Dritt Internazzjonali

Id-dritt internazzjonali huwa ġabra ta' regoli rikonoxxuti mill-istati jew min-nazzjonijiet bħala vinkolanti fuq ir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, inklużi r-relazzjonijiet tagħhom ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Id-dritt internazzjonali ġeneralment ikun inkorporat fi ftehimiet bejn l-Istati sovrani u/jew ikun derivat minn ftehimiet ta' dan it-tip.

Żoni

It-terminu “dritt internazzjonali” jista’ jirreferi għal żewġ dixxiplini legali:

  • Id-dritt internazzjonali pubbliku: dan jirregola r-relazzjoni bejn l-istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn jittratta oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-liġi tat-trattati, il-liġi tal-baħar, id-dritt kriminali internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali.
  • Id-dritt internazzjonali privat – jew kunflitt ta’ liġijiet – sett ta’ regoli tad-dritt proċedurali li jiddeterminaw liema sistema legali tirregola u l-liġi ta' liema ġuriżdizzjoni tapplika għal tilwima legali partikolari. Dawn ir-regoli japplikaw meta tilwima legali jkollha element transfruntiera bħal kuntratt miftiehem bejn partijiet li jinsabu fi Stati differenti jew meta l-element transfruntiera jeżisti f’pajjiż b’għadd ta’ ġuriżdizzjonijiet.

Relazzjoni mal-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE)

Għalkemm il-liġi tal-UE tista’ tiġi kkunsidrata bħala forma speċifika ta’ dritt internazzjonali, il-korp prinċipali tal-liġi tal-UE għandu xi karatteristiċi partikolari li ġeneralment ma ssibhomx fid-dritt internazzjonali: b’mod partikolari, iċ-ċittadini jistgħu jinvokaw id-drittijiet iggarantiti mil-liġi tal-UE quddiem il-qrati fl-Istati Membri tal-UE, filwaqt li d-dritt internazzjonali jeħtieġ li jiġi traspost f’liġi nazzjonali qabel ma ċ-ċittadini jkunu jistgħu jinvokawh. Barra minn hekk, id-dritt tal-UE ta’ spiss jipprevali fuq il-liġi tal-Istati Membri tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex dan il-Portal għandu paġni separati għad-dritt tal-UE u għad-dritt internazzjonali.

Sorsi u bażijiet ta' data

Tista’ ssib id-dritt internazzjonali prinċipalment fi ftehimiet jew f’konvenzjonijiet internazzjonali, kif ukoll f’sett ta’ valuri, standards u prinċipji li huma rikonoxxuti komunement, li mhux bilfors iridu jissemmew b’mod espliċitu fi ftehim. Il-ftehimiet internazzjonali jistgħu jkunu bilaterali (jiġifieri bejn żewġ stati sovrani) jew multilaterali (jiġifieri bejn iktar minn żewġ stati). Ferm ta’ spiss, dawn ikunu ppreparati u nnegozjati fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Kunsill tal-Ewropa u ħafna oħrajn. Sors importanti ieħor tad-dritt internazzjonali hija l-ġurisprudenza tal-qrati internazzjonali.

Hemm bosta sorsi ta' informazzjoni disponibbli pubblikament dwar id-dritt internazzjonali. Din hija lista mhux eżawrjenti:

In-Nazzjonijiet Uniti ħolqot ukoll il-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali. Il-kompitu huwa li tippromwovi l-iżvilupp progressiv tad-dritt internazzjonali u l-kodifikazzjoni tiegħu. Għal dan l-għan, hija tippubblika studji u stħarriġ, tiġbor preċedenti u telabora proposti għal trattati ġodda. Xogħol il-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali wassal għal għadd ta’ trattati importanti u għal xogħlijiet prinċipali oħrajn tad-dritt internazzjonali.

L-aħħar aġġornament: 01/02/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.