Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

F’din it-taqsima ssib informazzjoni ġenerali dwar ir-reġistru kummerċjali tal-Awstrija.

X'joffri r-reġistru kummerċjali tal-Awstrija?

Ir-reġistru kummerċjali (Firmenbuch, magħruf ukoll bħala r-“reġistru prinċipali” (Hauptbuch)) fih informazzjoni dwar in-negozji Awstrijaċi rreġistrati kollha (ara l-Artikolu 2 tal-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali (Firmenbuchgesetz – FBG). Id-dokumenti li dawk l-entrati huma bbażati fuqhom jinħażnu f’arkivju elettroniku tad-dokumenti miżmum mill-Ministeru għall-Ġustizzja (arkivju tad-dokumenti (Urkundensammlung)). L-informazzjoni dwar il-kumpanija u l-arkivju tad-dokument huma disponibbli għall-pubbliku online, iżda l-aċċess huwa soġġett għal ħlas.

Id-data tal-kumpaniji tista’ tiġi aċċessata wkoll mill-awtoritajiet Awstrijaċi permezz tal-portal taċ-Ċentru Federali tal-Kompjuterizzazzjoni (Bundesrechenzentrum – BRZ). Il-membri tal-UE jistgħu jaċċessaw id-data permezz tar-Reġistru Kummerċjali Ewropew (European Business Register – EBR).

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali fl-Awstrija huwa bla ħlas?

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali Awstrijak huwa bil-ħlas.

Kif tfittex fir-reġistru kummerċjali tal-Awstrija

Kulħadd huwa jista’ jaċċessa l-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali sabiex jikseb informazzjoni dwar l-entrati fir-reġistru.

Billi ddaħħal in-numru tal-fajl tar-reġistru kummerċjali (Firmenbuchnummer), tista’ tikseb kopja tad-data attwali. Barra minn hekk, tista’ tikseb data li tkun tħassret billi titlobha (sakemm id-data tkun elettronikament disponibbli). It-talbiet jistgħu anki jikkonċernaw entrati li għadhom kemm ġew irreġistrati, emendati jew imħassra.

L-aċċess pubbliku għall-bażi tad-data tar-reġistru kummerċjali huwa pprovdut mill-kumpaniji magħrufa bħala “kmamar tal-ikklirjar” (Verrechnungsstellen) b’kuntratt mal-Ministeru għall-Ġustizzja biex iwieġbu t-talbiet. Dawn iwettqu servizzi bil-ħlas, fosthom iwieġbu t-talbiet dwar ir-reġistru kummerċjali u jipprovdu kopji ċċertifikati tal-entrati fir-reġistru li jkunu ekwivalenti għal ċertifikati maħruġa uffiċjalment.

Madankollu, dokument pubbliku li jiċċertifika l-istatus tal-kumpanija fir-reġistru kummerċjali għall-użu ta' awtorità pubblika jista' jingħata biss minn qorti reġjonali (Landesgericht) (uffiċċju tar-reġistru kummerċjali (Firmenbuchabteilung)).

Kemm huma affidabbli d-dokumenti li hemm fir-reġistru?

Skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 2009/101/KE kif emendata mid-Direttiva 2012/17/UE, l-Istati Membri jridu jispjegaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li skonthom terzi jistgħu jserrħu fuq id-dettalji u d-dokumenti dwar il-kumpaniji msemmijin fl-Artikolu 2 (eż. setgħa ta’ rappreżentanza ta’ korpi, statuti ta’ assoċjazzjoni). Dan id-dokument ta’ informazzjoni jistabbilixxi s-sitwazzjoni ġuridika fl-Awstrija.

Fl-Awstrija, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/101/KE, id-dettalji u d-dokumenti li jirrigwardaw il-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (Aktiengesellschaften – AG) u l-kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata (Gesellschaften mit beschränkter Haftung – GmbH) iridu jkunu aċċessibbli fir-reġistru kummerċjali, u l-bażi legali għalih huma l-Kodiċi tal-Kummerċ (Unternehmensgesetzbuch – UGB) u l-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali (Firmenbuchgesetz – FBG). Ir-reġistru kummerċjali jinżamm mill-qrati fil-forma ta’ reġistru elettroniku. Dan jikkonsisti fir-reġistru prinċipali, li fih jiddaħħlu u jitħassru l-fatti legali (eż. is-setgħa ta’ rappreżentanza tal-korpi), u l-arkivju tad-dokumenti, li fih id-dokumenti rilevanti (eż. l-istatuti ta’ assoċjazzjoni).

Skont l-Artikolu 10(1) tal-Kodiċi tal-Kummerċ, l-entrati fir-reġistru kummerċjali jridu jiġu kkomunikati fil-bażi tad-data tal-avviżi legali (Ediktsdatei, li hija disponibbli online mingħajr ħlas), u fil-Gazzetta Uffiċjali Wiener Zeitung. Din il-komunikazzjoni titqies li sseħħ fil-mument meta d-data rilevanti tiddaħħal fil-bażi tad-data tal-avviżi legali.

L-effetti tal-entrati fir-reġistru kummerċjali fil-konfront ta’ terzi huma rregolati mill-Artikolu 15 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li tiddikjara li fatt li kellu jiddaħħal fir-reġistru kummerċjali, iżda li ma ddaħħalx, ma jistax jiġi invokat mill-kumpanija kkonċernata kontra terzi, sakemm dawk it-terzi ma kinux diġà konxji tal-fatt inkwistjoni (il-paragrafu 1). Ladarba fatt jiddaħħal, it-terzi jridu jaċċettaw il-fatt bħala vinkolanti għalihom. Madankollu, dan ma japplikax għal atti legali mwettqa fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni, dment li t-terzi juru li la kienu konxji u lanqas ma jmisshom kienu konxji tal-fatt (il-paragrafu 2). Il-kumpanija trid taċċetta wkoll entrati inkorretti bħala vinkolanti fil-konfront ta’ terzi fi tranżazzjonijiet kummerċjali jekk għamlet l-entrata inkorretta hija stess jew ma ħassritx entrata li kienet taf jew imissha kienet taf li kienet inkorretta. Madankollu, il-kumpanija ma għandhiex għalfejn taċċetta entrati inkorretti bħala vinkolanti fuqha jekk tista’ turi jew li t-terzi aġixxew mingħajr ma bbażaw ruħhom fuq l-entrata, jew li t-terzi kienu jafu li kienet inkorretta jew li ma kinux jafu minħabba negliġenza gravi (il-paragrafu 3).

Il-verżjoni vinkolanti tal-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ AG jew GmbH tkun dejjem dik li tidher fir-reġistru kummerċjali, peress li kull emenda għall-istatuti ta’ assoċjazzjoni ma jkollha l-ebda effett legali qabel ma tiddaħħal fir-reġistru kummerċjali (l-Artikolu 148(3) tal-Att dwar il-Kumpaniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata (Aktiengesetz – AktG), l-Artikolu 49(2) tal-Att dwar il-Kumpaniji Privati b’Responsabbiltà Limitata (GmbH-Gesetz – GmbHG)).

L-istorja tar-reġistru kummerċjali tal-Awstrija

L-entrati fir-reġistru kummerċjali Awstrijak kienu oriġinarjament miżmuma fuq karti. Meta r-Reġistru ġie awtomatizzat fl-1991, id-data miżmuma fuq karti kienet ġiet ittrasferita għal fuq bażi tad-data elettronika. Minn dak iż-żmien lil hawn, id-data kollha, kemm dik attwali kif ukoll dik storika, hija disponibbli elettronikament.

Ħoloq relatati

Ir-Registru Kummerċjali Ewropew

Informazzjoni ġenerali dwar ir-reġistru kummerċjali Awstrijak

Bażi tad-data tal-avviżi legali tal-ġudikatura Awstrijaka

Test legali sħiħ tal-Kodiċi tal-Kummerċ

Test legali sħiħ tal-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali

Test legali sħiħ tal-Att dwar il-Kumpaniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata

Test legali sħiħ tal-Att dwar il-Kumpaniji Privati b’Responsabbiltà Limitata

L-aħħar aġġornament: 17/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Észrevételek

Itt megoszthatja velünk az új webhellyel kapcsolatos észrevételeit és megjegyzéseit