Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna id-Daniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Danimarka

Din it-taqsima tippreżenta ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru tan-negozju tad-Danimarka

Il-kontenut ipprovdut minn
Danimarka

L-Awtorità tan-Negozju Daniża [Erhvervsstyrelsen]

L-Istorja tar-Reġistru tan-Negozju Daniż

L-Awtorità tan-Negozju Daniża ġiet stabbilita fl-1 ta' Jannar 2012.

L-Awtorità tan-Negozju Daniża għandha bejn wieħed u ieħor 700 impjegat. Il-kompiti tal-Awtorità tan-Negozju Daniża qabel kienu jsiru mill-Aġenzija tal-Kummerċ u l-Kumpaniji [Erhvervs- og Selvskabsstyrelsen], l-Awtorità tal-Intrapriżi u l-Kostruzzjoni [Erhvervs- og Byggestyrelsen], u l-Aġenzija tal-IT u t-Telekomunikazzjonijiet [IT- og Telestyrelsen].

L-Awtorità tan-Negozju Daniża hija parti mill-Ministeru Daniż għan-Negozju u t-Tkabbir [Erhvervs- og Vækstministeriet].

X'joffri r-Reġistru tan-Negozju Daniż?

Fis-sit erhvervsstyrelsen.dk, tista' ssib informazzjoni dwar l-oqsma ta' ħidma tal-Awtorità, inkluż ir-Reġistru tan-Negozju Daniż CVR.dk.

CVR.dk huwa l-punt ta' aċċess ċentralizzat għall-informazzjoni u d-dejta dwar in-negozji kollha fid-Danimarka. Irrispettivament mit-tip ta' negozju, tista' ssib informazzjoni kemm dwar in-negozju nnifsu (magħruf ukoll bħala l-entità ġuridika) u kemm dwar l-unitajiet ta' produzzjoni tagħha.

Għal ċerti tipi ta' negozju – b'mod partikolari kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata u kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata – tista' ssib iktar informazzjoni: Kontijiet, fatti u rapporti dwar in-negozju u n-nies li jġestuh.

Id-Danimarka hija wkoll membru tar-Reġistru tan-Negozju Ewropew (EBR). Min ma jafx bid-Daniż jista' jmur ir-Reġistru tan-Negozju Ewropew (EBR) biex ifittex informazzjoni dwar in-negozji Daniżi bil-lingwa tiegħu. L-EBR fih informazzjoni dwar kważi l-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

L-aċċess għar-Reġistru tan-Negozju Daniż huwa b'xejn?

Huwa b'xejn biex tikseb informazzjoni bażika, rapporti tal-kumpaniji, rapporti sħaħ, u rekords tar-Reġistru tan-Negozju Ċentrali [CVR-udskrifter]. Tista' wkoll tixtri informazzjoni oħra dwar il-kumpaniji bħall-kontijiet. Il-prodotti li ġejjin huma disponibbli b'xejn għal kulħadd:

Ir-rekords tar-Reġistru tan-Negozju Ċentrali

Informazzjoni dwar l-indirizz privat ta' azzjonist kompletament responsabbli, meta dan l-indirizz ma jkunx l-istess bħall-indirizz tan-negozju, tiġi żvelata wara talba.

Postijiet tan-negozju

"Postijiet tan-negozju" tagħti ħarsa ġenerali lejn l-unitajiet ta' produzzjoni assoċjata bl-informazzjoni li ġejja dwar l-unitajiet ta' produzzjoni:

  • L-isem, l-indirizz u l-lokalità fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat
  • It-tip ta' negozju
  • Il-qasam fejn joperaw
  • L-għadd ta' impjegati

Ir-rapport tal-kumpanija

Ir-rapport tal-kumpanija fih:

  • In-numru tar-Reġistru tan-Negozju Ċentrali (jew in-numru tar-Reġistrazzjoni għall-kumpaniji Greenlandiżi)
  • L-isem, l-indirizz u l-lokalità fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija
  • Ismijiet sussidjarji
  • Informazzjoni dwar kwotazzjoni fil-borża
  • L-awtorità firmatarja
  • L-istatus
  • Il-persuni involuti (il-fundaturi, il-maniġment, il-bord) - mingħajr indirizzi
  • Il-perjodu kontabilistiku
  • Id-data tal-aħħar kontijiet ippubblikati

Ir-rapport sħiħ

Ir-rapport sħiħ fih kulma hemm fir-rapport tal-kumpanija, flimkien ma':

  • L-istqarrija tal-fini
  • Il-persuni involuti (il-fundaturi, il-maniġment, il-bord) bl-indirizzi
  • L-awditjar
  • Il-kapital azzjonarju
  • Id-data tal-inkorporazzjoni
  • Id-data tal-aħħar tliet kontijiet ippubblikati
  • Is-sena kontabilistika
  • Informazzjoni storika

Lista qasira ta' persuni

Il-funzjonalità tal-ippaġnar turi l-affiljazzjonijiet ta' persuna ma' kumpanija

Lista espansiva ta' persuni

Il-funzjonalità tal-ippaġnar espansiv turi wkoll informazzjoni dwar il-lista sħiħa ta' persuni involuti f'kumpanija.

Bank ta' Dejta

Il-Bank ta' Dejta jista' jipprovdi dejta strutturata fuq il-bażi ta' kriterji speċifikati.

L-informazzjoni li trid tintuża tista' tiġi ordnata permezz tal-Bank ta' Dejta, irrispettivament minn jekk tkunx informazzjoni dwar kumpanija waħda jew l-affiljazzjoni ta' persuna ma' kumpaniji, jew lista ta' negozji f'żona ġeografika jew ċertu industrija. Tista' anke tipproduċi estratt jew lista bil-kriterji tiegħek stess billi żżur il-Bank tad-Dejta. Huwa faċli u ma jiħux żmien.

Massa ta' estratti

Ir-Reġistru tan-Negozju Ċentrali joffri massa ta' estratti. Dawn jipprovdu aċċess faċli għal estratt tar-Reġistru tan-Negozju Ċentrali, fejn tista' tikseb dejta tar-Reġistru tan-Negozju Ċentrali minn lista ta' numri tar-Reġistru tan-Negozju Ċentrali jew numri ta' Unitajiet ta' produzzjoni. Huwa possibbli wkoll li tipproduċi estratti uniċi.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti fir-reġistru?

L-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Kumpaniji jittrasponi l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva dwar id-Dritt tal-Kumpaniji fil-liġi Daniżi tal-kumpaniji, u jiddeskrivi kif ir-rekords huma affidabbli. L-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Kumpaniji jgħid:

"Informazzjoni ppubblikata fis-sistema tal-IT tal-Awtorità tan-Negozju Daniża titqies li tkun magħrufa minn partijiet terzi. Il-Punt 1. Madankollu dan ma japplikax għal tranżazzjonijiet li jsiru fi żmien 16-il jum minn meta ssir pubblika, sakemm jintwera li parti terza ma setgħetx tkun taf biċ-ċirkostanzi li ġew ippubblikati.

Sakemm ma jkunux ġew ippubblikati fis-sistema tal-IT tal-Awtorità tan-Negozju Daniża, iċ-ċirkostanzi li jridu jiġu rreġistrati u ppubblikati ma jistgħux jiġu eżegwiti kontra partijiet terzi, sakemm ma jintweriex li l-partijiet terzi kienu jafu bihom. Il-fatt li ċirkostanzi ta' dan it-tip ikunu għadhom ma ġewx ippubblikati ma jipprevjenix lil parti terza milli tipproċedi abbażi tagħhom."

Responsabbiltà għall-preċiżjoni tar-rekords

In-notifikatur huwa responsabbli għall-preċiżjoni tal-informazzjoni irrapurtata, ara l-Artikolu 8 tal-Ordni tan-Notifika [anmeldelsesbekendtgørelsen], u l-Artikolu 15(2) tal-Att dwar il-Kumpaniji. In-notifikatur jista' jkun kriminalment responsabbli jekk in-notifika ma tkunx saret legalment, jew jekk l-informazzjoni rrappurtata tkun skorretta.

L-Awtorità tan-Negozju Daniża ma tivverifikax il-preċiżjoni tal-informazzjoni rrappurtata, imma tirreġistra l-informazzjoni li tkun irrappurtata lilha. Dan ikun il-każ irrispettivament minn jekk il-kwistjoni kkonċernata tkunx reġistrazzjoni manwali jew awtoreġistrazzjoni li saret f'virk.dk.

L-Awtorità tan-Negozju Daniża tista' tkun responsabbli għad-danni għall-użu ta' informazzjoni rrappurtata jew dokumenti li jkunu skorretti minħabba fattur amministrattiv, bħal żball fl-ipproċessar.

Ħoloq Relatati

L-Awtorità tan-Negozju Daniża

Ir-Reġistru tan-Negozju Ċentrali

Il-Ministeru Daniż għan-Negozju u t-Tkabbir

Ir-Reġistru tan-Negozju Ewropew (EBR)

L-aħħar aġġornament: 07/11/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna