagħhom il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ tali persuni li għandhom il-post prinċipali tan-negozju jew il-kwartieri ġenerali tagħhom f’pajjiż barrani u li ma jaqgħux taħt il-punti (l) jew (m) iwettqu tranżazzjonijiet fil-Greċja.

(o) Konsorzji, kif previst mill-Artikolu 293 tal-Liġi 4072/2012, (p) impriżi individwali orjentati lejn il-profitt li għandhom stabbiliment fil-Greċja u li: (i) ikunu involuti b’mod regolari fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali f’isimhom; jew (ii) jiddistribwixxu oġġetti jew servizzi jew jaġixxu bħala aġenti għad-distribuzzjoni tagħhom, b’riskju ta’ negozju, jew permezz ta’ infrastruttura organizzata jew permezz tal-ingaġġ ta’ persuni terzi.

Min għandu d-dritt li jaċċessa r-reġistru?

1. Id-dokumenti u d-data li kumpanija jew fergħa tissottometti bħala parti mill-istabbiliment ta’ kumpanija, ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni jinħażnu mir-Reġistru f’format li jista’ jinqara mill-magni tat-tiftix jew bħala data strutturata.

2. Kwalunkwe parti interessata tista’ tirċievi, esklużivament f’forma elettronika, ċertifikati, kopji jew estratti ta’ dokumenti u data mill-fajls ta’ dawk obbligati li jirreġistraw, malli jissottomettu, esklużivament f’forma elettronika, applikazzjoni lid-dipartiment tar-Reġistru kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 11 tal-Liġi 2690/1999 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 45). Iċ-ċertifikati, il-kopji jew l-estratti msemmija hawn fuq jinħarġu esklużivament f’forma elettronika. Bl-istess mod, kwalunkwe parti interessata tista’ titlob kopji, estratti jew ċertifikati tad-dokumenti u tad-data li jinżammu fil-fajl u li ma jiġux ippubblikati fuq is-sit web tar-Reġistru. Ir-Reġistru ma huwiex meħtieġ li joħroġ kopji ta’ dokumenti u data mill-fajls ta’ dawk obbligati li jirreġistraw, jekk tali dokumenti u data kienu ġew sottomessi fuq karta qabel il-31 ta’ Diċembru 2006.

X’tip ta’ informazzjoni tiġi rreġistrata fir-reġistru kummerċjali Grieg?

Liema tipi ta’ data huma maħżuna (liema entitajiet jiġu rreġistrati fir-reġistru pubbliku, informazzjoni dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza, rapporti finanzjarji...)?

Id-dokumenti u d-data li jiġu ppubblikati u li jistgħu jiġu ddivulgati lil kwalunkwe parti terza kkonċernata huma tal-anqas dawn li ġejjin:

1. Id-dokumenti u d-data li ġejjin jiġu ppubblikati fir-Reġistru fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 16(1)(a) sa (c), (e) sa (g) u (i) sa (k) tal-Liġi 4919/22, li l-kwartieri ġenerali tagħhom jinsabu fil-Greċja:

(a) l-att ta’ kostituzzjoni, l-istatuti u, fejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-maniġment;

(b) l-emendi tal-istatuti u t-test konsolidat sħiħ tal-istatuti;

(c) il-ħatra, it-terminazzjoni tal-kariga u d-dettalji, kif previst mill-Artikolu 33(2), tal-persuni li, bħala korp ikkostitwit skont il-liġi jew bħala membri ta’ tali korp:

(i) huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ partijiet terzi. Fl-eventwalità li dan jirrigwarda iktar minn persuna waħda, l-entrata rilevanti trid tiddikjara jekk dawn il-persuni jistgħux jaġixxu waħedhom jew jekk iridux jaġixxu flimkien;

(ii) jirrappreżentaw lill-kumpanija quddiem qorti; u

(iii) jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, is-superviżjoni jew il-kontroll tal-kumpanija;

(d) tal-inqas darba f’sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn l-att ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, sakemm żieda fil-kapital sottoskritt ma tkunx teħtieġ emenda tal-istatuti;

(e) id-dokumenti ta’ kontabbiltà għal kull sena finanzjarja li huma mandatorji skont id-Direttivi tal-Kunsill 86/635/KEE (ĠU L 372) dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, 91/674/KEE (ĠU L 374) dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni, u 2013/34/UE (ĠU L 182) dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE;

(f) kwalunkwe bidla fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija;

(g) l-istralċ u l-irkupru tal-kumpanija;

(h) kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kumpanija mill-qrati;

(i) il-ħatra u d-dettalji tal-likwidaturi, f’konformità mal-Artikolu 33(2) u (3);

(j) ir-rapporti finanzjarji għall-ftuħ u l-għeluq tal-likwidazzjoni u t-tneħħija mir-Reġistru;

(k) l-għadd ta’ azzjonijiet tas-soċji kif ukoll id-dettalji sħaħ tal-persuni msemmija hawn fuq.

2. Id-dokumenti u d-data li ġejjin jiġu ppubblikati fir-Reġistru fir-rigward tal-impriżi individwali kif imsemmija fl-Artikolu 16(1)(d), (h) u (o) tal-Liġi 4919/22, li l-kwartieri ġenerali tagħhom jinsabu fil-Greċja:

(a) il-memorandum ta’ assoċjazzjoni u l-emendi tiegħu, f’forma konsolidata;

(b) l-iskop;

(c) l-isem tal-kumpanija u l-isem fil-qosor;

(d) l-indirizz sħiħ tal-kwartieri ġenerali;

(e) id-dettalji tas-soċji, f’konformità mal-Artikolu 33(2) u (3), il-ħatra ta’ direttur maniġerjali u l-firxa tas-setgħat tad-direttur maniġerjali. Jekk il-persuni msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu entitajiet ġuridiċi, id-data ppubblikata tkun in-numru tar-Reġistru, jekk ikun hemm, id-dettalji ewlenin ta’ identifikazzjoni, bħall-isem tal-kumpanija, il-forma ġuridika u l-kwartieri ġenerali, u d-dettalji tal-persuna fiżika li tirrappreżenta l-persuni ġuridiċi;

(f) l-irtirar jew l-esklużjoni ta’ soċju;

(g) kwalunkwe bidla fir-rati ta’ parteċipazzjoni tas-soċji fil-profitti u t-telf tal-kumpanija;

(h) l-istralċ u l-irkupru tal-kumpanija;

(i) kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kumpanija mill-qrati;

(j) il-ħatra u d-dettalji tal-likwidaturi, f’konformità mal-Artikolu 33(2) u (3);

(k) ir-rapporti finanzjarji annwali, jekk jinħolqu ċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 1(2)(b) u (c) tal-Liġi 4308/2014 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 251) dwar l-applikazzjoni tal-istandards tal-kontabbiltà Griegi;

(l) ir-rapporti finanzjarji għall-ftuħ u l-għeluq tal-likwidazzjoni u t-tneħħija mir-Reġistru.

3. Id-dokumenti u d-data li ġejjin jiġu ppubblikati fir-Reġistru fir-rigward tal-fergħat fl-UE kif imsemmija fl-Artikolu 16(1)(l) u (n) tal-Liġi 4919/22:

(a) l-att ta’ kostituzzjoni u l-istatuti jekk ikunu jinsabu f’att separat, flimkien mal-emendi tiegħu;

(b) attestazzjoni mir-reġistru li fih tkun ġiet irreġistrata l-kumpanija (ċertifikat ta’ affidabbiltà tajba mill-awtorità kompetenti jew mir-reġistru kummerċjali tal-pajjiż ta’ oriġini);

(c) l-indirizz postali tal-fergħa;

(d) l-indikazzjoni tal-attivitajiet tal-fergħa;

(e) ir-reġistru li fih ikun infetaħ il-fajl imsemmi fl-Artikolu 21(2) għall-kumpanija, kif ukoll l-identifikatur uniku Ewropew (EUID);

(f) l-isem tal-kumpanija u l-forma ġuridika tagħha, u l-isem tal-fergħa jekk differenti mill-isem tal-kumpanija;

(g) il-ħatra, it-terminazzjoni ta’ kariga u d-dettalji, kif previst mill-Artikolu 33(2) u (3), tal-persuni li huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali bħala:

(i) korpi tal-kumpaniji kkostitwiti skont il-liġi jew il-membri ta’ tali korp, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-kumpanija skont l-Artikolu 14(d) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 (ĠU L 169) dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji;

(ii) rappreżentanti permanenti tal-kumpanija għall-attivitajiet tal-fergħa, bl-indikazzjoni tal-grad tas-setgħat tagħhom;

(h) l-istralċ tal-kumpanija, il-ħatra tal-likwidaturi, id-dettalji tagħhom u tas-setgħat tagħhom u t-terminazzjoni tal-likwidazzjoni f’konformità mad-divulgazzjoni mill-kumpanija kif previst mill-Artikolu 35(h), (j) u (k), il-proċedimenti ta’ insolvenza, l-arranġamenti, il-kompożizzjonijiet jew kwalunkwe proċediment analogu li għalih tkun soġġetta l-kumpanija;

(i) id-dokumenti ta’ kontabbiltà (ir-rapporti finanzjarji) tal-kumpanija, kif imħejjija, ivverifikati u ppubblikati f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-kumpanija, f’konformità mad-Direttivi 2013/34/KEE (ĠU L 182) u 2006/43/KEE (ĠU L 157) dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE;

(j) l-għeluq tal-fergħa.

3. Id-dokumenti u d-data li ġejjin jiġu ppubblikati fil-G.E.MI. fir-rigward tal-fergħat fl-UE kif previst mill-Artikolu 16(1)(m) u (n) tal-Liġi 4919/22:

(a) l-att ta’ kostituzzjoni u l-istatut ta’ assoċjazzjoni jekk ikunu jinsabu f’att separat, flimkien mal-emendi tiegħu;

(b) l-indirizz postali tal-fergħa;

(c) l-indikazzjoni tal-attivitajiet tal-fergħa;

(d) il-liġi tal-Istat li tirregola l-kumpanija;

(e) in-numru ta’ reġistrazzjoni ta’ kumpanija fi kwalunkwe reġistru li ż-żamma tiegħu hija prevista mil-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-kumpanija;

(f) il-forma ġuridika tal-kumpanija, il-post prinċipali tan-negozju tagħha u l-għan tagħha u, mill-inqas kull sena, l-ammont ta’ kapital sottoskritt jekk dawk id-dettalji ma jingħatawx fl-att ta’ kostituzzjoni jew fl-istatut ta’ assoċjazzjoni;

(g) l-isem tal-kumpanija u l-isem tal-fergħa jekk differenti mill-isem tal-kumpanija;

(h) il-ħatra, it-terminazzjoni ta’ kariga u d-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-persuni li huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali:

(i) bħala korpi tal-kumpaniji kkostitwiti skont il-liġi jew bħala membri ta’ kwalunkwe korp bħal dan,

(ii) bħala rappreżentanti permanenti tal-kumpanija għall-attivitajiet tal-fergħa, b’indikazzjoni tal-firxa tas-setgħat tagħhom u jekk jistgħux jeżerċitaw dawn is-setgħat waħedhom;

(i) l-istralċ tal-kumpanija, il-ħatra tal-likwidaturi, id-dettalji tagħhom u tas-setgħat tagħhom u t-terminazzjoni tal-likwidazzjoni f’konformità mad-divulgazzjoni mill-kumpanija kif previst mill-Artikolu 35(h), (j) u (k), il-proċedimenti ta’ insolvenza, l-arranġamenti, il-kompożizzjonijiet jew kwalunkwe proċediment analogu li għalih tkun soġġetta l-kumpanija;

(j) id-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-kumpanija, bħar-rapporti finanzjarji, kif imħejjija, ivverifikati u ppubblikati f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-kumpanija. Fil-każ li l-liġi tal-Istat Membru ma tipprevedix it-tħejjija ta’ dokumenti tal-kontabbiltà b’mod ekwivalenti għal-liġi Griega u tal-UE, huma meħtieġa d-dokumenti tal-kontabbiltà, bħar-rapporti finanzjarji, għall-attivitajiet tal-fergħa;

(k) l-għeluq tal-fergħa.

Liema dokumenti jiġu ppreżentati/maħżuna (fajls, ġabriet ta’ dokumenti, statuti, minuti ta’ laqgħat ġenerali, eċċ.)?

Jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin:

  • Ir-rapporti finanzjarji f’ESEF
  • Ir-rapporti finanzjarji f’XBRL u f’xHTML
  • Il-minuti tal-Laqgħat Ġenerali jew tal-Laqgħat tas-Soċji jew tas-Soċju uniku f’format pdf
  • Il-minuti tal-Bord tad-Diretturi jew tad-Diretturi Maniġerjali u/jew tal-Maniġers f’format pdf
  • Id-dikjarazzjonijiet elettroniċi tar-rappreżentanti legali mingħajr format stampat
  • Il-pjanijiet ta’ konverżjoni nazzjonali jew transfruntieri għall-kumpaniji (fużjonijiet, diviżjonijiet u konverżjonijiet)
  • Ir-rapporti tal-esperti (awdituri statutorji) għal kull fini legali

Kif nista’ nagħmel tfittxija (u x’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli)?

Personalment

Id-dokumenti, id-data u d-dettalji jinżammu f’forma diġitali u għalhekk ma huwiex meħtieġ li tmur personalment fid-dipartimenti tar-Reġistru.

Fuq is-sit web tar-Reġistru

Tista’ tfittex kwalunkwe divulgazzjoni kummerċjali fuq is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali.

X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?

Tista’ tagħmel tfittxija billi tuża wieħed mill-elementi ta’ informazzjoni li ġejjin dwar il-kumpanija:

  • In-Numru ta’ Identifikazzjoni tat-Taxxa (A.F.M. - abbrevjazzjoni Griega) jew
  • In-numru tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (Γ.Ε.ΜI.) jew
  • Isem il-kumpanija jew
  • L-isem fil-qosor

Kif nista’ nikseb id-dokumenti?

Mingħajr ħlas?

L-informazzjoni li ġejja relatata mal-kumpanija hija disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web tar-Reġistru, u permezz tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS):

(a) l-isem, l-isem jew l-ismijiet fil-qosor u l-forma ġuridika tal-kumpanija;

(b) l-uffiċċju rreġistrat tagħha u l-Istat Membru fejn tkun irreġistrata;

(c) in-numru tar-Reġistru tagħha u l-identifikatur uniku Ewropew (EUID);

(d) id-dettalji tas-sit web, l-istatus tal-kumpanija, jiġifieri jekk hijiex attiva, jekk issospendietx ir-reġistrazzjonijiet, jekk hix qed tiġi stralċjata, jekk hijiex f’likwidazzjoni, jekk tneħħietx mir-reġistru jew jekk waqfitx l-operazzjonijiet tagħha;

(e) l-iskop tal-kumpanija;

(f) id-dettalji tad-diretturi tagħha;

(g) id-data relatata mal-fergħat tagħha fl-Istati Membri tal-UE.

Barra minn hekk, kwalunkwe parti interessata tista’ taċċessa mingħajr ħlas, tniżżel, taħżen b’mod diġitali fit-tagħmir elettroniku tagħha u tipprintja jew b’mod ieħor tirriproduċi kwalunkwe dokument, informazzjoni jew avviż imtella’ fis-sit web tar-Reġistru għall-konsultazzjoni pubblika mid-dipartiment tar-Reġistru jew awtomatikament mill-persuni meħtieġa li jagħmlu dan.

Bi ħlas?

Kwalunkwe parti interessata tista’ tikseb kopji, estratti u ċertifikati ċċertifikati mir-Reġistru bi ħlas minn qabel ta’ tariffa għal kwalunkwe dokument, data, kopja, estratt jew ċertifikat.

Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja ċertifikata jew traskrizzjoni tad-dokumenti?

Jekk kwalunkwe parti interessata tixtieq tikseb ċertifikati uffiċjali (awtentiċi) jew kopji ta’ dokumenti jew data rreġistrata fl-entrata ta’ kumpanija fir-Reġistru, tista’ tirreġistra mingħajr ħlas mad-dipartiment ta’ kuntatt tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali.

Tista’ tirreġistra permezz tal-iperlinks li ġejjin:

(A) Bħala persuna fiżika https://services.businessportal.gr/welcomeNonGemi/nonGemiRegistrationForm

(B) Bħala persuna ġuridika https://services.businessportal.gr/welcomeNonGemi/nonGemiRegistrationForm

Tista’ tikseb ċertifikati jew kopji uffiċjali ta’ dokumenti u dettalji bi ħlas minn qabel ta’ EUR 5.00 permezz tal-applikazzjoni elettronika rilevanti msemmija iktar ’il fuq. Iċ-ċertifikati jew il-kopji tad-dokumenti jew tad-data rilevanti jintbagħtu b’żewġ modi differenti: b’mod diġitali permezz tal-applikazzjoni ta’ kuntatt tar-Reġistru, jew bil-posta lid-destinatarju, kullimkien fid-dinja.

Proċedura ta’ reġistrazzjoni

Kif nista’ nibda l-proċedura ta’ reġistrazzjoni (kif nippreżenta applikazzjonijiet lir-reġistru, iċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti, it-tip ta’ dokumenti li jridu jkunu mehmuża)?

Personalment

Il-proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ dokumenti jew ta’ data fir-Reġistru titwettaq mill-bogħod u kompletament b’mod elettroniku. Għalhekk, ma huwiex possibbli li wieħed imur personalment.

Online

Il-proċedura għas-sottomissjoni tad-dokumenti u tad-data ssir kompletament b’mod elettroniku.

Kull entità ġiet iċċertifikata fis-sistema tar-Reġistru għas-sottomissjoni ta’ dokumenti u data. L-entità (ir-rappreżentant legali jew awtorizzat tagħha) tidħol fis-Sistema ta’ Informazzjoni tar-Reġistru u tagħżel l-applikazzjoni elettronika xierqa. Kull applikazzjoni hija standardizzata u titlob (telenka) għadd ta’ dokumenti u data li għandhom jiġu sottomessi.

Kif jiġu rrieżaminati l-applikazzjonijiet sottomessi?

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jaqgħu f’żewġ kategoriji ġenerali:

(A) applikazzjonijiet li huma soġġetti għal rieżami tal-legalità, u

(B) applikazzjonijiet li huma soġġetti għal rieżami tal-kompletezza.

L-applikazzjonijiet li huma soġġetti għal rieżami tal-legalità jiġu indirizzati lil uffiċjal kompetenti tad-dipartiment tar-Reġistru, li jwettaq ir-rieżami tal-legalità tad-dokument sottomess u, jekk ma jkun hemm l-ebda impediment, japprova u jirreġistra l-applikazzjoni. Is-sistema tirreġistra d-dokument, toħloq entrata unika, toħroġ kodiċi ta’ reġistrazzjoni u tipproduċi awtomatikament mudell ta’ avviż standardizzat.

L-applikazzjonijiet li huma soġġetti għal rieżami tal-kompletezza huma rreġistrati fir-Reġistru awtomatikament, mingħajr intervent mill-bniedem, immedjatament wara li l-entità tissottomettihom. Is-sistema ta’ informazzjoni twettaq serje ta’ kontrolli biex tivverifika l-kompletezza tad-dokument f’konformità mal-liġi.

Effetti legali tar-reġistrazzjoni

Effett tal-entrati fuq partijiet terzi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2017/1132

Huwa obbligatorju għall-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 16(1) tal-Liġi 4919/22, f’każijiet għajr dawk previsti fil-paragrafi (l), (m), (n) u (p), li jirreġistraw u jippubblikaw fir-Reġistru fatti legali, rapporti, dokumenti u informazzjoni oħra sabiex jipproduċu l-effetti legali li ġejjin:

(a) il-kisba ta’ personalità ġuridika jekk ikunu fil-proċess li jiġu stabbiliti;

(b) l-emendi tal-istatuti tagħhom;

(c) it-tlestija tal-fużjoni, tad-diviżjoni jew tal-konverżjoni tagħhom;

(d) l-istralċ tagħhom, wara deċiżjoni tas-soċji tagħhom jew wara l-ħruġ tal-att amministrattiv rilevanti;

(e) l-irkupru tagħhom, jekk ikunu f’likwidazzjoni, kif ukoll fil-każijiet fejn ma jitkomplewx il-proċedimenti ta’ falliment minħabba s-sodisfar tal-pretensjonijiet tal-kredituri tagħhom, ta’ kwittanza, jew fi kwalunkwe każ ieħor fejn ikun previst l-irkupru ta’ persuna ġuridika;

(f) it-telf ta’ personalità ġuridika mar-reġistrazzjoni tat-tneħħija tal-persuna ġuridika mir-Reġistru;

(g) ir-reġistrazzjoni mill-ġdid fir-Reġistru u l-ftuħ ta’ proċedimenti ġodda ta’ stralċ f’konformità mal-Artikolu 28(4).

Persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ tali persuni kif imsemmi fl-Artikolu 16 tal-Liġi 4919/22 ma jistgħux jiddependu fuq dokumenti u data li fir-rigward tagħhom ma jkunux ġew irrispettati l-formalitajiet ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 17, kontra partijiet terzi, sakemm ma jagħtux prova li l-partijiet terzi msemmija kienu konxji minn dawn id-dokumenti u d-data.

Diskrepanzi bejn l-entrata fir-Reġistru u l-pubblikazzjoni tagħha

Jekk it-test divulgat ma jkunx konsistenti mad-dokument jew mad-data ppreżentata fir-Reġistru, il-persuni msemmija fl-Artikolu 16(1) sa (4) ma jistgħux jiddependu fuqu kontra partijiet terzi. Il-partijiet terzi jistgħu jiddependu fuq id-data divulgata sakemm il-persuni msemmija hawn fuq ma jġibux prova li l-partijiet terzi msemmija kienu jafu bit-test ippreżentat fir-Reġistru.

Il-partijiet terzi jistgħu jibbażaw, f’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, fuq dokumenti jew data li fir-rigward tagħha l-formalitajiet ta’ divulgazzjoni jkunu għadhom ma ġewx kompluti, sakemm in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ma jagħmilx dawn id-dokumenti invalidi.

Jekk ikun hemm diskrepanza bejn id-data tal-preżentazzjoni u d-data tad-divulgazzjoni, id-data tad-divulgazzjoni titqies bħala d-data tal-preżentazzjoni għall-finijiet tal-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-użu tad-drittijiet u r-rimedji legali.

Min hu responsabbli għall-akkuratezza tar-rekords?

Id-dipartiment tar-Reġistru kompetenti huwa responsabbli għall-akkuratezza tar-rekords. B’mod aktar speċifiku, f’konformità mal-Artikolu 20 tal-Liġi 4919/22, id-dipartiment tar-Reġistru kompetenti huwa responsabbli għal dan li ġej:

(a) ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ dawk obbligati jirreġistraw skont l-Artikolu 16;

(b) kull preżentazzjoni u divulgazzjoni relatati ma’ dawk obbligati li jirreġistraw;

(c) ir-riċevuta, ir-reġistrazzjoni, jekk ma ssirx b’mod elettroniku, ir-rieżami tal-kompletezza u, fejn meħtieġ, tal-legalità tal-applikazzjonijiet rilevanti, tad-dokumenti ta’ akkumpanjament, tal-informazzjoni jew tar-rapporti, kif ukoll il-verifika tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-isem u tal-isem fil-qosor, u r-riżerva ta’ dawk l-ismijiet, f’konformità mal-Artikolu 55(3);

(d) it-tweġiba għall-mistoqsijiet sottomessi permezz tal-BRIS dwar id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 33, 35 u 39;

(e) il-ħruġ ta’ ċertifikati, kopji u estratti, f’konformità mal-Artikolu 46(3);

(f) it-twettiq ta’ kontrolli ta’ kampjuni fuq l-istabbiliment ta’ kumpaniji permezz tas-Servizz Elettroniku ta’ Punt Uniku ta’ Servizz (e-YMS) u l-preżentazzjoni awtomatika fir-Reġistru li jsiru f’konformità mal-Artikolu 26(4).

Proċeduri għall-protezzjoni tad-data

Proċeduri relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data rigward l-iżvelar u l-ħżin tad-data personali tiegħu

Jekk ir-Reġistru jipproċessa d-data personali, id-Dipartiment għall-Appoġġ u l-Iżvilupp tas-Sistemi tal-Informazzjoni għar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.) u s-Servizz ta’ Punt Uniku ta’ Servizz tal-Unjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ Griegi huwa l-kontrollur tad-data, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119) u l-Liġi 4624/2019 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 137), flimkien mal-Artikolu 47 tal-Liġi 4623/2019 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 134), dwar id-data tas-settur pubbliku.

Informazzjoni ta’ kuntatt

Il-Ministeru għall-Iżvilupp u l-Investiment

Is-Segretarjat Ġenerali għall-Kummerċ

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ Domestiku u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Indirizzi tal-kumpanija:

Pl. Kaningos, 10181 ATENI

email: companylaw@mindev.gov.gr

Indirizzi tal-web utli

Pubblikazzjoni Elettronika mir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI)

Reġistrazzjoni ta’ membri tal-pubbliku għas-servizzi online tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

Reġistrazzjoni ta’ negozji fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

Verifika tal-awtentiċità taċ-ċertifikati u l-kopji maħruġa mir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

Leġiżlazzjoni dwar ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

L-aħħar aġġornament: 12/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.