Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-reġistri kummerċjali fil-Bulgarija u r-reġistru BULSTAT. Il-Bulgarija tiggarantixxi li dawn ir-reġistri jimxu mal-prinċipji tal-pubbliċità, it-trasparenza u s-sigurtà tal-informazzjoni.
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ir-reġistru kummerċjali Bulgaru/reġistru ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ (ТРРЮЛНЦ - TRRYULNTs) huwa amministrat mill-Aġenzija tar-Reġistri fil-Ministeru tal-Ġustizzja. Irreġistrati fit-TRRYULNTs hemm operaturi tas-suq, fergħat ta’ operaturi tas-suq barranin, entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ u fergħat ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, flimkien mad-dettalji dwarhom li jridu jiġu rreġistrati skont il-liġi. Fit-TRRYULNTS hemm ukoll id-dokumenti li skont il-liġi jridu jinżammu disponibbli għall-ispezzjoni pubblika dwar operaturi tas-suq u fergħat tal-operaturi tas-suq barranin, entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ u fergħat ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ barranin
Ir-reġistru kummerċjali u r-reġistru ta’ entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ jaqsmu bejniethom bażi ta' data elettronika komuni li fiha d-dettalji li l-liġi titlob li jiġu rreġistrati u d-dokumenti li l-liġi titlob li jinżammu disponibbli għall-ispezzjoni pubblika dwar operaturi tas-suq, fergħat ta’ operaturi tas-suq barranin, entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ u fergħat ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ barranin. Il-fajls dwar operaturi tas-suq, fergħat ta’ operaturi tas-suq barranin, entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ u fergħat ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ barranin jinżammu f’forma elettronika. Il-fajls fihom applikazzjonijiet, dokumenti li jissostanzjaw id-dettalji rreġistrati, divulgazzjonijiet u dokumenti oħrajn, li jista’ jkun fihom ukoll data personali li tidentifika lill-individwi li jirrappreżentaw jew jimmaniġġjaw lill-operatur tas-suq jew lill-entità legali mingħajr skop ta’ qligħ inkwistjoni.
Ir-reġistru kummerċjali u r-reġistru ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ huma fl-isfera pubblika. L-aċċess għall-bażi ta’ data tar-reġistri huwa miftuħ għal kulħadd mingħajr ħlas. L-Aġenzija tar-Reġistri tipprovdi aċċess irreġistrat għall-fajl tal-operatur tas-suq jew tal-entità legali mingħajr skop ta’ qligħ. Tali aċċess jista’ jiġi pprovdut fl-uffiċċji lokali tal-Aġenzija wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni u ta’ dokument tal-identità. Il-persuni li jitolbu aċċess elettroniku jridu jidentifikaw lilhom infushom permezz ta’ firma elettronika jew ċertifikat diġitali maħruġ mill-Aġenzija; l-aċċess uffiċjali jingħata skont il-proċedura stipulata f’regolament speċjali. L-Aġenzija tar-Reġistri tipprovdi wkoll aċċess ħieles u miftuħ għad-dettalji u dokumenti permezz tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali.
Ir-reġistru kummerċjali huwa disponibbli l-ġurnata kollha.
Kwalunkwe persuna tista’ tfittex ir-reġistru kummerċjali u r-reġistru tal-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ għal dettall jew dokument partikolari.
Fil-portal TRRYULNTs, it-tiftixiet jistgħu jsiru permezz tal-kriterji li ġejjin:
Huwa possibbli wkoll li l-utenti jfittxu l-bażi ta’ data TRRYULNTs sħiħa skont il-kriterji speċifiċi tagħhom. It-tariffa għat-tiftix fil-bażi ta' data sħiħa hija BGN 100 fis-sena (skont l-iskeda ta’ tariffi tal-Istat miġbura mill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni); għall-awtoritajiet pubbliċi, tali aċċess għall-bażi ta’ data huwa mingħajr ħlas.
Iċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu kemm minn wara l-bank fl-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni kif ukoll elettronikament (it-tariffi jinġabru f'konformità mal-iskeda ta’ tariffi tal-Istat miġbura mill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni).
Il-kopji ta’ dokumenti miżmuma fir-reġistru jistgħu jinħarġu jew minn wara l-bank jew elettronikament (it-tariffi jinġabru f'konformità mal-iskeda ta’ tariffi tal-Istat miġbura mill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni).
Il-Bulgarija adottat il-prinċipji stipulati fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE li tirregola l-validità tad-dħul jew it-tħassir tad-dettalji u l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ operaturi tas-suq/entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ. L-arranġamenti speċifiċi fil-livell nazzjonali huma stipulati fl-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali u r-Reġistru ta’ Entitajiet Legali Mingħajr Skop ta’ Qligħ (ZTRRYULNTs) u l-Att dwar il-Kummerċ.
Skont l-ewwel wieħed, dettall li jiddaħħal fir-reġistru jitqies, mill-ħin li jiddaħħal, li jkun sar magħruf minnterzi persuni li jaġixxu in bona fide. Sa ma jkunu għaddew 15-il jum wara li tkun saret entrata, din ma tistax tiġi użata kontra terzi persuni li jagħtu prova li kien impossibbli għalihom li jkunu konxji tagħha. It-terzi persuni jistgħu jiċċitaw dettall li jrid jiddaħħal fir-reġistru minkejja li l-entrata tkun għadha ma saritx, sakemm il-liġi ma tipprevedix speċifikament li ssir effettiva biss wara d-dħul. Ladarba titħassar, entrata ma tkunx effettiva. Id-dokumenti fit-TRRYULNTs jitqiesu li jkunu saru magħrufa lit-terzi persuni mid-data li jiġu ppubblikati.
Terzi persuni li jaġixxu in bona fide jistgħu jiċċitaw entrata jew pubblikazzjoni, saħansitra jekk id-dettall imdaħħal jew id-dokument ippubblikat ma jkunx jeżisti. B’rabta ma’ terzi persuni li jaġixxu in bona fide, dettalji mhux imdaħħla fir-reġistru jitqiesu li ma jeżistux.
Fl-1 ta’ Jannar 2008 bdiet riforma tal-proċess ta’ reġistrazzjoni, meta daħal fis-seħħ l-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali u beda jaħdem reġistru elettroniku tal-fergħat tal-operaturi tas-suq u tal-operaturi tas-suq barranin. L-operaturi tas-suq kellhom jirreġistraw mill-ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2011.
Skont l-Artikolu 17 tal-Att dwar l-Entitajiet Legali mingħajr Skop ta’ Qligħ, sa mill-1 ta’ Jannar 2018, l-Aġenzija tar-Reġistri żżomm ir-reġistru ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ. § 25(1) tad-Dispożizzjonijiet Tranżizzjonali u Finali tal-Att dwar l-Entitajiet Legali mingħajr Skop ta’ Qligħ jipprevedi li l-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ imdaħħlin fir-reġistru ta’ entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ fil-qrati provinċjali jkollhom l-għażla li jissottomettu applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-ġdid fl-Aġenzija tar-Reġistri sal-31 ta’ Diċembru 2020. Iż-żewġ reġistri jużaw l-istess bażi ta’ data.
Riżultati tar-riforma:
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati jew mal-bank fi kwalunkwe uffiċċju tal-Aġenzija tar-Reġistri jew elettronikament permezz tal-portal TRRYULNTs.
L-applikazzjonijiet f’forma fiżika jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe uffiċċju lokali tal-Aġenzija tar-Reġistri, irrispettivament minn fejn ikun ibbażat l-operatur tas-suq. Ladarba jiġu aċċettati mill-uffiċċji tal-Aġenzija, l-applikazzjonijiet fiżiċi jiġu skennjati u maħżuna bħala hemżiet fis-sistema tal-kompjuter TRRYULNTs. Id-dokumenti mehmuża bħala annessi għall-applikazzjonijiet iridu jkunu oriġinali jew kopji ċċertifikati mill-applikant jew minn nutar pubbliku.
L-applikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe ħin permezz tal-portal TRRYULNTs.
Kull entrata riċevuta biex tiddaħħal fis-sistema tal-kompjuter tat-TRRYULNTs (applikazzjoni, deċiżjoni tal-qorti, talba għall-korrezzjoni ta’ żball, talba għall-ħatra ta’ esperti, verifikaturi, kontrolluri, eċċ.) tingħata numru ta' referenza uniku fil-format “ssssxxjjssmmss” (siegħa, xahar, jum, siegħa, minuta, sekonda). Ladarba applikazzjoni, deċiżjoni tal-qorti jew talba tkun irċeviet in-numru ta' referenza uniku tagħha, is-sistema tal-kompjuter tat-TRRYULNTs tassenjaha b’mod aleatorju lil uffiċjal tar-reġistrazzjoni biex jeżaminaha. L-applikazzjonijiet għad-dħul jew it-tħassir jew għall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti skont l-Artikolu 14 jiġu allokati awtomatikament, skont meta jkunu waslu, ladarba uffiċjal tar-reġistrazzjoni jkun ħareġ mill-applikazzjoni allokata preċedentement u għaldaqstant is-sistema tal-kompjuter tirrikonoxxi li huwa disponibbli.
Skont l-Artikolu 19(2) tal-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali u r-Reġistru ta’ Entitajiet Legali mingħajr Skop ta’ Qligħ (ZTRRYULNTs), l-uffiċjal tar-reġistrazzjoni joħroġ deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jew it-tħassir u l-applikazzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ dokument minnufih wara li jiskadu tlett ijiem tax-xogħol wara l-wasla tagħhom, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ewwel darba tal-operaturi tas-suq jiġu eżaminati sa tmiem il-ġurnata tax-xogħol wara dik li fiha jkunu tressqu lir-reġistru kummerċjali, u tinħareġ deċiżjoni minnufih wara li tiġi eżaminata l-applikazzjoni, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 22(5) ZTRRYULNTs, fejn tinħareġ struzzjoni. L-applikazzjonijiet biex jiġu ppubblikati kontijiet annwali u rapporti, fejn meħtieġ mil-liġi, jiġu eżaminati separatament mill-applikazzjonijiet fl-ordni li jkunu waslu.
Skont it-tip ta’ deċiżjoni, l-eżiti jistgħu jkunu kif ġej:
Ir-reġistru BULSTAT fih informazzjoni dwar:
Persuni fiżiċi u legali u entitajiet legali oħrajn attivi fir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kapaċità tagħhom bħala fiduċjarji ta’ trusts jew fondi ta’ kustodja jew entitajiet legali barranin simili stabbiliti u li jeżistu taħt ġurisdizzjonijiet li jippermettu tali forom ta’ trusts.
L-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru BULSTAT fuq il-bażi tad-dokumenti sottomessi biex tiġi pprovduta d-data msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punti minn 1 sa 7 u l-punt 19 u l-Artikolu 7(9) tal-Att tar-Reġistru BULSTAT hija fl-isfera pubblika. Kulħadd jista’ jfittex dettall partikolari.
Ir-reġistru BULSTAT twaqqaf fuq il-bażi tar-reġistru tal-entitajiet kummerċjali (RSS EKPOU) miżmum fl-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika, f’konformità mal-Artikolu 6(7) tal-Att dwar l-Istatistika. Permezz tad-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 206 tat-30 ta’ Ottubru 1995, ġew adottati regoli għall-ħolqien tar-reġistru. Ir-reġistru statali unifikat tal-entitajiet kummerċjali, “BULSTAT” beda jopera fir-Repubblika tal-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 1996. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 379 tat-30 ta’ Lulju 1998, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni fir-reġistru statali unifikat tal-entitajiet kummerċjali ġie adottat bħala Kodiċi ta’ Identifikazzjoni Uniku (KIU) għall-entitajiet legali kollha u entitajiet oħrajn involuti f’attivitajiet kummerċjali fil-Bulgarija. Fis-17 ta’ Ġunju 1999, l-Assemblea Nazzjonali adottat l-Att dwar l-Istatistika. Dan l-Att stipula l-metodu għall-istabbiliment, il-funzjonament u l-użu tar-reġistru unifikat BULSTAT għall-identifikazzjoni tal-operaturi involuti f’attivitajiet kummerċjali fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija. Ir-reġistru BULSTAT żviluppa biex sar wieħed mir-reġistri amministrattivi ewlenin, u fis-sena 2000 id-data tiegħu saret disponibbli permezz tas-sit web tar-reġistru.
Fil-11 ta’ Awwissu 2005, il-ġestjoni tar-reġistru BULSTAT ġiet trasferita lill-Aġenzija tar-Reġistrazzjonijiet. Dan fih ir-reġistrazzjonijiet għall-entitajiet legali u fergħat ta’ entitajiet legali li mhumiex operaturi tas-suq jew entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ skont it-tifsira tal-Att dwar l-Entitajiet Legali mingħajr Skop ta’ Qligħ li huma meħtieġa jirreġistraw fir-reġistru kummerċjali jew fir-reġistru tal-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ; Il-persuni li jeżerċitaw professjoni libera jew li jaħdmu fis-snajja’ wkoll huma meħtieġa jirreġistraw. Sal-1 ta’ Jannar 2008, l-operaturi tas-suq kienu obbligati jirreġistraw fil-BULSTAT fi żmien sebat ijiem; wara dan, dan waqa’ f’idejn ir-reġistru kummerċjali.
L-entrati u t-tħassir isiru fuq il-bażi ta’ applikazzjoni ppreżentata bl-użu ta’ formola standard.
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati jew mal-bank fi kwalunkwe uffiċċju tal-Aġenzija tar-Reġistri jew elettronikament permezz tal-portal BULSTAT.
L-applikazzjonijiet f’forma fiżika jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe uffiċċju lokali tal-Aġenzija tar-Reġistri, irrispettivament minn fejn tkun ibbażata l-entità. Ladarba jiġu aċċettati mill-uffiċċji tal-Aġenzija, l-applikazzjonijiet fiżiċi jiġu skennjati u maħżuna bħala hemżiet fis-sistema tal-kompjuter tal-BULSTAT. Id-dokumenti mehmuża bħala annessi għall-applikazzjonijiet iridu jkunu oriġinali jew kopji ċċertifikati mill-applikant jew minn nutar pubbliku.
L-applikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġu sottomessi fi kwalunkwe ħin permezz tal-portal tar-reġistru tal-BULSTAT.
Skont l-istatus tagħhom, l-entitajiet li jridu jirreġistraw mal-BULSTAT iridu jipprovdu:
Kull entrata riċevuta biex tiddaħħal fis-sistema tal-kompjuter tar-reġistru (applikazzjoni jew talba għall-korrezzjoni ta’ żball) tingħata numru ta' referenza uniku fil-format “ssssxxjjssmmss” (siegħa, xahar, jum, siegħa, minuta, sekonda).
L-applikazzjonijiet u t-talbiet għad-dħul jew it-tħassir jiġu eżaminati minn uffiċjal tar-reġistrazzjoni, skont l-ordni li jkunu daħlu. L-uffiċjal tar-reġistrazzjoni joħroġ deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet u t-talbiet għad-dħul jew it-tħassir sa tmiem il-ġurnata tax-xogħol fil-jum wara dak tal-wasla.
Skont it-tip ta’ deċiżjoni, l-eżiti jistgħu jkunu kif ġej:
Tista’ ssir tiftixa fir-reġistru online permezz ta’:
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.